SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)
28 Jannar 2016 ( *1 )
“FAEGG — Sezzjoni ‘Garanzija’ — FAEG u FAEŻR — Infiq eskluż mill-finanzjament — Verifika ta’ porzjonijiet żgħar — Assenza ta’ prova tad-dubju serju u raġonevoli — Estrapolazzjoni tar-riżultati tal-kontrolli fuq il-post”
Fil-Kawża T-667/14,
Ir-Repubblika tas-Slovenja, irrappreżentata minn L. Bembič, bħala aġent,
ir-rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Rous Demiri u D. Triantafyllou, bħala aġenti,
il-konvenuta,
li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/458/UE, tad-9 ta’ Lulju 2014, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri skont it-Taqsima ta’ Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 205, p. 62), sa fejn teskludi ċertu nfiq li sar mir-Repubblika tas-Slovenja,
IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),
komposta minn A. Dittrich (Relatur), President, J. Schwarcz u V. Tomljenović, Imħallfin,
Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Ottubru 2015,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1
Mit-3 sas-7 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni Ewropea wettqet azzjoni ta’ kontroll fis-Slovenja, konformement mal-Artikolu 37(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU L 286M, p. 1). L-għan prinċipali ta’ din l-azzjoni ta’ kontroll kien li tiġi evalwata l-applikazzjoni tal-iskemi ta’ għajnuna diretta għas-snin tat-talba 2009 sa 2011, li kienu jikkorrispondu għas-snin finanzjarji 2010 sa 2012.
2
Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika tas-Slovenja r-riżultat tal-azzjoni ta’ kontroll, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 885/2006, tal-21 ta’ Ġunju 2006, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU L 171, p. 90). Hija qieset li l-infiq ma kienx sar fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni Ewropea.
3
Ir-Repubblika tas-Slovenja wieġbet għall-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Jannar 2012.
4
Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Sloveni għal laqgħa bilaterali, konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006. Peress li r-Repubblika tas-Slovenja bagħtet informazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Ġunju 2013, il-laqgħa bilaterali nżammet fit-12 ta’ Ġunju 2013.
5
Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Sloveni l-minuti tal-laqgħa bilaterali u l-lista ta’ informazzjoni addizzjonali mitluba matul din il-laqgħa, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 885/2006. Ir-Repubblika tas-Slovenja wieġbet permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Settembru 2013.
6
Fit-3 ta’ Jannar 2014, il-Kummissjoni bagħtet il-konklużjonijiet uffiċjali tagħha lir-Repubblika tas-Slovenja, konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 885/2006. F’din il-komunikazzjoni, hija żammet il-pożizzjoni tagħha li l-implementazzjoni tal-għajnuna għas-superfiċji fis-Slovenja ma kinitx konformi mar-regoli tal-Unjoni fis-snin tat-talba 2009 sa 2011. Għalhekk, hija pproponiet li jiġi eskluż mill-finanzjament tal-Unjoni l-ammont ta’ EUR 347 661.10. Iktar preċiżament, il-Kummissjoni kkonstatat:
—
nuqqasijiet fil-verifika ta’ porzjonijiet żgħar fir-rigward tal-osservanza tad-definizzjoni ta’ porzjonijiet agrikoli, li għalihom ġiet indikata korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % fuq il-ħlasijiet diretti, f’ammont ta’ EUR 85 780.08 għas-sena finanzjarja 2010, ta’ EUR 115 956.46 għas-sena finanzjarja 2011 u ta’ EUR 131 269.23 għas-sena finanzjarja 2012;
—
assenza ta’ estrapolazzjoni tar-riżultati tal-kontrolli fil-każ ta’ differenza ta’ inqas minn 3 %, li għaliha ġiet indikata korrezzjoni puntwali fuq il-ħlasijiet diretti, f’ammont ta’ EUR 1 771.90 għas-sena finanzjarja 2010, ta’ EUR 6 376.67 għas-sena 2011 u ta’ EUR 6 506.76 għas-sena finanzjarja 2012.
7
Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Frar 2014, ir-Repubblika tas-Slovenja talbet li tinfetaħ il-proċedura quddiem il-korp ta’ konċiljazzjoni, konformement mal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 885/2006. Fil-25 ta’ Marzu 2014, il-korp ta’ konċiljazzjoni ċaħad din it-talba bħala inammissibbli.
8
Il-Kummissjoni żammet il-pożizzjoni tagħha fuq il-bażi tar-raġunijiet riprodotti fir-rapport ta’ sinteżi dwar ir-riżultati tal-kontrolli li saru fil-kuntest tal-clearance tal-kontijiet (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ sinteżi”).
9
Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/458/UE, tad-9 ta’ April 2014, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri taħt it-Taqsima tal-Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG), taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 205, p. 62), iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”, il-Kummissjoni eskludiet l-ispejjeż inkwistjoni mill-finanzjament tal-Unjoni minħabba n-nuqqas ta’ konformità tagħhom mar-regoli tal-Unjoni.
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
10
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Settembru 2014, ir-Repubblika tas-Slovenja ppreżentat din l-azzjoni.
11
Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.
12
Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali stiednet lir-Repubblika tas-Slovenja tipproduċi dokument. Din tal-aħħar issodisfat din it-talba fit-terminu stabbilit.
13
Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tal-21 ta’ Ottubru 2015. Matul din is-seduta, il-partijiet ippreżentaw xi fotografiji, li ddaħħlu fil-proċess. Konformement mal-Artikolu 85(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-President ta l-possibbiltà lill-partijiet li jieħdu pożizzjoni fir-rigward ta’ dawn il-provi.
14
Ir-Repubblika tas-Slovenja titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni, sa fejn hija kkonċernata, ammont ta’ EUR 347 661.10, li jikkorrispondi għal infiq iddikjarat għas-snin finanzjarji 2010 sa 2012;
—
sussidjarjament, taċċetta l-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % fuq il-ħlasijiet diretti minħabba nuqqasijiet fil-verifika ta’ porzjonijiet żgħar għal ammont ta’ EUR 172 876.39 biss, li jikkorrispondi għal infiq iddikjarat għas-snin finanzjarji 2010 sa 2012;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;
15
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiċħad ir-rikors bħala infondat;
—
tikkundanna lir-Repubblika tas-Slovenja għall-ispejjeż.
