SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)
14 ta’ Lulju 2016 ( *1 )
“FAEGG, FAEG u FAEŻR — Infiq eskluż mill-finanzjament — Korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa — Kundizzjonalità — Rekwiżiti minimi għall-kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba — Standards — Artikolu 5(1) u Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 — Artikolu 6(1) u Anness III tar-Regolament (KE) Nru 73/2009”
Fil-Kawża T‑661/14,
Ir‑Repubblika tal-Latvja, irrappreżentata minn I. Kalniņš u D. Pelše, bħala aġenti,
rikorrenti,
vs
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Sauka u D. Triantafyllou, bħala aġenti,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni, tad-9 ta’ Lulju 2014, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri skont it-Taqsima ta’ Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2014, L 205, p. 62), sa fejn din id-deċiżjoni teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni ċertu nfiq tar-Repubblika tal-Latvja, li jammonta għal EUR 739393.95, minħabba n-nuqqas ta’ konformità tiegħu mar-regoli tal-Unjoni,
IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn M. Jaeger, President, M. Prek u V. Kreuschitz (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas-27 ta’ Jannar 2016,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1
Fil-kuntest ta’ spezzjoni ta’ approvazzjoni tal-konformità skont l-Artikolu 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU 2005, L 209, p. 1), il-Kummissjoni Ewropea, b’ittra tas-26 ta’ Novembru 2010, informat lir-Repubblika tal-Latvja li hija kienet ikkonstatat numru ta’ nuqqasijiet fid-dawl tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-kundizzjonalità, in-nuqqas ta’ implementazzjoni ta’ ċerti standards previsti fl-Anness IV tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269), kif ukoll fl-Anness III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, tad‑19 ta’ Jannar 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006 u (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU 2009, L 30, p. 16). Skont il-Kummissjoni, dawn in-nuqqasijiet kienu jirrigwardaw l-istandards u s-snin ta’ dikjarazzjoni li ġejjin: “Kopertura minima tal-ħamrija”, fl-2008 u fl-2009; “Standards għal rotazzjonijiet tal-uċuħ tar-raba’”, fl-2008; “Rati minimi tal-istokk tal-annimali u/jew sistemi adegwati”, fl-2008, “Żamma ta’ elementi tal-pajsaġġ”, fl-2008 u fl-2009.
2
B’ittra tas-27 ta’ Jannar 2011 indirizzata lill-Kummissjoni, l-awtoritajiet Latvjani b’mod partikolari spjegaw li l-istandards intitolati “Standards għal rotazzjonijiet tal-uċuħ tar-raba’” u “Rati minimi tal-istokk tal-annimali u/jew sistemi adegwati” ma kinux ġew iddefiniti bħala rekwiżiti minimi fil-Latvja. Konformement mal-Anness III tar-Regolament Nru 73/2009, intitolat “Kondizzjonjiet statutarji ta’ amministrazzjoni msemmija fl-Artikolu 6”, dawn l-istandards kienu se jibqgħu fakultattivi wara l-1 ta’ Jannar 2009 u ma kinux se jiġu implementati. Fir-rigward tal-istandard intitolat “Kopertura minima tal-ħamrija”, l-awtoritajiet Latvjani indikaw li, mill-2010, dan kien ġie implementat, fuq rakkomandazzjoni ta’ grupp ta’ ħidma kompost minn esperti u organizzat mill-Kummissjoni, permezz tar-rekwiżit li kienet inżammet sistema ta’ titjib taħt ir-responsabbiltà tal-bdiewa fuq il-ħbula agrikoli, li jiżgura r-regolament tas-sistema tal-umdità fil-ħamrija.
3
B’ittra tat-23 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006, tal-21 ta’ Ġunju 2006, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni ta’ l-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU 2006, L 171, p. 90), stiednet lill-awtoritajiet Latvjani għal laqgħa bilaterali. F’din l-ittra, il-Kummissjoni indikat li kienet qiegħda żżomm il-pożizzjoni tagħha li l-istandards intitolati “Standards għal rotazzjonijiet tal-uċuħ tar-raba’” u “Rati minimi tal-istokk tal-annimali u/jew sistemi adegwati” kellhom jiġu ppreżentati taħt is-sena ta’ dikjarazzjoni 2008, fatt li ma kienx sar. Fir-rigward tal-implementazzjoni tal-istandard intitolat “Kopertura minima tal-ħamrija”, il-Kummissjoni speċifikat li l-ispjegazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Latvjani kienet tirrigwarda biss ir-regolament tal-umdità fil-ħamrija. Għalhekk, dan l-istandard ġie introdott biss taħt is-sena ta’ dikjarazzjoni 2010. Fl-aħħar, il-Kummissjoni rrilevat in-nuqqas ta’ kjarifika addizzjonali fir-rigward tal-istandard intitolat “Żamma ta’ elementi tal-pajsaġġ” u minn dan ikkonkludiet li dan kien nieqes għas-snin ta’ dikjarazzjoni 2008 u 2009.
4
Il-laqgħa bilateriali nżammet fl-20 ta’ Settembru 2012.
5
B’ittra tas-6 ta’ Novembru 2012, l-awtoritajiet Latvjani spjegaw lill-Kummissjoni li wħud mill-istandards ma kinux meħtieġa fil-kuntest nazzjonali u li l-implementazzjoni tagħhom ma kinitx tagħmel sens. Barra minn hekk, huma enfasizzaw b’mod partikolari li l-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea, fir-Rapport Speċjali Nru 8/2008 tagħha, intitolat “Il-cross compliance hija politika effettiva?”, kienet indikat li l-għanijiet tal-kundizzjonalità la kienu ddefiniti b’mod konkret, la setgħu jitkejlu, la setgħu jintlaħqu, la kienu rilevanti u lanqas iddatati.
6
Fit-30 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni kkomunikat lill-awtoritajiet Latvjani rapport tal-laqgħa bilaterali, li jinkludi. fil-qosor, l-informazzjoni addizzjonali li l-imsemmija awtoritajiet kienu pprovdew fl-ittra tagħhom tas-6 ta’ Novembru 2012. Fil-25 ta’ Frar 2013, il-Kummissjoni bagħtet rapport bil-Latvjan li fih hija talbet informazzjoni addizzjonali. L-awtoritajiet Latvjani pprovdew din l-informazzjoni fil-25 ta’ April 2013.
7
Fil-11 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni kkomunikat lill-awtoritajiet Latvjani l-proposta tagħha li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni l-ammont totali ta’ EUR 861763.19 minħabba nuqqas ta’ implementazzjoni tal-istandards inkwistjoni, inkluż assenza ta’ kontrolli u ta’ penali għar-rekwiżiti amministrattivi minimi. F’din l-ittra, il-Kummissjoni esponiet, b’mod partikolari, dan li ġej:
“Fil-qosor, il-[Kummissjoni] issostni li erba’ standards KAAT [dwar “kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba”] minn għaxra ma ġewx iddefiniti matul is-sena ta’ dikjarazzjoni 2008 u li żewġ standards KAAT minn tmienja ma ġewx iddefiniti matul is-sena ta’ dikjarazzjoni 2009. L-awtoritajiet Latvjani ppreżentaw stima tar-riskju potenzjali għall-Fondi għal uħud mis-snin ta’ dikjarazzjoni. Il-[Kummissjoni] madankollu ma tistax taċċetta din l-istima għaliex hija ma għandhiex il-garanzija li l-ammonti hekk iddefiniti jikkorrispondu għar-riskju kollu għall-Fondi. Barra minn hekk, din l-istima ma tiħux inkunsiderazzjoni t-telf ta’ effett dissważiv dovut għan-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ kontrolli u ta’ penali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
8
Fl-20 ta’ Diċembru 2013, l-awtoritajiet Latvjani adixxew il-korp ta’ konċiljazzjoni b’talba li tesponi l-motivi li għalihom huma kienu jqisu li l-Kummissjoni kienet kisret id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti Nri 1782/2003 u 73/2009.
9
B’ittra tas-27 ta’ Jannar 2014, il-korp ta’ konċiljazzjoni ċaħad it-talba bħala inammissibbli għar-raġunijiet li l-ammont tal-korrezzjonijiet finanzjarji kontenzjużi kien inqas minn EUR 1 miljun u li l-imsemmija talba ma kinitx tqajjem kwistjoni ta’ prinċipju li kienet is-suġġett tal-proċedura bilaterali.
10
B’ittra tat-3 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni kkomunikat lir-Repubblika tal-Latvja l-ammonti li kienet qiegħda tipproponi li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni, li kienu jammontaw għas-somma totali ta’ EUR 741624.23.
11
Sussegwentement, ir-Repubblika tal-Latvja rċeviet ir-rapport sommarju, tal-5 ta’ Mejju 2014 bir-riferenza D(2014)1819246-ANN2-EN/FR, dwar ir-riżultati tal-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ approvazzjoni tal-konformità skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament [tal-Kunsill] (KE) Nru 1258/1999, [tas‑17 ta’ Mejju 1999, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 414), u skont l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005 (iktar ’il quddiem ir-“rapport sommarju”).
12
Il-motivazzjoni rilevanti għall-korrezzjonijiet finanzjarji hija esposta fil-paġni 98 u 105 tar-rapport sommarju. Hemmhekk huwa indikat li l-Istat Membru għandu, skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 73/2009, jistabbilixxi regoli li jirrigwardaw l-istandards kollha elenkati fl-Anness IV u fl-Anness III tal-imsemmija regolamenti rispettivament, ħlief f’każijiet iġġustifikati.
13
Fir-rigward tas-sena ta’ dikjarazzjoni 2008, ir-rapport sommarju jesponi li erba’ standards minn għaxra la kienu ddefiniti u lanqas ikkontrollati, jiġifieri l-istandards intitolati “Standards għal rotazzjonijiet tal-uċuħ tar-raba’”, “Rati minimi tal-istokk tal-annimali”, “Kopertura minima tal-ħamrija” u “Żamma ta’ elementi tal-pajsaġġ”. Il-Kummissjoni kkonstatat ukoll 106 każ ta’ kalkolu żbaljat ta’ penali. Skont id-dokument AGRI-2005-64043, tad-9 ta’ Ġunju 2006, intitolat “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni fuq l-ipproċessar, mill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-approvazzjoni tal-kontijiet tat-Taqsima tal-Garanziji tal-FAEGG, tan-nuqqasijiet ikkonstatati fis-sistemi ta’ kontroll tal-kundizzjonalità implementata mill-Istati Membri” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (iktar ’il quddiem id-“Dokument AGRI-2005-64043”), hija attribwixxiet rata ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % għan-nuqqasijiet identifikati fil-kuntest tal-kontrolli prinċipali tas-sena ta’ dikjarazzjoni 2008. Fir-rigward tan-nuqqasijiet ikkonstatati f’dan il-każ dwar l-istandards relatati mal-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba (iktar ’il quddiem l-“istandards KAAT”), il-Kummissjoni rrilevat li dawn kienu jiġġustifikaw fihom infushom korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % fil-konfront tal-populazzjoni kollha ta’ bdiewa suġġetti għall-kontroll tal-kundizzjonalità. Il-kalkolu tal-ammont ipprovdut mill-awtoritajiet Latvjani dwar il-106 kalkolu żbaljat ta’ penali huwa meqjus kopert mill-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % għas-sena ta’ dikjarazzjoni 2008.
14
Fir-rigward tas-sena ta’ dikjarazzjoni 2009, ir-rapport sommarju jirrileva li żewġ standards minn tmienja la kienu ddefiniti u lanqas ikkontrollati, jiġifieri l-istandards intitolati “Kopertura minima tal-ħamrija” u “Żamma ta’ elementi tal-pajsaġġ”. Barra minn hekk, l-imsemmi rapport jikkonstata nuqqasijiet oħra fil-penali fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ ġestjoni statutorji (RĠS) 4 u 7. Il-Kummissjoni qieset li, minkejja li kienu ġew identifikati nuqqasijiet fil-kontrolli prinċipali għas-sena ta’ dikjarazzjoni 2009, fid-dawl tal-fatt li kien ġie introdott titjib fis-sistema ta’ kontroll tal-kundizzjonalità fil-Latvja, ir-riskju sostnut mit-Taqsima ta’ Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“Fondi”) kellu jkun inqas għal din is-sena milli għas-sena ta’ dikjarazzjoni 2008, b’mod li n-nuqqasijiet ikkonstatati kienu jiġġustifikaw korrezzjoni b’rata fissa ta’ 2 % għas-sena ta’ dikjarazzjoni 2009. Il-kalkoli pprovduti mill-awtoritajiet Latvjani fir-rigward tal-ammonti marbuta man-nuqqasijiet fil-penali dwar ir-RĠS 4 u 7 jitqiesu li huma koperti mir-rata ta’ 2 %.
15
Fid-9 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni adottat, abbażi tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 u tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/458/UE, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri skont il-Fondi (ĠU 2014, L 205, p. 62, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni eskludiet, għas-snin 2009 sa 2012, ċertu nfiq tar-Repubblika tal-Latvja, għal ammont totali ta’ EUR 739393.95, li kien tħallas mill-aġenzija tal-ħlas akkreditata, fid-dawl tat-twaqqif tar-rekwiżiti fil-qasam tal-kundizzjonalità, minħabba n-nuqqas ta’ konformità tiegħu mar-regoli tal-Unjoni.
16
Id-deċiżjoni kkontestata ġiet innotifikata lir-Repubblika tal-Latvja fil-11 ta’ Lulju 2014 u ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta’ Lulju 2014 (ĠU 2014, L 205, p. 62).
17
L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi li l-ispejjeż tal-aġenziji tal-ħlas akkreditati tal-Istati Membri li ġew iddikjarati taħt il-Fondi u huma indikati fl-anness tagħha għandhom jitneħħew mill-finanzjament tal-Unjoni minħabba n-nuqqas ta’ konformità tagħhom mar-regoli tal-Unjoni. Il-korrezzjonijiet finanzjarji b’rata fissa applikati fil-konfront tar-Repubblika tal-Latvja – bir-rata, skont il-każ, ta’ 2 jew ta’ 5 % – jinsabu fil-paġni 69, 70, 73 u 74 tal-imsemmi anness.
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
18
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Settembru 2014, ir-Repubblika tal-Latvja ressqet dan ir-rikors.
19
Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura
20
Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89(3)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kummissjoni tipproduċi d-Dokument VI/5330/97, tat-23 ta’ Diċembru 1997, intitolat “Linji gwida tal-Kummissjoni li jirrigwardaw il-kalkolu tal-konsegwenzi finanzjarji fil-preparazzjoni tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEGG[, Taqsima ‘Garanzija’]” (iktar ’il quddiem id-“Dokument VI/5330/97”). Il-Kummissjoni ssodisfat din it-talba fit-terminu stabbilit.
21
Minħabba impediment ta’ Membru tar-Raba’ Awla, il-President tal-Qorti Ġenerali ġie maħtur sabiex jikkompleta l-Awla.
22
It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-27 ta’ Jannar 2016.
23
Ir-Repubblika tal-Latvja titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni parti mill-infiq tagħha, li jammonta għal EUR 739393.95;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
24
Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiċħad ir-rikors bħala manifestament infondat;
—
tikkundanna lir-Repubblika tal-Latvja għall-ispejjeż.
Id-dritt
Sunt tal-motivi għal annullament
25
Fil-kuntest tar-rikors tagħha, ir-Repubblika tal-Latvja tinvoka żewġ motivi.
26
Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Latvja tikkontesta l-fondatezza tal-korrezzjonijiet finanzjarji kontenzjużi li huma mmotivati mill-allegat nuqqas ta’ implementazzjoni tal-istandards KAAT. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni naqset milli tosserva l-portata tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 73/2009.
27
Permezz tat-tieni motiv, ir-Repubblika tal-Latvja ssostni, essenzjalment, li, fil-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji kontenzjużi, il-Kummissjoni kisret, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ proporzjonalità u applikat b’mod żbaljat ir-Regolament Nru 1290/2005, id-Dokument AGRI-2005-64043 kif ukoll id-Dokument VI/5330/97.
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 73/2009
L-argumenti tal-partijiet
28
Skont ir-Repubblika tal-Latvja, minkejja li l-Istati Membri huma obbligati, fid-definizzjoni tar-rekwiżiti minimi previsti mir-Regolament Nru 1782/2003, li josservaw id-dispożizzjonijiet tal-Anness IV tal-imsemmi regolament, dan iħallilhom, bl-użu ta’ kunċetti u ta’ termini ġenerali, ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni konkreta tal-imsemmija kundizzjonijiet. L-imsemmi regolament huwa limitat għat-twaqqif ta’ qafas leġiżlattiv ġenerali li fih l-Istati Membri jkollhom, skont l-Artikolu 5(1) tiegħu, setgħa diskrezzjonali li jiddeterminaw, b’mod partikolari, l-istandards KAAT li huma meħtieġa fil-kuntest nazzjonali, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari taż-żoni kkonċernati.
29
Ir-Repubblika tal-Latvja introduċiet l-istandards KAAT fl-2008 u l-2009 konformement mar-Regolamenti Nri 1782/2003 u 73/2009, billi li ħadet inkunsiderazzjoni l-kuntest nazzjonali tagħha. Meta għamlet dan, hija ħadet inkunsiderazzjoni wkoll l-ittra tal-Kummissjoni, tat-30 ta’ Lulju 2007, li kienet tispeċifika li dawn l-istandards kellhom jiġu ddefiniti biss sa fejn kienu importanti fl-imsemmi kuntest. Bl-istess mod, fl-ittra tagħha tas-26 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni indikat li l-Istati Membri kellhom jistabbilixxu dispożizzjonijiet għat-temi u l-istandards kollha elenkati fl-Anness IV tar-Regolament Nru 1782/2003 u fl-Anness III tar-Regolament Nru 73/2009, ħlief f’każijiet iġġustifikati. Il-Kummissjoni ħadet pożizzjoni f’dan l-istess sens, kemm fir-rapport tagħha tad-29 ta’ Marzu 2007 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-applikazzjoni tas-sistema tal-kundizzjonalità [COM(2007) 147], kif ukoll fil-Komunikazzjoni dwar il-kontroll tas-saħħa tar-riforma tal-politika agrikola komuni, tal-20 ta’ Mejju 2008. Ir-Repubblika tal-Latvja kkonkludiet minn dan li hija setgħet tillimita ruħha li tintroduċi biss l-istandards li kienu importanti fil-kuntest nazzjonali tagħha.
30
Fil-fatt, l-istandards KAAT huma obbligatorji biss meta l-Istat Membru jikkonstata li l-implementazzjoni tagħhom hija meħtiġa fil-kuntest nazzjonali. Fl-assenza ta’ kriterji iktar preċiżi previsti mir-Regolament Nru 1782/2003, huwa biss l-Istat Membru, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, li jista’ jagħti forma konkreta lill-imsemmija standards fis-sistema legali tiegħu u li jiddetermina jekk dawn humiex meħtieġa u, għalhekk, obbligatorji f’dan is-sens. Sabiex jaġixxi f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, huwa biżżejjed għalhekk li l-Istat Membru jissodisfa l-obbligu tiegħu tat-twettiq ta’ implementazzjoni tal-istandards meħtieġa. F’dan il-każ, għall-finijiet tal-analiżi tal-għanijiet rilevanti u tal-problemi li għandhom jiġu solvuti, ir-Repubblika tal-Latvja għażlet l-istandards li kienu l-iktar xierqa, l-iktar importanti u l-iktar adattati għall-partikolaritajiet tat-territorju Latvjan.
31
L-ewwel nett, fir-rigward tar-rekwiżit li jikkonsisti fil-“protezzjoni tal-ħamrija permezz ta’ miżuri adegwati” kif ukoll l-istandards previsti għal dan il-għan, jiġifieri dawk intitolati “Kopertura minima tal-ħamrija”, “Ġestjoni minima tal-art li tirrifletti l-kondizzjonijiet speċifiċi tas-sit” u “Żamma tar-raba’ mtarraġ”, ir-Repubblika tal-Latvja tqis li għażlet l-istandard l-iktar effikaċi meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-“karatteristiċi speċifiċi taż-żoni kkonċernati”. Fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari tal-art agrikola Latvjana, b’mod partikolari tal-artijiet żgħar magħmula minn tlajja’ weqfin u tal-użu prinċipali tal-imsemmija art bħala mergħat permanenti, hija kkonkludiet li l-ġestjoni tagħhom kienet inqas importanti fil-Latvja u li ma kienx meħtieġ li jiġi introdott l-istandard intitolat “Kopertura minima tal-ħamrija”.