Id-dritt
Fuq l-ammissibbiltà tal-provi ppreżentati fis-seduta
16
Ladarba l-provi ppreżentati mill-partijiet fil-forma ta’ fotografiji tressqu biss fl-istadju tal-fażi orali tal-proċedura, mingħajr ma nġiebet ebda ġustifikazzjoni għal din it-tardività, dawn għadhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, konformement mal-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura.
Fuq il-mertu
17
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika tas-Slovenja tqajjem żewġ motivi. L-ewwel motiv, li huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni suffiċjenti u fuq ksur tal-prinċipju ta’ legalità, jikkonċerna l-verifika tal-porzjonijiet żgħar fir-rigward tal-osservanza tad-definizzjoni ta’ porzjonijiet agrikoli. It-tieni motiv, dwar il-kejl tal-kampjun tal-porzjonijiet u l-estrapolazzjoni tar-riżultati tal-kontrolli fuq il-post, huwa bbażat fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni u fuq ksur tal-prinċipju ta’ legalità.
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni u fuq ksur tal-prinċipju ta’ legalità, dwar il-verifika tal-porzjonijiet żgħar
18
Ir-Repubblika tas-Slovenja ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni kif ukoll il-prinċipju ta’ legalità meta applikat korrezzjoni finanzjarja minħabba l-fatt li hija ma għandhiex sistema effikaċi ta’ verifika tas-superfiċji minimu eliġibbli. Is-Slovenja tinkludi numru kbir ta’ superfiċji mżerżqa u karst u l-bdiewa dejjem ikkultivaw kull porzjoni ta’ art, żgħira kemm hi żgħira. Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tipprovdix limiti fir-rigward tal-forma u tat-tnaqqis ta’ art agrikola u s-superfiċji inkwistjoni kkonstatati matul il-kontroll inkwistjoni jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha tad-definizzjoni ta’ porzjon agrikolu. Barra minn hekk, dawn is-superfiċji ma nħolqux artifiċjalment sabiex jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet għall-benefiċċju tal-ħlasijiet taħt l-iskemi ta’ sostenn. Skont ir-Repubblika tas-Slovenja, hija wriet li s-superfiċji definittivament ineliġibbli ġew ilkoll esklużi mit-totalità tas-superfiċji ddikjarat u li s-sistema Slovena tal-porzjonijiet ta’ referenza tiggarantixxi l-effettività tas-sistema ta’ aġġornament u ta’ monitoraġġ tas-superfiċji. Il-Kummissjoni ma sabet, matul il-kontrolli tagħha, ebda prova konkreta tal-ksur allegat.
19
Fir-rapport ta’ sinteżi, fil-punt 12.9.1, il-Kummissjoni indikat li s-sistema Slovena kienet tippermetti lill-bdiewa jinkludu, fid-dikjarazzjoni tal-porzjonijiet, strixxi ta’ mergħat twal u dojoq, li kienu prinċipalment madwar artijiet li jinħadmu, b’tali mod li s-superfiċji tal-porzjonijiet agrikoli grafiċi ta’ operazzjoni agrikola jsiru eliġibbli. Skont dan ir-rapport, dan seta’ wassal għal anomaliji fil-kejl u, għalhekk, għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ porzjonijiet li ma kinux jissodisfaw is-superfiċji minimu li porzjon agrikolu għandu jkollu, li huwa ta’ 0.1 ettaru fis-Slovenja, konformement mal-Artikolu 14(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ sostenn għall-bdiewa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, p. 243) u mal-Artikolu 13(9) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (ĠU L 316, p. 65). Sabiex turi l-forma artifiċjali ta’ porzjon agrikolu grafiku, il-Kummissjoni rreferiet għall-porzjon Nru 127810 imsemmi “Medja” (iktar ’il quddiem il-“porzjon Medja”). Barra minn hekk, hija indikat li d-diffikultà ma kinitx tinsab fil-porzjonijiet żgħar infushom, iżda fin-natura inadatta tal-proċedura segwita sabiex jiġu identifikati l-bdiewa li inkludew fid-dikjarazzjoni tagħhom artijiet sabiex il-porzjonijiet li ma kinux jilħqu r-rekwiżit impost isiru eliġibbli. Skont ir-rapport ta’ sinteżi, fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, tad-19 ta’ Jannar 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, p. 16), u fl-assenza ta’ proċedura ta’ kontroll xierqa sabiex jinstabu u jiġu esklużi dawn il-porzjonijiet agrikoli, il-Kummissjoni kkonstatat li kien hemm riskju għall-fondi agrikoli inkwistjoni. Finalment, fil-punt 12.9.3 tar-rapport ta’ sinteżi, il-Kummissjoni qieset li, ladarba l-awtoritajiet Sloveni ma pprovawx l-affermazzjoni tagħhom li l-istrixxi twal u dojoq kienu jinsabu biss fil-mergħat permanenti, il-porzjonijiet agrikoli grafiċi kollha marbuta mas-superfiċji ta’ bejn 0.10 ettaru u 0.15 ettaru kienu jippreżentaw riskju.
20
Għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 31(1) tar-Regolament Nru 1290/2005, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi l-ammonti li għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni meta tikkonstata li nfiq mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG), previst fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, u mill-Fond Ewropew Agrikolu għal Żvilupp Rurali (FEAŻR), previst fl-Artikolu 4 tal-istess regolament, ma jkunx sar konformement mar-regoli tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 38(2) tar-Regolament Nru 1290/2005, l-infiq mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG), sezzjoni “Garanzija”, bl-eċċezzjoni ta’ dak tal-iżvilupp rurali, li sar mill-Istati Membri mis-16 ta’ Ottubru 2006, isegwi r-regoli ddefiniti minn dan l-istess regolament.