32
It-tieni nett, fir-rigward taż-żamma tal-“livelli ta’ materja organika fil-ħamrija permezz ta’ prattiki adegwati” u ta’ standards proposti għal dan il-għan, jiġifieri l-istandards intitolati “Ġestjoni tal-qasbija fir-raba’ tal-ħrit” u “Standards għal rotazzjonijiet tal-uċuħ tar-raba’, fejn meħtieġ, ir-Repubblika tal-Latvja tikkonferma li kien ġie deċiż li r-rotazzjoni tal-uċuħ tar-raba’ ma kellhiex tiġi introdotta bħala rekwiżit distint. Fil-fatt, tradizzjonalment il-bdiewa kienu jwettqu rotazzjoni tal-uċuħ tar-raba’ bħala metodu ta’ ġestjoni tal-art, b’mod li r-rekwiżit ta’ diversifikazzjoni tal-uċuħ tar-raba’ jkun diġà ssodisfatt għal 99,2 % tal-artijiet li jinħadmu u li l-istandard inkwistjoni japplika biss għal parti insinjifikanti tal-imsemmija art. Barra minn hekk, l-ispejjeż amministrattivi, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mill-kontrolli fiżiċi, għall-implementazzjoni potenzjali ta’ dan l-istandard, huma relattivament għolja u sproporzjonati meta mqabbla mal-vantaġġi miksuba. Fl-aħħar, in-natura fakultattiva tal-implementazzjoni tiegħu hija kkonfermata mill-użu tal-kliem “fejn meħtieġ”.
33
It-tielet nett, fir-rigward tal-obbligu ta’ “[ż]gurar ta’ livell minimu ta’ manutenzjoni u l-evitar tad-deterjorament tal-abitati”, kif ukoll tal-istandards proposti għal dan il-għan, jiġifieri l-istandards intitolati “Rati minimi tal-istokk tal-annimali u/jew sistemi adegwati”, “Protezzjoni ta’ mergħat permanenti”, “Żamma ta’ elementi tal-pajsaġġ”, “Evitar tal-invażjoni tal-artijiet agrikoli minn veġetazzjoni mhux mixtieqa” u “Żamma f’kondizzjoni veġetattiva tajba tal-imsaġar taż-żebbuġ u d-dwieli”, ir-Repubblika tal-Latvja ssostni li kien ġie deċiż li l-implementazzjoni separata tal-istandard intiż li jżomm il-karatteristiċi tal-pajsaġġ u ta’ dak dwar ir-rati tal-istokk tal-annimali ma kinitx meħtieġa. Hija tqis li l-istandard intitolat “Rati minimi tal-istokk tal-annimali u/jew sistemi adegwati” ma huwiex importanti fil-kuntest tal-kundizzjonalità, għaliex huwa jirrigwarda parti żgħira biss tal-azjendi u ta’ artijiet agrikoli. Barra minn hekk, l-għan tiegħu, jiġifieri ż-żamma ta’ mergħat permanenti, jintlaħaq fil-Latvja bl-implementazzjoni tar-rekwiżit li jirriżulta minn standard nazzjonali, f’dan il-każ il-punt 24.4 tar-Regolament Ministerjali Nru 269. L-implementazzjoni tal-imsemmi standard hija kuntrarja għall-għanijiet tal-imsemmi regolament ministerjali u għandha influwenza negattiva fuq l-osservanza tar-rekwiżit ta’ protezzjoni ta’ mergħat permanenti. Għalhekk, ir-Repubblika tal-Latvja rrikorriet għall-awtorizzazzjoni tagħha, taħt ir-Regolament Nru 1782/2003, li tiddefinixxi sistema xierqa oħra għall-manutenzjoni tal-mergħat permanenti. Fl-aħħar, l-istandards intitolati “rotazzjonijiet tal-uċuħ tar-raba’”, “Kopertura minima tal-ħamrija” u “Żamma ta’ elementi tal-pajsaġġ” ma humiex importanti fil-kuntest nazzjonali, filwaqt li l-għanijiet tal-istandard intitolat “Rati minimi tal-istokk tal-annimali u/jew sistemi adegwati” fi kwalunkwe każ intlaħqu bid-definizzjoni ta’ sistema adattata, jiġifieri l-kundizzjonijiet minimi tal-ħsad.
34
Ir-raba’ nett, ir-Repubblika tal-Latvja tfakkar l-importanza tar-riżoluzzjoni effettiva tal-problemi deskritti fl-Anness IV tar-Regolament Nru 1782/2003, li ma hijiex iggarantita bis-sempliċi implementazzjoni tal-istandards inkwistjoni, peress li dawn iridu jiġu implementati effettivament. Huma speċifikament l-awtoritajiet nazzjonali li huma familjari mal-kuntest nazzjonali, li jinsabu fl-aħjar pożizzjoni li jilħqu l-għanijiet tar-Regolament Nru 1782/2003 bl-iktar mod effikaċi possibbli. Dan jimplika – konformement mar-raġuni għad-deroga prevista fl-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament – il-possibbiltà għall-Istati Membri li jintroduċu parti biss mill-istandards li huma msemmija hemmhekk.
35
Minn dan ir-Repubblika tal-Latvja tikkonkludi li hija solviet il-problemi identifikati fl-Anness IV tar-Regolament Nru 1782/2003, billi kisbet l-għanijiet li huma stabbiliti f’dan ir-regolament u billi evalwat u ddeterminat, għal kull waħda minn dawn il-problemi, konformement mal-kuntest nazzjonali, l-istandards l-iktar adattati u l-iktar effikaċi minn fost dawk proposti mill-imsemmi regolament.
36
Ir-Repubblika tal-Latvja żżid li kien biss fil-15 ta’ Settembru 2009 li l-Kummissjoni kkonfermat li l-istandards kollha ddefiniti fl-Anness IV tar-Regolament Nru 1782/2003 kienu obbligatorji. Barra minn hekk, mill-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Latvjani jirriżulta li, fir-rigward ta’ uħud mill-istandards KAAT implementati fil-Latvja, il-Kummissjoni kienet qieset li dawn kellhom jiġu applikati, filwaqt li fir-rigward ta’ standards oħra, fosthom dawk relatati maż-“żamma tar-raba’ mtarraġ”, hija kienet ħadet pożizzjoni kuntrarja għal dik tar-Repubblika tal-Latvja. Minn dan, din tal-aħħar kienet ikkonkludiet a fortiori li l-applikazzjoni tal-istandards kollha ma kinitx obbligatorja. Dan l-approċċ inkoerenti tal-Kummissjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1782/2003 huwa barra minn hekk kuntrarju għall-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. In-nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni sa Settembru 2009 dwar l-istandards Latvjani introdotti fl-2008 u l‑2009 jindika li r-Repubblika tal-Latvja seta’ jkollha aspettattivi leġittimi li, sa din id-data, hija kienet aġixxiet f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.
37
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-Repubblika tal-Latvja tqis li hija ma kisritx id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 1782/2003 u 73/2009 u li l-Kummissjoni ma kellhiex bażi legali sabiex tapplika korrezzjoni finanzjarja fil-konfront tagħha.
38
Il-Kummissjoni tirribatti li r-Regolament Nru 1782/2003 ma jagħti ebda setgħa diskrezzjonali lill-Istati Membri dwar l-għażla tal-istandards li jinsabu fl-Anness IV tiegħu. L-istandards imsemmija hemmhekk għandhom jiġu implementati kollha, minbarra dawk li kienu irrilevanti fil-kuntest nazzjonali, fatt li l-Kummissjoni barra minn hekk diġà indikat fir-rapport tagħha tad-29 ta’ Marzu 2007 dwar l-applikazzjoni tas-sistema tal-kundizzjonalità. Billi kkonferixxa lill-Istati Membri r-rwol li jiddefinixxu l-imsemmija “kondizzjonijiet minimi”, il-leġiżlatur tal-Unjoni tahom il-possibbiltà li jieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi reġjonali li jeżistu fit-territorju tagħhom waqt l-implementazzjoni tal-istandards KAAT elenkati fl-imsemmi Anness IV, mingħajr madankollu ma jagħtihom id-dritt li jiddeċiedu li ma japplikawx affattu ċerti partijiet tal-imsemmija standards. Il-Kummissjoni tfakkar li l-proposta inizjali tagħha, tal-21 ta’ Jannar 2003, ta’ Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli komuni għall-iskemi ta’ għajnuna diretta fil-kuntest tal-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi skemi ta’ għajnuna għal produtturi ta’ ċerti prodotti agrikoli [COM(2003) 23 finali] ma kinitx tipprevedi l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw li l-art agrikola kollha tinżamm “f’kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba”, peress li dan l-obbligu huwa bbażat fuq għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni matul il-proċedura leġiżlattiva. Hija tispeċifika li, fi Stati Membri oħra, bħall-Estonja, Malta u l-Pajjiżi l-Baxxi, diversi standards KAAT implementati fl-2009 kienu jirrigwardaw numru relattivament żgħir ta’ art agrikola. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-pożizzjoni tagħha dwar l-istandard “Żamma tar-raba’ mtarraġ” hija bbażata fuq interpretazzjoni koerenti tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, “jiġifieri li l-istandards KAAT li ma humiex applikabbli fil-kuntest nazzjonali lanqas ma għandhom jiġu implementati” [traduzzjoni mhux uffiċjali]”. Fil-fatt, waħda mill-partikolaritajiet ġeografiċi tal-Latvja hija l-assenza ta’ raba’ mtarraġ, b’mod li ma huwiex meħtieġ li jiġi implementat dan l-istandard.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
– Osservazzjonijiet preliminari
39
Fil-kuntest tal-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali hija adita bil-kwistjoni ta’ jekk jeżistix jew le obbligu assolut għall-Istati Membri li jimplementaw l-istandards kollha msemmija fl-Anness IV tar-Regolament Nru 1782/2003 u fl-Anness III tar-Regolament Nru 73/2009. Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, għandha ssir interpretazzjoni litterali, kuntestwali, teleoloġika u storika tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi. F’dan il-kuntest, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni hija redatta f’diversi lingwi u li l-verżjonijiet lingwistiċi kollha huma awtentiċi, u dan jista’ jeħtieġ paragun tal-verżjonijiet lingwistiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2015, Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni, T‑124/14, EU:T:2015:955, punti 24 u 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).
40
Dwar dan, għandu jiġi speċifikat preliminarjament li d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 1782/2003 u 73/2009 huma, min-natura tagħhom stess, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, obbligatorji u direttament applikabbli fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali u għalhekk, bħala prinċipju, ma jeħtiġux traspożizzjoni leġiżlattiva fis-sens strett fuq livell nazzjonali. Għalhekk, l-applikabbiltà diretta ta’ regolament teħtieġ li d-dħul fis-seħħ tagħhom u l-applikazzjoni tagħhom favur jew kontra individwi sseħħ indipendentement minn kwalunkwe miżura ta’ implementazzjoni fid-dritt nazzjonali. Dan madankollu jkun differenti jekk l-imsemmi regolament iħalli f’idejn l-Istati Membri sabiex jadottaw il-miżuri leġiżlattivi, amministrattivi u finanzjarji meħtieġa sabiex id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament ikunu jistgħu jiġu applikati effettivament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Association nationale d’assistance aux frontières pour les étrangers, C‑606/10, EU:C:2012:348, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għandu jiġi kkonstatat li dan huwa l-każ ineżami (ara l-punti 41 et seq iktar ’il quddiem), fatt li, bħala prinċipju, ma huwiex ikkontestat mill-partijiet.
– Fuq l-interpretazzjoni litterali
41
Għandu jitfakkar li l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 huwa fformulat, b’mod partikolari, kif ġej:
“[...] L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu [...] il-kondizzjonijiet minimi għall-[KAAT] fuq il-bażi tal-qafas stabbilit fl-Anness IV, wara li jittieħed kont tal-karatteristiċi speċifiċi taż-żoni konċernati, inklużi l-kondizzjonijiet tal-ħamrija u klimatiċi, sistemi tal-biedja eżistenti, użu ta’ l-art, newba ta’ l-uċuh tar-raba’, prattiċi tal-biedja, u strutturi ta’ l-irziezet [...]”
42
Il-parti rilevanti tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 73/2009 hija fformulata b’mod essenzjalment analogu, għajr li tagħmel riferiment għal “Anness III” minflok għal “Anness IV”.
43
L-użu tal-verb “iddefinixxa” fl-indikattiv jindika, b’mod partikolari fil-verżjoni Ingliża (“shall define”) u Portugiża (“devem definir”), l-eżistenza ta’ obbligu fir-rigward tat-twaqqif ta’ “kondizzjonijiet minimi għall-[KAAT] fuq il-bażi tal-qafas stabbilit fl-Anness IV” tar-Regolament Nru 1782/2003. Bħalma targumenta l-Kummissjoni, dan l-obbligu ta’ definizzjoni huwa għalhekk intiż għall-adozzjoni mill-Istat Membru ta’ regoli ta’ portata ġenerali li jistabbilixxu tali “kondizzjonijiet minimi” billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-istandards previsti fl-imsemmi anness. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet minn dan li, minkejja li l-Istati Membri għandhom, fid-definizzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti, josservaw dan l-istess anness, dan xorta jħallilhom, bl-użu ta’ kunċetti u ta’ termini ġenerali, ċerta setgħa diskrezzjonali fir-rigward tad-determinazzjoni konkreta tal-imsemmija rekwiżiti (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Horvath, C‑428/07, EU:C:2009:458, punti 25 u 26). Minn dan jirriżulta li l-obbligu ta’ definizzjoni tal-Istati Membri permezz ta’ leġiżlazzjoni, minn naħa, jimplika l-obbligu tagħhom li “josservaw” l-istandards kollha msemmija fl-Anness IV tar-Regolament Nru 1782/2003 u, min-naħa l-oħra, huwa strettament marbut ma’ ċerta flessibbiltà min-naħa tagħhom sabiex jiddefinixxu dawn ir-rekwiżiti b’mod konkret abbażi tal-imsemmija standards, peress li dawn huma bbażati fuq kunċetti u termini ġenerali li l-implementazzjoni konkreta tagħhom neċessarjament timplika l-eżistenza ta’ setgħa ta’ evalwazzjoni (ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Horvath, C‑428/07, EU:C:2009:47, punti 28 u 58).
44
Madankollu, la mill-kliem tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 u lanqas mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija iktar ’il fuq ma jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu, fejn meħtieġ, ma jimplementawx affattu uħud mill-istandards KAAT. Fil-fatt, billi ddeċidiet li l-Istati Membri għandhom “josservaw” l-Anness IV fid-definizzjoni tar-rekwiżiti minimi għall-istandards KAAT, il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat ruħha li tirrikonoxxi n-natura obbligatorja ta’ dan l-anness fit-totalità tiegħu, jiġifieri l-istandards kollha li huma previsti hemmhekk, mingħajr madankollu ma tagħmel distinzjoni bejniethom, b’mod partikolari skont il-formulazzjoni tagħhom jew il-livell ta’ preċiżjoni tagħhom. Fir-rigward tan-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-Artikolu 5(1) tal-istess regolament fuq dan il-punt, għandu jsir riferiment għall-formulazzjoni ta’ kull wieħed mill-imsemmija standards b’mod separat sabiex tiġi ddeterminata n-natura obbligatorja tagħhom, kif ukoll il-portata tas-setgħa diskrezzjonali f’idejn l-Istati Membri fir-rigward tad-determinazzjoni tagħhom u tal-implementazzjoni konkreta tagħhom. Din il-ħtieġa li ssir distinzjoni hija kkonfermata mill-fatt li l-Artikolu 5(1) tal-istess regolament jagħmel riferiment għall-“karatteristiċi speċifiċi taż-żoni kkonċernati” li fil-konfront tagħhom din id-dispożizzjoni tistabbilixxi biss lista mhux eżawrjenti ta’ eżempji ta’ kriterji rilevanti (“b’mod partikolari l-kondizzjonijiet tal-ħamrija u dawk klimatiċi, sistemi eżistenti ta’ biedja, użu tal-art, newba tal-uċuħ tar-raba’ (crop rotation), prattiki agrikoli u strutturi tal-farms”) intiżi għad-definizzjoni ta’standards KAAT (“standards wara li jikkunsidraw”), raġuni li għaliha l-imsemmija kriterji, bħal “rotazzjonijiet tal-uċuħ tar-raba’” huma, parzjalment, riprodotti verbatim fil-qafas tal-imsemmi Anness IV.
45
Għandu għalhekk jiġi vverifikat għal kull wieħed mill-istandards KAAT kontenzjużi jekk dawn jimplikawx setgħa diskrezzjonali tal-Istat Membru fir-rigward tal-ħtieġa tal-implementazzjoni tagħhom fl-ordinament ġuridiku intern.
46
L-ewwel nett, fir-rigward tal-istandard intitolat “Kopertura minima tal-ħamrija”, għandu jiġi kkonstatat li ma jeżisti ebda element fil-formulazzjoni ta’ dan l-istandard li jippermetti l-konklużjoni li l-implementazzjoni tiegħu mill-Istati Membri għandha natura fakultattiva. Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 43 iktar ’il fuq, għandha għalhekk tiġi rrikonoxxuta n-natura obbligatorja tiegħu bħala prinċipju, mingħajr ma dan jippreġudika l-kwistjoni ta’ jekk l-Istati Membri jistgħux jiġġustifikaw, fejn meħtieġ, in-nuqqas ta’ implementazzjoni tiegħu (ara l-punti 64 sa 66 iktar ’il quddiem). Din il-konklużjoni hija indirettament ikkonfermata mill-fatt li l-Anness III tar-Regolament Nru 73/2009, li ssostitwixxa l-Anness IV tar-Regolament Nru 1782/2003, jikklassifika l-“Kopertura minima tal-ħamrija” b’mod espliċitu fost l-“[I]standards obbligatorji”.
47
It-tieni nett, fir-rigward ta’ “Standards għal rotazzjonijiet tal-uċuħ tar-raba’, fejn meħtieġ”, l-użu tal-kliem “fejn meħtieġ” jimplika fih innifsu, fil-verżjonijiet lingwistiċi awtentiċi kollha, ir-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali tal-Istat Membru fir-rigward tal-implementazzjoni tagħhom. Fil-fatt, dan il-kliem jindika li huwa biss fis-sitwazzjoni li l-Istat Membru jirrikonoxxi r-rilevanza ta’ tali standards għall-art agrikola tiegħu billi jieħu inkunsiderazzjoni l-“karatteristiċi speċifiċi tal-erji kkonċernati”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, li huwa għandu jimplementahom. Din il-konklużjoni, minn naħa, hija indirettament ikkorroborata mill-fatt li l-Anness III tar-Regolament Nru 73/2009 jikklassifika l-“[I]standards għal rotazzjonijiet tal-uċuħ tar-raba’” b’mod espliċitu fost l-“[I]standards fakultattivi”. Min-naħa l-oħra, din ma hijiex ikkontradita mill-indikazzjoni espressa tan-“newba ta’ l-uċuh tar-raba” fl-Artikolu 5(1) u fl-aħħar parti tal-premessa 3 tar-Regolament Nru 1782/2003, peress li din l-indikazzjoni hija biss parti integrali mil-lista mhux eżawrjenti (“b’mod partikolari”) ta’ eżempji ta’ kriterji rilevanti sabiex tiġi ddeterminata d-definizzjoni ta’ standards, obbligatorji jew le, speċifikati fl-Anness IV (ara l-punt 44 iktar ’il fuq).
48
It-tielet nett, fir-rigward tal-istandard intitolat “Rati minimi tal-istokk tal-annimali u/jew sistemi adegwati”, mill-formulazzjoni tiegħu stess jirriżulta li ma jeżistix obbligu assolut għall-Istat Membru li jistabbilixxi leġiżlazzjoni dwar “rati minimi tal-istokk tal-annimali”, iżda li dan għandu possibbiltà alternattiva “u/jew” li jistabbilixxi “sistema adegwata” oħra, possibbiltà li r-Repubblika tal-Latvja tinsisti fuqha f’dan il-każ. Bħalma ġie espost fil-punt 47 iktar ’il fuq dwar l-“[I]standards għal rotazzjonijiet tal-uċuħ tar-raba’”, din l-interpretazzjoni hija indirettament ikkonfermata mill-Anness III tar-Regolament Nru 73/2009, li jikklassifika r-“Rati minimi tal-istokk tal-annimali u/jew sistemi adegwati” b’mod espliċitu fost l-“[I]standards fakultattivi”.