21
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-fondi agrikoli Ewropej jiffinanzjaw biss l-interventi magħmula skont id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli (sentenzi tal-24 ta’ Frar 2005, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni,C-300/02, Ġabra EU:C:2005:103, punt 32, u tas-27 ta’ Frar 2013, Il-Polonja vs Il-Kummissjoni,T-241/10, EU:T:2013:96, punt 20).
22
Barra minn hekk, sabiex tipprova l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, il-Kummissjoni ma għandhiex turi b’mod eżawrjenti l-insuffiċjenza tal-kontrolli mwettqa mill-amministrazzjonijiet nazzjonali jew l-irregolarità taċ-ċifri mibgħuta minnhom, iżda għandha tippreżenta prova tad-dubju serju u raġonevoli li hija ssib fir-rigward ta’ dawn il-kontrolli jew ta’ dawn iċ-ċifri. Din il-mitigazzjoni tal-oneru tal-prova għall-Kummissjoni hija spjegata mill-fatt li huwa l-Istat Membru li jinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiġbor u jivverifika d-data neċessarja għall-clearance tal-kontijiet tal-fondi agrikoli Ewropej u li, konsegwentement, għandu l-obbligu li jippreżenta l-iktar prova dettaljata u kompleta tat-twettiq tal-kontrolli tiegħu jew tal-eżattezza taċ-ċifri tiegħu u, jekk ikun il-każ, tal-ineżattezza tal-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni (ara s-sentenzi Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, EU:C:2005:103, punti 33 sa 36 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-12 ta’ Lulju 2011, Is-Slovenja vs Il-Kummissjoni,T-197/09, EU:T:2011:348, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
23
L-Istat Membru kkonċernat, min-naħa tiegħu, ma jistax jinvalida l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni mingħajr ma jsostni l-allegazzjonijiet tiegħu permezz ta’ elementi li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ sistema ta’ verifika affidabbli u operattiva. Jekk huwa ma jirnexxilux jipprova li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni ma humiex eżatti, dawn jikkostitwixxu elementi li jistgħu jqajmu dubji serji rigward l-implementazzjoni ta’ sistema xierqa u effettiva ta’ miżuri ta’ sorveljanza u ta’ kontroll (ara s-sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 1999, L-Italja vs Il-Kummissjoni,C-253/97, Ġabra EU:C:1999:527, punt 7 u l-ġurisprudenza ċċitata, u Is-Slovenja vs Il-Kummissjoni, punt 22 iktar ’il fuq, EU:T:2011:348, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
24
Kuntrarjament għal dak li r-Repubblika tas-Slovenja tallega, għall-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja, ma huwiex rikjest li jiġi kkonstatat nuqqas sinjifikattiv fl-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni espliċiti. Fil-fatt, huwa ċertament preċiż li, skont il-linji gwida fil-qasam tal-korrezzjonijiet finanzjarji b’rata fissa ddefiniti fl-Anness 2 tad-Dokument tal-Kummissjoni VI/5330/97, tat-23 ta’ Diċembru 1997, intitolat “Linji gwida dwar il-kalkolu tal-konsegwenzi finanzjarji fil-preparazzjoni tad-deċiżjoni ta’ clearance tal-kontijiet tal-FAEGG-Garanzija” (iktar ’il quddiem id-“Dokument VI/5330/97”), korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa tippreżupponi l-eżistenza ta’ nuqqas sinjifikattiv fl-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni espliċiti. Madankollu, diġà ġie deċiż li d-definizzjoni ġurisprudenzjali tal-oneru tal-prova, imsemmija fil-punti 22 u 23 iktar ’il fuq, ma hijiex affettwata minn din il-kundizzjoni imposta bid-Dokument VI/5330/97, peress li, minn naħa, din il-kundizzjoni għandha tinqara’ fil-kuntest tagħha u, min-naħa l-oħra, din id-definizzjoni ġurisprudenzjali nżammet wara l-adozzjoni tad-Dokument VI/5330/97 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2006, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni,T-221/04, EU:T:2006:223, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
25
F’dan il-każ, mill-punt 12.9.1 tar-rapport ta’ sinteżi jirriżulta li, insostenn tal-konstatazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ nuqqasijiet fil-verifika tal-porzjonijiet żgħar fir-rigward tal-osservanza tad-definizzjoni ta’ porzjonijiet agrikoli, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq ir-riżultati ta’ kontroll tal-porzjon Medja, li, skont il-Kummissjoni, kien ta’ forma artifiċjali. Skont din tal-aħħar, is-superfiċji ddikjarat ta’ 0.12 ettaru ta’ mergħa kien jinkludi strixxa ta’ art, ta’ tul ta’ madwar 50 metru u ta’ wisa’ li ma taqbiżx 1.9 metri. Bis-saħħa ta’ din l-istrixxa ta’ art, dan il-porzjon kien eliġibbli, u dan ma kienx ikun il-każ li kieku l-istrixxa ta’ art ma tteħditx inkunsiderazzjoni. Barra minn hekk, parti minn dan is-superfiċji, jiġifieri 0.02 ettaru, kienet tikkorrispondi għal xaqliba mhux użata għall-produzzjoni agrikola, miksija b’ħurrieq u arbuxelli. Skont ir-rapport ta’ sinteżi, l-esklużjoni ta’ din il-parti setgħet ukoll twassal għaċ-ċaħda ta’ dan il-porzjon agrikolu fl-intier tiegħu, peress li s-superfiċji minimu ta’ porzjon agrikolu kif iddefinit mir-Repubblika tas-Slovenja, konformement mal-Artikolu 13(9) tar-Regolament Nru 1122/2009, ma kienx intlaħaq.
26
B’mod preliminari, ladarba s-snin tat-talba inkwistjoni f’dan il-każ huma s-snin 2009 sa 2011, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 86(1) tar-Regolament Nru 1122/2009, ir-Regolament Nru 796/2004 ġie abrogat b’effett mill-1 ta’ Jannar 2010, iżda madankollu jibqa’ applikabbli għall-applikazzjonijiet għal għajnuna li jirrigwardaw is-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni jew il-perijodi ta’ referenza tal-primjum li jibdew qabel l-1 ta’ Jannar 2010. Konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 87 tar-Regolament Nru 1122/2009, dan tal-aħħar japplika għall-applikazzjonijiet għal għajnuna li jirrigwardaw snin ta’ kummerċjalizzazzjoni jew perijodi ta’ referenza tal-primjum li jibdew fl-1 ta’ Jannar tal-2010.