49
Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-istandard intitolat “Żamma ta’ elementi tal-pajsaġġ”, huwa biżżejjed li jsir riferiment għall-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 46 iktar ’il fuq sabiex jiġi konkluż li l-imsemmi standard huwa obbligatorju fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 43 iktar ’il fuq, konklużjoni li hija indirettament ikkorroborata mill-klassifikazzjoni espliċita tiegħu bħala “Standard fakultattiv” fl-Anness III tar-Regolament Nru 73/2009, bla ħsara għall-kwistjoni ta’ jekk l-Istat Membru huwiex awtorizzat jiġġustifika, jekk ikun il-każ, l-assenza tal-implementazzjoni tiegħu (ara l-punti 64 sa 66 iktar ’il quddiem).
50
L-evalwazzjonijiet preċedenti japplikaw mutatis mutandis għall-interpretazzjoni litterali tal-ewwel u tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 73/2009, kif ukoll għall-istandards korrispondenti msemmija fl-Anness III tal-istess regolament. Fil-fatt, l-ewwel u t-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni huma fformulati b’mod essenzjalment analogu. Barra minn hekk, bħalma huwa speċifikat fil-punti 46 sa 49 iktar ’il fuq, l-Anness III tal-istess regolament jistabbilixxi b’mod espliċitu n-natura jew obbligatorja jew fakultattiva tal-imsemmija standards.
51
Għalhekk, l-interpretazzjoni litterali tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi tindika li, minn naħa, ir-Repubblika tal-Latvja setgħet, bħala prinċipju, ma timplementax l-istandards intitolati “Standards għal rotazzjonijiet tal-uċuħ tar-raba’” u “Rati minimi tal-istokk tal-annimali” u, min-naħa l-oħra, hija kienet marbuta timplementa l-istandards intitolati “Kopertura minima tal-ħamrija” u “Żamma ta’ elementi tal-pajsaġġ”.
– Fuq l-interpretazzjoni kuntestwali u teleoloġika
52
Mill-perspettiva kuntestwali u teleoloġika, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, li b’mod partikolari huma invokati fil-premessa 3 tal-istess regolament, u din l-ewwel dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tagħhom (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 2014, Ascendi Beiras Litoral e Alta, Auto Estradas das Beiras Litoral e Alta, C‑377/13, EU:C:2014:1754, punti 48 u 49, u tas-26 ta’ Novembru 2015, Total Waste Recycling, C‑487/14, EU:C:2015:780, punti 38 u 39). Din il-premessa tagħmel riferiment, b’mod partikolari, għall-għan tal-istandards KAAT, intiż li “[jkun] evitat l-abbandun ta’ art agrikola u [jkun] żgurat li tkun miżmuma f’kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba.” Dan l-għan jirriżulta wkoll mill-formulazzjoni tal-Artikolu 5(1) innifsu sa fejn jagħmel riferiment għall-obbligu tal-Istati Membri li jiddefinixxu “il-kondizzjonijiet minimi għall-[KAAT] fuq il-bażi tal-qafas stabbilit fl-Anness IV, wara li jittieħed kont tal-karatteristiċi speċifiċi taż-żoni konċernati, inklużi l-kondizzjonijiet tal-ħamrija u klimatiċi, sistemi tal-biedja eżistenti, użu ta’ l-art, newba ta’ l-uċuh tar-raba’, prattiċi tal-biedja, u strutturi ta’ l-irziezet”.
53
Din id-definizzjoni tal-għanijiet imfittxija mill-istandards KAAT ma tagħtix, waħedha, indikazzjoni ċara u preċiża fir-rigward tal-ħtieġa jew le li jiġu implementati l-imsemmija standards kollha, speċjalment fis-sitwazzjoni li fiha l-Istat Membru jqis li, fid-dawl tal-“karatteristiċi speċifiċi taż-żoni konċernati”, dawn ma jgħinux sabiex jintlaħaq l-għan li art agrikola tinżamm “f’kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba”.
54
Madankollu, mill-premessa 3 tar-Regolament Nru 1782/2003 jirriżulta wkoll li għandu “jkun stabbilit qafas Komunitarju li fih l-Istati Membri jistgħu jadottaw ‘standards’ wara li jikkunsidraw il-karatteristiċi speċifiċi taż-żona konċernata”. L-użu tal-verb “seta’” jew ta’ espressjoni simili fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha tal-imsemmija premessa jista’ jinftiehem bħala indikazzjoni tar-rikonoxximent ta’ ċerta setgħa diskrezzjonali tal-Istat Membru fir-rigward tal-għażla tal-istandards li jkunu ddefiniti fl-imsemmi qafas tal-Unjoni. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, li ma huwiex preċiż dwar dan il-punt, għandu jinqara fid-dawl tal-premessa 3 tal-istess regolament (ara l-punt 52 iktar ’il fuq).
55
Għalhekk, mill-premessa 3 tar-Regolament Nru 1782/2003 ċertament jista’ jiġi dedott li l-Istat Membru għandu setgħa diskrezzjonali li tippermettilu jiddeċiedi li ma jimplementax uħud mill-istandards imsemmija fl-Anness IV tal-istess regolament meta jqis li ma humiex rilevanti fil-kuntest nazzjonali tiegħu, jew saħansitra inapplikabbli minħabba l-“karatteristiċi speċifiċi taż-żoni konċernati”, u għalhekk mhux adattati sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-imsemmi regolament. Madankollu, dan ir-raġunament jista’ jkun kunfliġġenti mal-formulazzjoni ċara tal-istandards KAAT imsemmija fil-punti 46 u 49 iktar ’il fuq, li, skont ir-rieda ċara tal-leġiżlatur tal-Unjoni, għandhom jiġu osservati u implementati xorta waħda. Barra minn hekk, dan il-qari huwa l-uniku wieħed li jikkorrispondi mal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra fil-punt 43 iktar ’il fuq, li l-Istati Membri għandhom josservaw l-Anness IV tar-Regolament Nru 1782/2003 u għalhekk, bħala prinċipju, l-istandards kollha li huma msemmija hemmhekk.
56
Konsegwentement, interpretazzjoni kuntestwali u teleoloġika hija inklinata lejn korroborazzjoni tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni li l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 jagħti lill-Istati Membri setgħa diskrezzjonali fl-għażla ta’ uħud mill-istandards KAAT, iżda mhux għall-imsemmija standards kollha (ara l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 43 iktar ’il fuq). Fil-fatt, in-natura obbligatorja jew le tal-imsemmija standards tiddependi għalhekk, fl-aħħar mill-aħħar, mill-formulazzjoni tagħhom (ara l-punti 46 sa 49 iktar ’il fuq).
57
Din l-evalwazzjoni tapplika mutatis mutandis għall-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 73/2009, moqri flimkien mal-Anness III tal-istess regolament, li jiddistingwi b’mod espliċitu bejn standards obbligatorji u standards fakultattivi (premessa 4 tar-Regolament Nru 73/2009).
– Fuq l-interpretazzjoni storika
58
Bħalma targumenta l-Kummissjoni, fil-proposta inizjali tagħha, tal-21 ta’ Jannar 2003, ta’ Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli komuni għall-iskemi ta’ għajnuna diretta fil-kuntest tal-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi skemi ta’ għajnuna għal produtturi ta’ ċerti prodotti agrikoli [COM(2003) 23 finali], l-Artikolu 5 kien jillimita ruħu li jipprevedi li “[l-]Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-kondizzjoni agrikola tajba abbażi tal-qafas stabbilit fl-Anness IV” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
59
F’dan ir-rigward, il-premessa 3 tal-imsemmija proposta kienet tipprovdi dan li ġej:
“Sabiex l-art tinżamm f’kondizzjoni agrikola tajba, huwa xieraq li jiġu stabbiliti standards għal ċertu numru ta’ żoni li għadhom ma jeżistux standards għalihom. Dawn l-istandards għandhom ikunu bbażati fuq prattiċi agrikoli tajba attwali, irrispettivament minn jekk jirriżultawx minn dispożizzjonijiet tal-Istati Membri jew le. Għalhekk, għandu jkun stabbilit qafas Komunitarju li, b’riferiment għalih, l-Istati Membri jistgħu jadottaw standards li jieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi taż-żoni kkonċernati, u b’mod partikolari inklużi l-kondizzjonijiet tal-ħamrija u klimatiċi, sistemi tal-biedja eżistenti (użu tal-art, newba tal-uċuh tar-raba’, prattiċi tal-irziezet) u strutturi tal-irziezet.”
60
Il-Kummissjoni għalhekk għandha raġun tallega li din il-proposta ma kinitx tipprevedi l-obbligu għall-Istati Membri li jimplementaw l-istandards KAAT kollha. Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 5 tal-imsemmija proposta ma kienx isemmi “kondizzjonijiet minimi”, iżda biss id-definizzjoni mill-imsemmija Stati ta’ “kondizzjoni agrikola [...] tajba”; min-naħa l-oħra, il-premessa 3 tagħha, li fid-dawl tagħha għandu jiġi interpretat l-imsemmi artikolu, kien jirreferi għal setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri fir-rigward tal-għażla “ta’ ‘standards’ wara li [jkunu] ikkunsidraw il-karatteristiċi speċifiċi taż-żona konċernata”, u dan biss “b’riferiment” għal qafas Komunitarju ta’ standards. Barra minn hekk, l-imsemmija premessa diġà kienet tinkludi l-formulazzjoni li “l-Istati Membri [setgħu] jadottaw standards”, liema formulazzjoni nżammet, indipendentement mir-raġuni għalfejn, fil-verżjoni finali tal-premessa 3 tar-Regolament Nru 1782/2003. Dan il-fatt jindika fih innifsu li, fil-kuntest tal-verżjoni finali tal-imsemmi regolament, li l-kliem tiegħu ġie emendat sostanzjalment, din il-formulazzjoni ma hijiex neċessarjament intiża li tindika l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali tal-Istat Membru dwar l-għażla tal-istandards previsti fl-Anness IV (ara l-punt 55 iktar ’il fuq).
61
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-interpretazzjoni storika hija inklinata lejn konferma li l-Istat Membru għandu, bħala prinċipju, jimplementa l-istandards KAAT kollha, ħlief dawk li l-formulazzjoni tagħhom tindika mod ieħor.
– Konklużjoni
62
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, moqri flimkien mal-Anness IV tal-istess regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprevedi obbligu fundamentali għall-Istat Membru li jimplementa, permezz ta’ regoli xierqa ta’ portata ġenerali, l-istandards kollha esposti fl-imsemmi anness, ħlief, b’mod partikolari, standards intitolati “Standards għal rotazzjonijiet tal-uċuħ tar-raba’[, fejn meħtieġ]” u “Rati minimi tal-istokk tal-annimali u/jew sistemi adegwati”. Din l-evalwazzjoni tapplika mutatis mutandis u a fortiori għall-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 73/2009, moqri flimkien mal-Anness III tal-istess regolament, li, konformement ma’ din l-interpretazzjoni, jagħmel distinzjoni espliċita bejn standards obbligatorji u fakultattivi.
63
Minn naħa, minn dan isegwi li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta allegat li, fl-2008, ir-Repubblika tal-Latvja ma implementatx l-istandards intitolati “Standards għal rotazzjonijiet tal-uċuħ tar-raba’[, fejn meħtieġ]” u “Rati minimi tal-istokk tal-annimali u/jew sistemi adegwati”, mingħajr ma hemm il-ħtieġa li tiġi vverifikata l-fondatezza tal-argumenti li l-awtoritajiet Latvjani kienu ppreżentaw sabiex jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ implementazzjoni tagħhom. Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku tal-istandard intitolat “Rati minimi tal-istokk tal-annimali u/jew sistemi adegwati”, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-imsemmija awtoritajiet spjegaw, f’dan ir-rigward, kemm matul il-proċedura ta’ approvazzjoni bilaterali kif ukoll matul is-seduta, ir-raġunijiet li għalihom huma kienu għażlu “sistema adegwata” oħra (ara l-punt 33 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, la mill-proċess, la mid-deċiżjoni kkontestata, inkluż mir-rapport sommarju, u lanqas mid-dokumenti tal-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali ma jirriżulta jekk, u fl-affermattiv, b’liema mod, hija evalwat il-karatteristiċi ta’ din is-sistema l-oħra u tan-natura xierqa jew le tagħha li tissostitwixxi r-“Rati minimi tal-istokk tal-annimali”, iżda hija llimitat ruħha li targumenta li r-Repubblika tal-Latvja fi kwalunkwe każ kienet marbuta timplementa l-imsemmi standard fuq il-livell nazzjonali.
64
Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni setgħet, bħala prinċipju, teżiġi mill-awtoritajiet Latvjani l-implementazzjoni tal-istandards intitolati “Kopertura minima tal-ħamrija” u “Żamma ta’ elementi tal-pajsaġġ” fl-2008 u l‑2009, b’mod li l-ilmenti invokati mir-Repubblika tal-Latvja kontra dan l-obbligu ta’ implementazzjoni ma jistgħux jintlaqgħu. F’dan il-kuntest, fi kwalunkwe każ il-Kummissjoni ma kinitx obbligata taċċetta l-ġustifikazzjoni tar-Repubblika tal-Latvja sabiex tidderoga mill-obbligu tagħha li timplementa l-imsemmija standards, peress li tali ġustifikazzjoni la tista’ tkun ibbażata fuq il-formulazzjoni tar-Regolament Nru 1782/2003, la fuq il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 43 iktar ’il fuq, u lanqas fuq l-għanijiet tal-istess regolament intiżi li jevitaw li l-art agrikola tkun abbandunata u sabiex jiġi żgurat li din tinżamm f’kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba (premessa 3 tar-Regolament Nru 1782/2003).
65
Fil-fatt, anki jekk jitqies li, skont l-Istat Membru kkonċernat, l-art agrikola jew iż-żoni inkwistjoni diġà kellhom fihom infushom karatteristiċi bejn wieħed u ieħor konformi mal-imsemmija għanijiet, li għalhekk irendu l-istandards KAAT ineffettivi jew l-implementazzjoni tagħhom sproporzjonata, dan il-fatt biss ma jeżonerahx, fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 40 iktar ’il fuq, mill-obbligu tiegħu li jimplementa d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-imsemmi regolament b’leġiżlazzjoni nazzjonali xierqa. Xorta jibqa’ l-fatt li, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li jħallilu l-kliem ġenerali u mhux preċiż tal-istandards KAAT, l-Istat Membru jista’ jaġġustahom u jikkonkretizzahom b’mod li jkunu adattati għall-“kuntest nazzjonali”. Min-naħa l-oħra, ma jistax ma jimplementahomx affattu.
66
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, b’mod partikolari fir-rapport sommarju, il-Kummissjoni insistiet fuq l-implementazzjoni permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali xierqa tal-istandards KAAT kontenzjużi, u dan ukoll għar-raġuni li r-regoli nazzjonali kellhom jippermettu kontrolli kif ukoll penali fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tagħhom. Barra minn hekk, fir-rigward tal-istandards intitolati “Kopertura minima tal-ħamrija” u “Żamma ta’ elementi tal-pajsaġġ”, ir-Repubblika tal-Latvja rrikonoxxiet li, mill-inqas, parti żgħira mill-art agrikola tagħha kienet ikkonċernata mill-imsemmija standards, iżda li, minħabba dan il-fatt, l-implementazzjoni tagħhom kienet tkun sproporzjonata. Madankollu, fid-dawl tar-rekwiżit fundamentali ta’ kontroll u ta’ penali, ir-Repubblika tal-Latvja ma tistax tinvoka l-allegata setgħa diskrezzjonali tagħha jew il-prinċipju ta’ proporzjonalità sabiex tiġġustifika n-nuqqas totali ta’ implementazzjoni tal-imsemmija standards. Għalhekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 40 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni setgħet tinsisti fuq tali implementazzjoni ta’ dawn l-istandards, anki sempliċement għall-finijiet tat-twaqqif ta’ sistema ta’ kontroll u ta’ sanzjoni kompleta u effikaċi.
67
Fl-aħħar, ir-Repubblika tal-Latvja ma tistax tikkonfuta din l-evalwazzjoni jew tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi billi tallega li l-Kummissjoni b’mod partikolari kienet aċċettat li hija ma timplementax l-istandard dwar iż-“Żamma tar-raba’ mtarraġ”. Fil-fatt, bla ħsara għall-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 65 u 66 iktar ’il fuq, fid-dawl tal-assenza kompleta ta’ tali raba’ mtarraġ fil-Latvja, ma kienx meħtieġ kontroll fir-rigward tal-implementazzjoni ta’ dan l-istandard. Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-iskambju ta’ korrispondenza matul il-proċedura ta’ approvazzjoni u ta’ teħid ta’ pożizzjoni ċara tas-servizzi tal-Kummissjoni fis-sens oppost, l-awtoritajiet Latvjani ma jistgħux isostnu li kisbu garanziji preċiżi, inkundizzjonali u konsistenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 2010, Il‑Lussemburgu vs Il‑Kummissjoni, T‑549/08, EU:T:2010:244, punt 71, u tas‑27 ta’ Settembru 2012, Applied Microengineering vs Il‑Kummissjoni, T‑387/09, EU:T:2012:501, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata) fis-sens li l-Kummissjoni kienet taċċetta n-nuqqas ta’ implementazzjoni tal-istandards intitolati “Kopertura minima tal-ħamrija” u “Żamma ta’ elementi tal-pajsaġġ”. Għall-kuntrarju, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, tali aċċettazzjoni setgħet tkun prattika amministrattiva infondata fil-liġi u li qatt ma tista’ toħloq aspettattivi leġittimi għall-parti f’kawża, inkluż għal Stat Membru. Minn dan jirriżulta li, għal dak li jirrigwarda dawn iż-żewġ standards KAAT, ir-Repubblika tal-Latvja għalxejn kienet fittxet li tiġġustifika deroga mill-obbligu tagħha li timplementahom, peress li l-Kummissjoni kienet legalment marbuta li tirrifjutaha. Għalhekk, f’dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ivvizzjata b’illegalità.
68
Għalhekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-ewwel motiv għandu jintlaqa’ sa fejn jirrigwarda l-istandards intitolati “Standards għal rotazzjonijiet tal-uċuħ tar-raba’[, fejn meħtieġ]” u “Rati minimi tal-istokk tal-annimali u/jew sistemi adegwati”, iżda għandu jiġi miċħud sa fejn jirrigwarda l-istandards intitolati “Kopertura minima tal-ħamrija” u “Żamma ta’ elementi tal-pajsaġġ”.
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq kalkolu żbaljat tal-korrezzjonijiet finanzjarji kontenzjużi
L-argumenti tal-partijiet
69
Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-Repubblika tal-Latvja tallega li l-Kummissjoni applikat korrezzjoni finanzjarja żbaljata, li l-ammont tagħha ma josservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Mid-dokument AGRI-2005-64043 jirriżulta li l-korrezzjonijiet finanzjarji għandhom ikunu proporzjonati għar-riskju sostnut mill-Fondi u li l-imsemmi riskju jkun evalwat abbażi tar-riskju ta’ dannu finanzjarju li jirriżulta min-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ penali. Madankollu, il-Kummissjoni ma speċifikatx, fid-diversi kuntatti tagħha mal-awtoritajiet Latvjani, b’mod partikolari fl-ittri tagħha tas-26 ta’ Novembru 2010 (punt 1.3) u tal‑25 ta’ Frar 2013 (punt 4), u lanqas fir-rapport sommarju tagħha, liema riskju ġie sostnut mill-Fondi. Il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet, fis-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2008, Franza vs Il‑Kummissjoni (T‑370/05, EU:T:2008:328, punt 81), li kellu jiġi evalwat ir-riskju reali li jinqabeż il-limitu massimu tal-finanzjament Komunitarju sostnut mill-FAEGG u li, f’din il-kawża, ir-riskju li jinqabeż l-imsemmi limitu kien żgħir ħafna u li għalhekk ma kienx jeżisti realment. Dan huwa wkoll il-każ ineżami. Għalhekk, il-korrezzjonijiet finanzjarji kontenzjużi ma humiex raġonevoli u huma sproporzjonati.