27
Kif ir-Repubblika tas-Slovenja tafferma, il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-porzjon Medja ma jikkostitwixxux prova tad-dubju serju u raġonevoli li tista’ tipprova l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 22 iktar ’il fuq.
28
Fil-fatt, l-ewwel nett, huwa ċertament preċiż li, skont l-ittra tal-21 ta’ Novembru 2011, li permezz tagħha l-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika tas-Slovenja r-riżultat tal-azzjoni ta’ kontroll tagħha, il-Kummissjoni kkonstatat l-elementi msemmija fil-punt 12.9.1 tar-rapport ta’ sinteżi dwar il-porzjon Medja. Madankollu, permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Jannar 2012, l-awtoritajiet Sloveni kkontestaw dawn il-konstatazzjonijiet. Mill-punt 1.2.1 tal-ittra tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Lulju 2013 jirriżulta li, ladarba l-awtoritajiet Sloveni żaru dan il-porzjon wara l-kontroll li sar mill-Kummissjoni u kkonstataw li s-superfiċji kollu kien użat għall-produzzjoni agrikola, il-Kummissjoni għalqet il-kwistjoni tal-eliġibbiltà tal-porzjon inkwistjoni. B’hekk jidher li l-Kummissjoni ma kkonstatatx li l-porzjon Medja kien eliġibbli. Fid-dawl tal-premess, il-Kummissjoni ma tistax leġittimament tqis li l-istat ta’ dan il-porzjon jikkostitwixxi prova li turi n-nuqqasijiet fis-sistema ta’ kontroll Slovena tal-eliġibbiltà tas-superfiċji agrikoli.
29
It-tieni nett, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-punt 12.9.1 tar-rapport ta’ sinteżi, li l-porzjon Medja kellu wkoll jiġi miċħud fit-totalità tiegħu minħabba l-fatt li s-superfiċji minimu ta’ porzjon agrikolu, kif iddefinit mir-Repubblika tas-Slovenja, konformement mal-Artikolu 14(4) tar-Regolament Nru 796/2004 u mal-Artikolu 13(9) tar-Regolament Nru 1122/2009, ma ntlaħaqx, lanqas din ma tista’ tintlaqa’. Fil-fatt, minn dan il-punt tar-rapport ta’ sinteżi jirriżulta li l-parti mhux eliġibbli mill-porzjon inkwistjoni kienet biss ta’ 0.02 ettaru. Ladarba dan il-porzjon kellu, skont il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, superfiċji ddikjarat ta’ 0.12 ettaru u s-superfiċji minimu ta’ porzjon agrikolu fis-Slovenja kien ta’ 0.1 ettaru, anki jekk jitqies li l-parti ta’ 0.02 ettaru ma hijiex eliġibbli, ma jistax jiġi konkluż li s-superfiċji minimu ta’ 0.1 ettaru ma ntlaħaqx.
30
It-tielet nett, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni marbuta mal-allegata forma artifiċjali tal-porzjon Medja, li tinkludi strixxa ta’ art ta’ tul ta’ madwar 50 metru u ta’ wisa’ li ma taqbiżx 1.9 metri, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni mkien ma tindika li superfiċji agrikolu għandu jkollu forma partikolari sabiex ikun eliġibbli. Barra minn hekk, kif tafferma r-Repubblika tas-Slovenja, id-definizzjoni tat-termini “superfiċji agrikolu” u “porzjon agrikolu” fid-dritt tal-Unjoni ma tirrikjedix forma partikolari għal superfiċji jew għal porzjon. Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 2(h) tar-Regolament Nru 73/2009, it-terminu “erja agrikola” tfisser is-superfiċji kollha użati bħala art għall-kultivazzjoni, mergħa permanenti jew uċuħ permanenti Skont l-Artikolu 2(1a) tar-Regolament Nru 796/2004, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 972/2007, tal-20 ta’ Awwissu 2007 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, p. 243), u skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1122/2009, porzjon agrikolu huwa ddefinit, fil-prinċipju, bħala superfiċji kontinwu ta’ artijiet. Minkejja li, skont id-definizzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1122/2009, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu kriterji addizzjonali sabiex jiddelimitaw iktar porzjon agrikolu, xejn ma jippermetti li jiġi konkluż li fis-Slovenja forma partikolari ta’ superfiċji agrikolu hija preskritta. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-istrixex ta’ artijiet twal u dojoq huma inkontestabbilment eliġibbli, skont il-Kummissjoni, jekk dawn ikunu jagħmlu parti integrali mill-porzjonijiet ta’ daqs ikbar minn 0.15 ettaru. Fil-fatt, mill-punt 12.9.3 tar-rapport ta’ sinteżi jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, huma biss il-porzjonijiet agrikoli grafiċi li għandhom superfiċji ta’ bejn 0.10 ettaru u 0.15 ettaru li jippreżentaw riskju (ara l-punt 19 iktar ’il fuq).
31
Fl-assenza ta’ tressiq mill-Kummissjoni ta’ provi oħra dwar dubju serju u raġonevoli, ma jistax jiġi konkluż li din ipprovat l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli minħabba l-eżistenza, fis-Slovenja, ta’ nuqqasijiet fil-verifika ta’ porzjonijiet żgħar fir-rigward tal-osservanza tad-definizzjoni ta’ porzjonijiet agrikoli kif prevista fl-Artikolu 14(4) tar-Regolament Nru 796/2004 u fl-Artikolu 13(9) tar-Regolament Nru 1122/2009. Għalhekk, il-Kummissjoni żbaljat meta applikat korrezzjoni finanzjarja fuq il-bażi ta’ tali ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni.
32
Fir-rigward tal-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-punt 12.9.1 tar-rapport ta’ sinteżi, li hemm ukoll riskju għall-fondi agrikoli inkwistjoni fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 73/2009, għandu jiġi rrilevat li, kif indikat mill-Kummissjoni, u kif jirriżulta mill-punt 12.9.1 tar-rapport ta’ sinteżi, il-korrezzjoni finanzjarja applikata ma ġietx adottata fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, mill-ittra tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Lulju 2013 jirriżulta li din tal-aħħar semmiet l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 73/2009 biss sabiex tindika l-kontenut tiegħu, li pprovda li l-fatt li jinħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex wieħed jibbenefika mill-ħlasijiet kien ipprojbit.
33
Fid-dawl tal-premess u mingħajr ma huwa neċessarju għall-Qorti Ġenerali li tippronunzja ruħha fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, ladarba l-Kummissjoni applikat korrezzjoni finanzjarja fl-assenza ta’ prova ta’ ksur tar-regoli tad-dritt tal-dritt tal-Unjoni, l-ewwel motiv għandu jiġi milqugħ.
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni u fuq ksur tal-prinċipju ta’ legalità, fir-rigward tad-daqs tal-kampjun tal-porzjonijiet u tal-estrapolazzjoni tar-riżultati tal-kontrolli fuq il-post
34
Ir-Repubblika tas-Slovenja ssostni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha kif ukoll il-prinċipju ta’ legalità meta applikat korrezzjoni finanzjarja minħabba l-fatt li ma estrapolatx ir-riżultati tal-kontrolli fuq il-post meta d-differenza kkonstatata kienet inqas minn 3 %. Il-porzjonijiet magħżula matul il-kontroll ma ntgħażlux b’mod każwali. Meta saret l-għażla tal-kampjun tal-porzjonijiet agrikoli grafiċi, ir-rekwiżiti ta’ affidabbiltà u ta’ rappreżentattività kienu ssodisfatti, konformement mar-Regolament Nru 1122/2009. Skont ir-Repubblika tas-Slovenja, meta ġew ikkonstatati irregolaritajiet fil-kampjun tal-porzjonijiet agrikoli grafiċi magħżula bil-għan ta’ kontroll fuq il-post, l-awtoritajiet Sloveni kabbru l-kampjun billi ħadu inkunsiderazzjoni l-linji gwida taċ-Ċentru Komuni ta’ Riċerka tal-Kummissjoni. Huma jistabbilixxu limitu ta’ 3 % għall-konstatazzjoni ta’ anomalija u jeżiġu l-estensjoni tal-kampjun biss ’il fuq minn dan il-limitu billi jibbażaw ruħhom fuq l-Artikoli 33 u 58 tar-Regolament Nru 1122/2009. Madankollu, kuntrarjament għal dawn il-linji gwida, l-estrapolazzjoni ta’ żball ikkonstatat fuq il-kampjun għall-grupp kollu ta’ kultivazzjonijiet ma ssibx bażi legali la fir-Regolament Nru 796/2004 għas-sena tat-talba 2009 u lanqas fir-Regolament Nru 1122/2009 għas-snin tat-talba 2010 u 2011. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata wkoll minn insuffiċjenza ta’ motivazzjoni sa fejn il-Kummissjoni kkonstatat ksur tal-obbligu ta’ estrapolazzjoni fuq il-bażi tal-premessa 44 tar-Regolament Nru 1122/2009 għas-sena tat-talba 2009. Barra minn hekk, skont ir-Repubblika tas-Slovenja, kull rekwiżit ta’ estrapolazzjoni tal-iżball jikser il-prinċipju ta’ kontradittorju u d-dritt għal smigħ tal-bidwi kkonċernat. Barra minn hekk, l-estrapolazzjoni fl-osservanza tad-drittijiet fundamentali tinvolvi l-kejl obbligatorju tas-supefiċji kollha, li jmur kontra l-għan ta’ simplifikazzjoni previst fil-premessa 44 tar-Regolament Nru 1122/2009 kif ukoll l-għan ta’ tnaqqis tat-tariffi u spejjeż amministrattivi inutli. Fi kwalunkwe każ, ladarba l-awtoritajiet Sloveni aġixxew konformement mal-linji gwida taċ-Ċentru Komuni ta’ Riċerka, il-Kummissjoni kellha tirrinunzja kompletament għall-korrezzjoni finanzjarja skont id-Dokument VI/5330/97.
35
Skont ir-rapport ta’ sinteżi, fil-punt 12.9.1, il-kontroll stabbilixxa li l-awtoritajiet Sloveni għażlu l-porzjonijiet agrikoli b’mod każwali għall-finijiet tal-kejl, filwaqt li żguraw li jinkludu tal-inqas porzjon agrikolu grafiku minn kull grupp ta’ kultivazzjoni. Jekk instabu żbalji fir-rigward ta’ dawn il-porzjonijiet, mingħajr ma nqabeż it-3 % jew iż-żewġ ettari, dawn ġew aċċettati bħala tali u ġie preżunt li l-porzjonijiet agrikoli li ma ġewx inklużi fil-kejl ma kellhomx irregolaritajiet. Skont ir-rapport ta’ sinteżi, fis-Slovenja, il-limitu ta’ irregolarità li jeżiġi l-estensjoni tal-kampjun huwa stabbilit fil-livell ta’ 3 %, b’riferiment għall-Artikoli 33 u 58 tar-Regolament Nru 1122/2009. Kif il-premessa 44 ta’ dan ir-regolament tipprovdi, il-kampjun għandu madankollu jkun affidabbli u rappreżentattiv, u miżjud f’każ ta’ anomaliji. Skont din il-premessa, għandha ssir estrapolazzjoni tar-riżultati tal-kampjun għall-kumplament tal-popolazzjoni. Skont ir-rapport ta’ sinteżi, il-possibbiltà li l-verifiki attwali jiġu llimitati għal 50 % tal-porzjonijiet iddikjarati konformement mal-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 796/2004 u mal-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1122/2009 tirrappreżenta deroga mir-regola tal-kontroll tal-porzjonijiet agrikoli kollha. Minħabba dan il-fatt, huwa possibbli li jiġi ggarantit riżultat ta’ kontroll affidabbli u rappreżentattiv bl-estrapolazzjoni tar-riżultati tal-kontroll, partikolarment meta l-kampjun ma jiġix estiż sal-livell li jiggarantixxi li d-dikjarazzjonijiet żejda ma jissussistux.