70
Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Latvja targumenta essenzjalment li l-Kummissjoni applikat illegalment l-approċċ ta’ rata fissa, minkejja l-fatt li kien possibbli li jiġu evalwati r-riskji reali sostnuti fin-nuqqas ta’ implementazzjoni tal-istandards KAAT. Id-dokument VI/5330/97 kien jipprevedi li korrezzjonijiet b’rata fissa setgħu jitqiesu biss meta l-informazzjoni pprovduta mill-investigazzjoni ma tkunx tippermetti lill-awditur jevalwa t-telf permezz ta’ proġezzjoni tat-telf ikkonstatat. Ir-Repubblika tal-Latvja ripetutament ipprovdiet, b’mod partikolari bl-ittra tas-6 ta’ Novembru 2012, l-informazzjoni meħtieġa kollha, b’mod partikolari fuq in-numru ta’ rziezet li kienu potenzjalment ikkonċernati bir-rekwiżiti nieqsa fl-2008 u l-2009, fuq is-superfiċje tal-art agrikola tal-irziezet ikkonċernati u fuq l-ammont stmat ta’ għajnuna, li setgħet tintuża fil-kalkolu tar-riskju sostnut mill-Fondi. Madankollu, il-Kummissjoni la ħadet l-imsemmija informazzjoni inkunsiderazzjoni u lanqas iġġustifikat ir-raġuni preċiża għaliex ma għamlitx dan, u b’hekk kisret id-dokument VI/5330/97. Barra minn hekk, billi naqset li tevalwa b’mod korrett, mingħajr ma indikat raġunijiet ċari, l-argumenti tal-awtoritajiet Latvjani dwar il-kalkolu tar-riskju finanzjarju preċiż sostnut mill-Fondi, il-Kummissjoni kisret il-“prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba” li jeżiġi li l-istituzzjoni kompetenti teżamina, b’attenzjoni u b’imparzjalità, il-fatturi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni. F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma setgħetx ma tagħmilx kalkolu preċiż ta’ dan ir-riskju, li fir-rigward tiegħu hija pprovdiet kalkolu tagħha stess fl-Anness A.17 tar-rikors.
71
Il-Kummissjoni tirribatti essenzjalment li, fin-nuqqas ta’ implementazzjoni tal-istandards KAAT inkwistjoni u ta’ kriterji rilevanti oħra, ma kienx possibbli li jiġi kkalkolat it-telf reali għall-Fondi. Il-kalkolu ipotetiku ppreżentat mir-Repubblika tal-Latvja għalhekk ma jistax jiġi vverifikat. Skont id-dokument AGRI-2005/64043, il-Kummissjoni għalhekk applikat korrezzjonijiet b’rata fissa li jammontaw għal 5 % għas-sena ta’ dikjarazzjoni 2008 u għal 2 % għas-sena ta’ dikjarazzjoni 2009.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
72
Permezz tat-tieni motiv, ir-Repubblika tal-Latvja tallega essenzjalment li l-Kummissjoni ma osservatx, fil-kuntest tal-kalkolu tal-korrezzjonijiet b’rata fissa kontenzjużi, minn naħa, il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dokument AGRI-2005-64043 (l-ewwel parti) u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżiti stabbiliti bid-dokument VI/5330-97 kif ukoll il-prinċipju ta’ “amministrazzjoni tajba” (it-tieni parti).
73
Fir-rigward tal-ewwel parti, għandu jiġi rrilevat li d-dokument AGRI-2005-64043 mhux biss jipprevedi dispożizzjonijiet iktar preċiżi minn dawk stabbiliti bid-dokument VI/5330/97, sa fejn huwa jsemmi speċifikament il-korrezzjonijiet finanzjarji li jistgħu jiġu applikati fil-kuntest tal-kundizzjonalità, rilevanti f’dan il-każ, iżda huwa wkoll intiż li jimplementa l-prinċipju ta’ proporzjonalità f’dan il-kuntest partikolari. Ir-Repubblika tal-Latvja ma tikkontestax il-legalità tad-dokument AGRI-2005/64043 fir-rigward, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, b’mod li huwa biżżejjed li l-Qorti Ġenerali tivverifika jekk il-Kummissjoni osservatx ir-regoli li hija imponiet fuqha nnifisha bis-saħħa tal-imsemmi dokument. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, billi adottat ir-regoli ta’ kondotta amministrattiva intiżi li jipproduċu effetti esterni, bħad-dokument AGRI-2005-64043, u billi ħabbret, bil-publikazzjoni jew bil-kommunikazzjoni tagħhom, bħal f’dan il-każ, lill-Istati Membri li issa kienet ser tapplikahom għall-każijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni llimitat ruħha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax ma timxix ma’ dawn ir-regoli, taħt piena li tiġi ppenalizzata, skont il-każ, għal ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, fosthom il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ ċertezza legali jew ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2011, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑344/05, mhux ippubblikata, EU:T:2011:440, punt 192; tas-16 ta’ Settembru 2013, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑3/07, mhux ippubblikata, EU:T:2013:473, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-10 ta’ Lulju 2014, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑376/12, EU:T:2014:623, punt 106).
74
Għalhekk, fid-Dokument AGRI-2005-64043, taħt it-titolu “Prinċipji Ġenerali” [traduzzjoni mhux uffiċjali], huwa espost, b’riferiment għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, essenzjalment, li l-korrezzjonijiet finanzjarji għandhom ikunu proporzjonati meta mqabbla mar-riskju sostnut mill-Fondi, fid-dawl b’mod partikolari tal-fatt li l-istandards ta’ kundizzjonalità ma humiex regoli ta’ eliġibbiltà, iżda l-bażi għal penali. Għalhekk, ir-riskju sostnut mill-Fondi ma huwiex se jkun, fil-prinċipju, evalwat abbażi tar-riskju tal-infiq mhux eliġibbli, iżda fuq dak tat-telf finanzjarju li jirriżulta min-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ penali. Taħt dan l-istess titolu, il-Kummissjoni tesponi l-intenzjoni tagħha li tuża l-korrezzjonijiet finanzjarji b’rata fissa wkoll fil-kuntest ta’ dgħufija tas-sistema ta’ kundizzjonalità.
75
Fir-rigward tal-korrezzjonijiet finanzjarji, il-punt 3.1 tad-dokument AGRI-2005-64043 jipprevedi, b’mod partikolari, ir-rati ta’ korrezzjoni li ġejjin:
—
“Meta jiġu kkonstatati nuqqasijiet fl-applikazzjoni ta’ kontroll sekondarju wieħed jew iktar fil-qafas tas-sistema ta’ kundizzjonalità, għandha tiġi applikata korrezzjoni li tammonta għal 2 % [...]
—
Meta l-obbligi li għandhom jiġu osservati fil-qafas tal-kundizzjonalità, stabbiliti f’att [...] jew f’regola (ara l-Anness IV [...] tar-Regolament [Nru 1782/2003]) huma vverifikati[,] iżda mingħajr ma jiġu osservati n-numru, il-frekwenza jew id-dettall meħtieġa mil-leġiżlazzjoni (fil-każ [...] ta’ kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba) jew meta dawn il-kontrolli ma jwasslux għall-applikazzjoni ta’ penali leġiżlattivi, għandha tiġi applikata korrezzjoni li tammonta għal 5 %.
—
[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
76
Ir-Repubblika tal-Latvja naqset milli turi li, f’dan il-każ, fid-determinazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji kontenzjużi, il-Kummissjoni ma osservatx id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq u, għalhekk, il-prinċipju ta’ proporzjonalità.
77
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-Repubblika tal-Latvja tillimita ruħha li tikkontesta l-legalità tal-korrezzjonijiet b’rata fissa kontenzjużi essenzjalment għar-raġuni li l-Kummissjoni allegat li hija ma implementatx l-istandards imsemmija fl-Anness IV tar-Regolament Nru 1782/2003. Barra minn hekk, mid-dispożizzjonijiet fit-tieni inċiż tal-punt 3.1 tad-dokument AGRI-2005-64043 jirriżulta ċarament li l-Kummissjoni tqis li tista’ tapplika korrezzjoni b’rata fissa li tammonta għal 5 % meta l-obbligi li għandhom jiġu osservati fil-qafas tal-kundizzjonalità, stabbiliti fi standard fis-sens tal-Anness IV tar-Regolament Nru 1782/2003, “huma kkontrollati[,] iżda mingħajr ma jiġu osservati n-numru, il-frekwenza jew id-dettall meħtieġa mil-leġiżlazzjoni [...] jew meta dawn il-kontrolli ma jwasslux għall-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet leġiżlattivi”.
78
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tan-nuqqas totali ta’ implementazzjoni mill-awtoritajiet Latvjani, b’mod partikolari, tal-istandards intitolati “Kopertura minima tal-ħamrija” u “Żamma ta’ elementi tal-pajsaġġ” (ara l-punt 68 iktar ’il fuq) u, għalhekk, ta’ kontrolli u ta’ penali mill-imsemmija awtoritajiet tan-nuqqas ta’ osservanza eventwali ta’ dawn l-istandards, il-kundizzjonijiet tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq kienu neċessarjament issodisfatti għas-sena ta’ dikjarazzjoni 2008. Fil-fatt, konformement ma’ dak li ntqal preċedentement, sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ rata ta’ korrezzjoni b’rata fissa li tammonta għal 5 %, il-Kummissjoni kienet speċifikat fir-rapport sommarju li, fl‑2008, erba’ standards KAAT minn għaxra, fosthom it-tnejn imsemmija iktar ’il fuq, la kienu ddefiniti u lanqas ikkontrollati, fatt li jiġġustifika fih innifsu l-imsemmija korrezzjoni b’rata fissa (ara l-punt 13 iktar ’il fuq). Fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika tal-Latvja ma kkontestatx il-fatt li l-kontrolli meħtieġa mill-Kummissjoni ma kinux saru u li la kienu previsti sanzjonijiet u lanqas applikati.
79
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet tillimita ruħha li tirreferi għall-kriterji tad-dispożizzjonijiet ċċitati iktar ’il fuq tad-dokument AGRI-2005-64043 u li tikkonstata n-nuqqas totali ta’ implementazzjoni u ta’ kontroll tal-istandards inkwistjoni, mingħajr ma tkun obbligata tevalwa u tispjega l-livell ta’ riskju sostnut mill-Fondi. Din il-konstatazzjoni hija indirettament ikkonfermata mill-punt 3.2 tad-dokument AGRI-2005-64043, taħt it-titolu “Evalwazzjoni tal-livell tar-riskju”, li jgħid li, meta s-sistema ta’ kontroll stabbilita mill-Istat Membru tkun defiċjenti, huwa impossibbli li tiġi stabbilita ċarament l-importanza rispettiva tar-rati rilevanti differenti dwar il-penali mhux applikati u li l-korrezzjonijiet b’rata fissa huma intiżi li jirremedjaw din id-diffikultà billi jiġu applikati rati ta’ korrezzjoni ta’ livell standard. F’dan il-kuntest, konformement mal-għan ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni ġustament targumenta li, fis-sitwazzjoni ta’ nuqqas totali ta’ implementazzjoni ta’ ċerti standards KAAT, ikun impossibbli għaliha li tikkalkola t-telf konkret għall-Fondi.