36
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argumentazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn insuffiċjenza ta’ motivazzjoni sa fejn il-Kummissjoni kkonstatat ksur tal-obbligu ta’ estrapolazzjoni fuq il-bażi tal-premessa 44 tar-Regolament Nru 1122/2009 għas-sena tat-talba 2009 u, għalhekk, mingħajr ma indikat bażi legali valida, din għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, huwa korrett li l-Kummissjoni ċċitat din il-premessa, fil-punt 12.9.1 tar-rapport ta’ sinteżi, filwaqt li indikat li, skontha, il-kampjun kellu jkun affidabbli u rappreżentattiv, u estiż f’każ ta’ anomaliji, u li kien xieraq li jiġu estrapolati r-riżultati tal-kampjun għall-bqija tal-popolazzjoni. Madankollu, mill-istess punt tar-rapport ta’ sinteżi jirriżulta suffiċjentement skont il-liġi li, skont il-Kummissjoni, ir-rekwiżit ta’ kontroll affidabbli u rappreżentattiv li seta’ jiġi żgurat minn estrapolazzjoni tar-riżultati ta’ kontroll kien previst fl-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 796/2004 u fl-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1122/2009 u li dawn id-dispożizzjonijiet kienu għalhekk jikkostitwixxu, skont il-Kummissjoni, bażi legali valida f’dan il-każ.
37
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argumentazzjoni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ legalità meta applikat korrezzjoni finanzjarja minħabba l-fatt li r-riżultati tal-kontrolli fuq il-post ma ġewx estrapolati meta d-differenza kkonstatata kienet inqas minn 3 %, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 796/2004, kif emendat bir-Regolament Nru 972/2007 u l-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1122/2009, il-kontrolli fuq il-post għandhom isiru fuq il-porzjonijiet agrikoli kollha li huma s-suġġett ta’ applikazzjoni għal għajnuna. Konformement ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, id-determinazzjoni effettiva tas-superfiċji bħala parti minn kontroll fuq il-post tista’ tiġi limitata għal kampjun li jirrappreżenta mill-inqas 50 % tal-porzjonijiet agrikoli li għalihom tkun saret applikazzjoni, sakemm il-kampjun jiggarantixxi livell ta’ kontroll affidabbli u rappreżentattiv, kemm fir-rigward tas-superfiċji vverifikat kif ukoll l-għajnuna mitluba. Dejjem skont dawn id-dispożizzjonijiet, meta dan il-kontroll tal-kampjun jiżvela anomaliji, il-kampjun tal-porzjonijiet agrikoli spezzjonati għandu jiġi estiż.
38
L-ewwel nett, huwa stabbilit li l-awtoritajiet Sloveni llimitaw id-determinazzjoni effettiva tas-superfiċji fil-kuntest ta’ kontroll fuq il-post għal kampjun li jirrappreżenta mill-inqas 50 % tal-porzjonijiet agrikoli li għalihom tkun saret applikazzjoni, konformement mal-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 796/2004 u mal-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1122/2009. Għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika tas-Slovenja ma tikkontestax il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li, meta l-awtoritajiet Sloveni skoprew żbalji fir-rigward ta’ porzjonijiet fil-kuntest tal-kontrolli fuq il-post tagħhom, mingħajr ma nqabeż it-3 % jew iż-żewġ ettari, dawn l-iżbalji tqiesu bħala tali mingħajr ma ġie estiż il-kampjun ta’ kontroll fil-każijiet kollha. Fil-fatt, mill-punt 12.9.2 tar-rapport ta’ sinteżi jirriżulta li, skont l-awtoritajiet Sloveni, meta l-perċentwali ta’ żball kienet inqas minn 3 %, l-ispettur iddeċieda jekk il-kontroll kellux jew le jiġi estiż għall-operat kollu.
39
Fir-rigward tal-argument li l-livell ta’ irregolarità li jeżiġi estensjoni tal-kampjun seta’ jiġi stabbilit għal 3 %, konformement mal-Artikoli 33 u 58 tar-Regolament Nru 1122/2009, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li dan l-Artikolu 33 ma jinkludi ebda limitu li taħtu estensjoni tal-kampjun ma tkunx rikjesta. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1122/2009, huwa veru li dan jipprovdi li, fir-rigward ta’ grupp ta’ kultivazzjoni, jekk is-superfiċji ddikjarat għall-finijiet ta’ xi skemi ta’ għajnuna relatati mas-superfiċji huwa ikbar mis-superfiċji ddeterminat konformement mal-Artikolu 57 ta’ dan ir-regolament, l-ammont tal-għajnuna għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi tas-superfiċji ddeterminat, imnaqqas bid-doppju tad-differenza kkonstatata, jekk din tkun iktar minn 3 % jew żewġ ettari, iżda mhux iktar minn 20 % tas-superfiċji ddeterminat. Madankollu, bl-ebda mod ma jirriżulta mill-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1122/2008, li jinsab fit-Titolu IV ta’ dan ir-regolament, intitolat “Bażi għall-kalkolu tal-għajnuna, it-tnaqqisiet u l-esklużjonijiet”, li, fil-kuntest ta’ kontroll fuq il-post, l-awtoritajiet nazzjonali ma humiex obbligati li jestendu l-kampjun meta jiġu kkonstatati irregolaritajiet ta’ inqas minn 3 %. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni għandha raġun tafferma li, meta l-porzjonijiet kollha jitkejlu, id-differenza fis-superfiċji tista’ taqbeż it-3 %, li jobbliga l-applikazzjoni tat-tnaqqis tal-ħlas, skont l-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1122/2009.
40
Sa fejn ir-Repubblika tas-Slovenja tafferma li hija bbażat ruħha fuq il-linji gwida taċ-Ċentru Komuni ta’ Riċerka tal-Kummissjoni, kif interpretati f’posta elettronika ta’ dan iċ-ċentru lill-awtoritajiet Sloveni tal-10 ta’ Ottubru 2011, li jistabbilixxu limitu ta’ 3 % għall-konstatazzjoni ta’ anomalija u jeżiġu l-estensjoni tal-kampjun biss ’il fuq minn dan il-limitu fuq il-bażi tal-Artikoli 33 u 58 tar-Regolament Nru 1122/2009, l-argumentazzjoni tagħha lanqas ma tista’ tintlaqa’. Fil-fatt, minn naħa, huwa ċertament il-każ li, skont dawn il-linji gwida, meta l-perċentwali ta’ żball ikkonstatat matul il-kontroll ta’ kampjun tkun ikbar minn 3 %, il-porzjonijiet kollha tal-grupp ta’ kultivazzjoni kkonċernat għandhom jiġu inklużi fil-kampjun. Madankollu, jirriżulta wkoll minn dawn il-linji gwida li l-konstatazzjoni ta’ irregolarità taħt il-limitu ta’ 3 % tikkostitwixxi riskju għall-fondi agrikoli u tista’ tiġġustifika kontroll sħiħ. Min-naħa l-oħra, sa fejn jirriżulta mill-posta elettronika taċ-Ċentru Komuni ta’ Riċerka tal-10 ta’ Ottubru 2011 li l-limitu ta’ 3 % ġie stabbilit minħabba l-fatt li anomalija fis-sens tal-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1122/2009 tkun teżisti biss jekk din tkun tista’ twassal għal tnaqqis fil-ħlas, li jkun l-każ jekk id-differenza kkonstatat taqbeż it-3 %, konformement mal-Artikolu 58 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi rrilevat li tali interpretazzjoni tal-Artikoli 33 u 58 tar-Regolament Nru 1122/2009 għandha tiġi miċħuda għar-raġunijiet esposti fil-punt 39 iktar ’il fuq.
41
It-tieni nett, fir-rigward tal-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li huwa possibbli li jiġi ggarantit riżultat ta’ kontroll affidabbli u rappreżentattiv permezz tal-estrapolazzjoni tar-riżultati tal-kontroll, partikolarment meta l-kampjun ma jiġix estiż sa livell li jiggarantixxi li d-dikjarazzjonijiet żejda ma jissussistux, huwa veru li tali estrapolazzjoni ma hijiex prevista la mill-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 796/2004 u lanqas mill-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1122/2009. Hija biss il-premessa 44 tar-Regolament Nru 1122/2009 li tipprevedi li għandha ssir estrapolazzjoni tar-riżultati tal-kampjun għall-kumplament tal-popolazzjoni. Din il-premessa tapplika biss għall-kontrolli fuq il-post marbuta mas-snin tat-talba 2010 u 2011 u mhux mas-sena tat-talba 2009 (ara l-punt 26 iktar ’il fuq). Huwa veru wkoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, jekk il-preambolu ta’ att tal-Unjoni jista’ jispeċifika l-kontenut tiegħu, dan ma jistax jiġi invokat sabiex issir deroga mid-dispożizzjonijiet stess tal-att ikkonċernat (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C-344/04, Ġabra, EU:C:2006:10, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).
42
Madankollu, mill-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 796/2004 u mill-Artikolu 26(1) tar-Regolament Nru 1122/2009 jirriżulta li l-kontrolli fuq il-post għandhom isiru b’mod tali li tiġi żgurata l-verifika effettiva tal-konformità mal-kundizzjonijiet tal-għoti tal-għajnuna u mar-rekwiżiti u l-istandards rilevanti għall-kundizzjonalità. Barra minn hekk, kif il-Kummissjoni tafferma, skont l-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 796/2004 u l-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1122/2009, il-possibbiltà li d-determinazzjoni reali tal-porzjonijiet tiġi llimitata għal kampjun ta’ 50 % tal-porzjonijiet hija deroga mill-prinċipju tal-kontroll tal-porzjonijiet agrikoli kollha. Din il-possibbiltà ġiet prevista bl-għan ta’ simplifikazzjoni, kif jirriżulta mill-premessa 44 tar-Regolament Nru 1122/2009. Fid-dawl tal-premess, il-Kummissjoni kienet korretta meta kkunsidrat li riżultat affidabbli u rappreżentattiv tal-kontrolli fuq il-post seta’ jintlaħaq bl-estrapolazzjoni tar-riżultati tal-kampjun għall-kumplament tal-popolazzjoni. Fil-fatt, billi ssir tali estrapolazzjoni, huwa possibbli li jinkiseb riżultat affidabbli u rappreżentattiv tal-kontrolli fuq il-post fir-rigward tal-porzjonijiet inkwistjoni kollha u mhux biss fir-rigward tal-porzjonijiet fil-fatt ikkontrollati. Għandu jiġi rrilevat li l-estrapolazzjoni tikkostitwixxi l-korollarju tal-possibbiltà li jiġu ssimplifikati l-kontrolli fuq il-post billi dawn jiġu llimitati għal kampjun ta’ 50 % tal-porzjonijiet agrikoli.