80
Dan l-evalwazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-fatt li, fir-rigward tas-sena ta’ dikjarazzjoni 2009, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tapplika korrezzjoni b’rata fissa ta’ 2 % biss għal dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ implementazzjoni u ta’ kontroll tal-istandards KAAT analogi, skont l-Anness III tar-Regolament Nru 73/2009, ukoll intitolati “Kopertura minima tal-ħamrija” u “Żamma ta’ elementi tal-pajsaġġ” (ara l-punt 14 iktar ’il fuq). Fil-fatt, bħalma jirriżulta mir-rapport sommarju, il-Kummissjoni ġġustifikat l-applikazzjoni ta’ din ir-rata ta’ korrezzjoni inqas minn 2 % għar-raġuni li, sadanittant, l-awtoritajiet Latvjani kienu tejbu s-sistema ta’ kontroll tal-kundizzjonalità, b’mod li r-riskju sostnut mill-Fondi kien inqas minn dak għas-sena ta’ dikjarazzjoni 2008. Fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika tal-Latvja kkonfermat fis-seduta li hija ma kellhiex l-intenzjoni tikkontesta l-eżistenza ta’ nuqqasijiet fl-imsemmija sistema ta’ kontrolli. Barra minn hekk, hija ma argumentatx li l-Kummissjoni kellha tapplika din l-istess rata ta’ korrezzjoni għas-sena ta’ dikjarazzjoni 2008 ukoll, iżda llimitat ruħha li tenfasizza l-allegata ħtieġa li r-riskju sostnut jiġi kkalkolat b’mod konkret.
81
F’dan il-kuntest, ir-Repubblika tal-Latvja lanqas ma tista’ tinvoka b’mod utli s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2008, Franza vs Il‑Kummissjoni (T‑370/05, EU:T:2008:328, punt 81). F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed jiġi rrilevat li, minn naħa, din is-sentenza ma tagħtix deċiżjoni ċara fis-sens invokat mir-Repubblika tal-Latvja u, min-naħa l-oħra, hija tirrigwarda sistema distinta ta’ kontroll ta’ nfiq u ta’ korrezzjonijiet finanzjarji taħt il-FAEGG, li ma humiex applikabbli f’dan il-każ.
82
Għalhekk, sa fejn il-Kummissjoni setgħet tibbaża d-deċiżjoni kkontestata u b’mod partikolari l-korrezzjonijiet b’rata fissa kontenzjużi fuq in-nuqqas ta’ osservanza mill-awtoritajiet Latvjani tal-obbligu li jimplementaw l-istandards intitolati “Kopertura minima tal-ħamrija” u “Żamma ta’ elementi tal-pajsaġġ” u tal-assenza ta’ kontroll tagħhom fis-snin ta’ dikjarazzjoni 2008 u 2009, l-argument tar-rikorrenti ma jistax jintlaqa’.
83
Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
84
Fir-rigward tat-tieni parti, għandu jitfakkar li d-dokument AGRI-2005-64043 jinkludi regoli speċjali għall-korrezzjonijiet finanzjarji b’rata fissa applikabbli għas-sistema ta’ kundizzjonalità, b’mod li r-regoli ġenerali inklużi fid-dokument VI/5330/97 huma neċessarjament emendati u ppreċiżati. Għalhekk, ir-Repubblika tal-Latvja ma hijiex fondata li tinvoka l-imsemmi dokument b’mod ġenerali u għalhekk l-ilment relattiv tagħha għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.
85
Barra minn hekk, bħalma tenfasizza l-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li effettivament hija ħadet inkunsiderazzjoni l-argumenti u l-informazzjoni li pprovdew l-awtoritajiet Latvjani matul il-proċedura ta’ approvazzjoni bilaterali sabiex juru li l-korrezzjonijiet b’rata fissa proposti ma kinux adattati għar-riskju sostnut mill-Fondi. Madankollu, fl-ittra tal-11 ta’ Novembru 2013, konformement mal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 77 u 82 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ċaħdet l-imsemmija argumenti u informazzjoni, għar-raġuni b’mod partikolari li, essenzjalment, fl-2008, erba’ standards KAAT minn għaxra ma kinux ġew iddefiniti u li, fl-2009, żewġ standards KAAT minn tmienja ma kinux ġew iddefiniti u li l-istima tar-riskju potenzjali għall-Fondi ppreżentata mill-awtoritajiet Latvjani ma kinitx affidabbli (ara l-punt 6 iktar ’il fuq).
86
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Repubblika tal-Latvja lanqas ma hija fondata tallega li l-Kummissjoni kisret id-Dokument VI/5330/97 u l-prinċipju ta’ “amministrazzjoni tajba”, b’mod li t-tieni parti ma tistax tintlaqa’.
87
Għalhekk, it-tieni argument għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.
Fuq il-konklużjonijiet għall-finijiet tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata
88
Peress li l-ewwel motiv għandu jintlaqa’ parzjalment, jiġifieri sa fejn il-Kummissjoni illegalment ibbażat il-korrezzjonijiet b’rata fissa kontenzjużi fuq in-nuqqas tal-awtoritajiet Latvjani li, fl-2008, ma implementawx l-istandards intitolati “Standards għal rotazzjonijiet tal-uċuħ tar-raba’[, fejn meħtieġ]” u “Rati minimi tal-istokk tal-annimali u/jew sistemi adegwati”, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata fit-totalità tagħha.
89
Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li spjegat il-Kummissjoni matul is-seduta, huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat, fi kwalunkwe każ, li ma jistax jiġi eskluż li l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan in-nuqqas jew iż-żamma biss tal-konstatazzjoni tal-assenza ta’ implementazzjoni tal-istandards intitolati “Kopertura minima tal-ħamrija” u “Żamma ta’ elementi tal-pajsaġġ” għas-snin ta’ dikjarazzjoni 2008 u 2009 kienet ta’ natura li taffettwa l-kalkolu tal-ammont totali tal-korrezzjoni b’rata fissa, jiġifieri EUR 739393.95 li hija kkontestata fil-kuntest ta’ dan ir-rikors. Din il-konklużjoni hija ġġustifikata b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li, fid-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tas-sena ta’ dikjarazzjoni 2009, minħabba l-assenza ta’ implementazzjoni ta’ dawn iż-żewġ standards KAAT biss, il-Kummissjoni qieset xieraq li tapplika korrezzjonijiet b’rata fissa li jammontaw għal 2 % biss minflok għal 5 %. Minkejja li l-Kummissjoni mmotivat dan l-approċċ bl-eżistenza ta’ ċertu titjib mill-awtoritajiet Latvjani tas-sistema ta’ kontroll tal-kundizzjonalità meta mqabbla mas-sena ta’ dikjarazzjoni 2008 (ara l-punti 14 u 80 iktar ’il fuq), il-Qorti Ġenerali ma tistax tevalwa, fid-dawl tal-informazzjoni fil-proċess, jekk l-assenza ta’ implementazzjoni ta’ dawn iż-żewġ standards KAAT biss fl-2008 setgħetx twassal lill-Kummissjoni għal konklużjoni analoga. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-qasam tal-politika agrikola, il-ġurisprudenza tirrikonoxxi lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, fid-dawl tar-responsabbiltajiet li jagħtihom it-Trattat, setgħa diskrezzjonali wiesgħa (sentenza tat-3 ta’ Mejju 2007, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑219/04, EU:T:2007:121, punt 105). Bl-istess mod, f’dan il-każ, fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1290/2005 u tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dokument AGRI-2005/64043, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa sabiex tevalwa r-riskji sostnuti mill-Fondi minħabba l-eżistenza ta’ nuqqasijiet fis-sistemi ta’ kontroll tal-kundizzjonalità kif ukoll tal-kumplessità tal-operazzjonijiet ta’ kalkolu – li ma ġewx żvelati lill-Qorti Ġenerali – li huma l-bażi tal-kalkolu tal-ammont tal-korrezzjonijiet b’rata fissa differenti kontenzjużi esposti fil-paġni 69, 70, 73 u 74 tad-deċiżjoni kkontestata. Dwar dan il-punt, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tagħha skont l-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti Ġenerali ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Scott, C-290/07 P, EU:C:2010:480, punt 66 u tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑KummissjoniC‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 89).
90
Skont l-Artikolu 266(1) TFUE, hija għalhekk il-Kummissjoni li għandha tislet il-konsegwenzi meħtieġa mill-annullament tad-deċiżjoni kkontestata billi tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss id-dispożittiv ta’ din is-sentenza, iżda wkoll il-motivi li jifformaw il-bażi għal din il-konklużjoni, fis-sens li huma indispensabbli sabiex jiġi ddeterminat is-sens eżatt ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2007, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑417/06 P, EU:C:2007:733, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).
Fuq l-ispejjeż
91
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.
92
Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-Repubblika tal-Latvja.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1)
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/458/UE, tad-9 ta’ Lulju 2014, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri skont it-Taqsima ta’ Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), hija annullata sa fejn din id-deċiżjoni teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni ċertu nfiq tar-Repubblika tal-Latvja, li jammonta għal EUR 739393.95, minħabba n-nuqqas ta’ konformità tiegħu mar-regoli tal-Unjoni.
2)
Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.
Jaeger
Prek
Kreuschitz
Werrej
Il-fatti li wasslu għall-kawża
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
Id-dritt
Sunt tal-motivi għal annullament
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 73/2009
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
– Osservazzjonijiet preliminari
– Fuq l-interpretazzjoni litterali
– Fuq l-interpretazzjoni kuntestwali u teleoloġika
– Fuq l-interpretazzjoni storika
– Konklużjoni
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq kalkolu żbaljat tal-korrezzjonijiet finanzjarji kontenzjużi
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq il-konklużjonijiet għall-finijiet tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata
Fuq l-ispejjeż
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.
Full & Egal Universal Law Academy