43
Fir-rigward, f’dan il-kuntest, tal-argumentazzjoni tar-Repubblika tas-Slovenja li l-estrapolazzjoni ta’ żball ikkonstatat jikser il-prinċipju ta’ kontradittorju u d-dritt għal smigħ tal-bidwi kkonċernat u li l-estrapolazzjoni fl-osservanza tad-drittijiet fundamentali tinkludi l-kejl obbligatorju tas-superfiċji kollha, li jmur kontra l-għan ta’ simplifikazzjoni previst fil-premessa 44 tar-Regolament Nru 1122/2009 kif ukoll l-għan ta’ tnaqqis ta’ tariffi u spejjeż amministrattivi inutli, għandu jitfakkar li l-għan essenzjali tad-deċiżjoni ta’ clearance tal-kontijiet huwa li jiġi żgurat li l-infiq tal-awtoritajiet nazzjonali jkun sar skont ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat-22 ta’ April 1999, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni,C‑28/94, Ġabra, EU:C:1999:191, punt 49). Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, id-deċiżjoni finali u definittiva dwar il-clearance tal-kontijiet tittieħed fi tmiem il-proċedura kontradittorja speċifika li fiha l-Istati Membri kkonċernati għandhom il-garanziji kollha rikjesti sabiex jippreżentaw il-perspettiva tagħhom (ara s-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni,C‑245/97, Ġabra, EU:C:2000:687, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-proċedura ta’ clearance tal-kontijiet hija għalhekk proċedura miftuħa kontra l-Istat Membru u mhux kontra l-bidwi kkonċernat, li ma għandux dritt għal smigħ f’din il-proċedura. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, bl-estrapolazzjoni tar-riżultati tal-kampjun għall-kumplament tal-popolazzjoni, ebda porzjon agrikolu partikolari ma huwa identifikat bħala ineliġibbli. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li tali estrapolazzjoni tnaqqas it-tariffi u l-ispejjeż amministrattivi sa fejn riżultat affidabbli tal-kontrolli fuq il-post jista’ jiġi żgurat filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan ta’ simplifikazzjoni ta’ dawn il-kontrolli.
44
It-tielet nett, fir-rigward tal-argumentazzjoni tar-Repubblika tas-Slovenja li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li l-porzjonijiet magħżula matul il-kontroll intgħażlu b’mod każwali, għandu jiġi osservat li huwa veru li, skont il-punt 12.9.1 tar-rapport ta’ sinteżi, il-Kummissjoni kkonstatat li l-porzjonijiet agrikoli inkwistjoni ntgħażlu b’mod każwali. Madankollu, kif ir-Repubblika tas-Slovenja tammetti, ma jirriżultax minn dan il-punt li l-konstatazzjoni ta’ nuqqas dwar il-kontrolli fuq il-post kienet ibbażata fuq allegata assenza ta’ rappreżentattività tal-għażla tal-porzjonijiet agrikoli. Din l-argumentazzjoni tar-Repubblika tas-Slovenja hija għalhekk ineffettiva.
45
Fit-tielet lok, ir-Repubblika tas-Slovenja ssostni li, peress li l-awtoritajiet Sloveni aġixxew konformement mal-linji gwida taċ-Ċentru Komuni ta’ Riċerka tal-Kummissjoni, din tal-aħħar kellha tirrinunzja kompletament għall-korrezzjoni finanzjarja skont id-Dokument VI/5330/97.
46
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, skont id-Dokument VI/5330/97, meta n-nuqqasijiet joriġinaw minn diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tat-testi tal-Unjoni, ħlief fil-każijiet fejn huwa raġonevolment mistenni li l-Istat Membru jressaq tali diffikultajiet mal-Kummissjoni, u meta l-awtoritajiet nazzjonali jkunu għamlu dak li huwa neċessarju sabiex jirrimedjaw għan-nuqqasijiet malli dawn instabu, dawn il-fatturi ta’ deliberazzjoni jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni u jwasslu għall-applikazzjoni ta’ rata ta’ korrezzjoni iktar baxxa jew għall-assenza ta’ korrezzjoni.
47
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk, skont il-linji gwida inkwistjoni, l-awtoritajiet Sloveni ma kinux meħtieġa jestendu l-kampjun ta’ kontroll minħabba l-fatt li l-irregolaritajiet ikkonstatati minn dawn l-awtoritajiet ma kinux jaqbżu l-limitu ta’ 3 %, jibqa’ l-fatt li, anki skont dawn il-linji gwida, kien hemm lok li jiġu estrapolati r-riżultati tal-kampjun għall-kumplament tal-popolazzjoni. Għalhekk, ma jidhirx li l-Kummissjoni żbaljat meta applikat il-korrezzjoni finanzjarja inkwistjoni.
48
Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.
49
Fid-dawl ta’ dan kollu premess, ir-rikors għandu jiġi milqugħ parzjalment sa fejn il-Kummissjoni applikat korrezzjoni finanzjarja minħabba nuqqasijiet fil-verifika tal-porzjonijiet żgħar fir-rigward tal-osservanza tad-definizzjoni tal-porzjonijiet agrikoli. Id-deċiżjoni kkontestata għandha għalhekk tiġi annullata sa fejn din teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni, fir-rigward tar-Repubblika tas-Slovenja, ammont ta’ EUR 85 780.08 għas-sena finanzjarja 2010, ta’ EUR 115 956.46 għas-sena finanzjarja 2011, u ta’ EUR 131 269.23 għas-sena finanzjarja 2012. Il-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud.
Fuq l-ispejjeż
50
Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.
51
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li hemm lok li t-talbiet tar-Repubblika tas-Slovenja dwar il-korrezzjoni finanzjarja fl-ammont ta’ EUR 333 005.77 jintlaqgħu. Min-naħa l-oħra, ir-rikors għandu jiġi miċħud sa fejn dan jikkonċerna l-korrezzjoni finanzjarja rimanenti ta’ EUR 14 655.33. Għaldaqstant, tkun saret evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-kawża jekk jiġi deċiż li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll disa’ parti minn għaxra ta’ dawk sostnuti mir-Repubblika tas-Slovenja. Din tal-aħħar għandha tbati parti minn għaxra tal-ispejjeż tagħha.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),
taqta’ u tiddeċiedi:
1)
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/458/UE, tad-9 ta’ Lulju 2014, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri skont it-Taqsima ta’ Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), hija annullata sa fejn teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni, fir-rigward tar-Repubblika tas-Slovenja, ammont ta’ EUR 85 780.08 għas-sena finanzjarja 2010, ta’ EUR 115 956.46 għas-sena finanzjarja 2011 u ta’ EUR 131 269.23 għas-sena finanzjarja 2012.
2)
Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.
3)
Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll disa’ partijiet minn għaxra ta’ dawk sostnuti mir-Repubblika tas-Slovenja.
4)
Ir-Repubblika tas-Slovenja għandha tbati parti minn għaxra tal-ispejjeż tagħha.
Dittrich
Schwarcz
Tomljenović
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ Jannar 2016.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-proċedura: is-Sloven.
Full & Egal Universal Law Academy