SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)
19 ta’ Lulju 2016 ( *1 )
“Trade mark tal-Unjoni Ewropea — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea CALCILITE — Trade mark verbali preċedenti tal-Unjoni Ewropea Calcilit — Raġuni relattiva għal rifjut — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Xebh tal-prodotti — Artikolu 8(1)(b) u Artikolu 53(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Pubbliku rilevanti — Pubbliku komuni għall-prodotti inkwistjoni”
Fil-Kawża T‑742/14,
Alpha Calcit Füllstoffgesellschaft mbh, stabbilita f’Köln (il-Ġermanja), irrappreżentata minn F. Hauck, avukat,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn S. Palmero Cabezas, bħala aġent,
konvenut,
il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, kienet
Materis Paints Italia SpA, stabbilita f’Novate Milanese (l-Italja), irrappreżentata minn P. L. Roncaglia, F. Rossi u N. Parrotta, avukati,
li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO tal-4 ta’ Settembru 2014 (Każ R 753/2013-4), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Alpha Calcit Füllstoffgesellschaft u Materis Paints Italia,
IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),
komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, F. Dehousse (Relatur) u A. M. Collins, Imħallfin,
Reġistratur: E. Coulon,
wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Novembru 2014,
wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Frar 2015,
wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Marzu 2015,
wara li rat in-nuqqas ta’ talba għall-iffissar ta’ seduta ppreżentata mill-partijiet fit-terminu ta’ xahar min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub u peress li b’hekk iddeċidiet, fuq rapport tal-Imħallef Relatur u b’applikazzjoni tal-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, li tiddeċiedi mingħajr fażi orali tal-proċedura,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1
Fil-15 ta’ Mejju 2006, l-intervenjenti, Materis Paints Italia SpA (dak iż-żmien Materis Coatings Italia SpA), ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1).
2
It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni huwa s-sinjal figurattiv li ġej:
3
Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 2 u 19 tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrevedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:
—
klassi 2: “Żebgħa, verniċ, żmalt; Preservanti kontra s-sadid u kontra d-deterjorazzjoni tal-injam; Koloranti; Murdenti; Raża naturali mhux ipproċessata; Metalli forma ta’ folji rqaq u trab għall-użu fit-tibjid, dekorazzjoni, stampar u arti”;
—
klassi 19: “Materjali tal-bini (mhux tal-metall); Pajpijiet riġidi għall-bini mhux tal-metall; Asfalt, żift u bitum; Bini trasportabbli mhux tal-metall; Monumenti, mhux tal-metall”.
4
L-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 28/2008, tal-14 ta’ Lulju 2008.
5
Wara l-eżami tal-applikazzjoni għat-trade mark u, b’mod partikolari, l-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha mir-rikorrenti, Alpha Calcit Füllstoffgesellschaft mbH, skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009, is-sinjal inkwistjoni ġie rreġistrat bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea fid-9 ta’ Frar 2012 taħt in-numru 5074745, għall-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 2 u 19 u li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:
—
klassi 2: “Żebgħa, verniċ, żmalt; Preservanti kontra s-sadid u kontra d-deterjorazzjoni tal-injam; Koloranti; Murdenti; Raża naturali mhux ipproċessata; Metalli forma ta’ folji rqaq u trab għall-użu fit-tibjid, dekorazzjoni, stampar u arti”;
—
klassi 19: “Xogħlijiet ta’ kisi”.
6
Fit-13 ta’ Frar 2012, ir-rikorrenti ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kontra t-trade mark tal-Unjoni Ewropea rreġistrata taħt in-numru 5074745, abbażi tal-Artikolu 53(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 kif ukoll tal-Artikolu 8(1)(a) u (b) u tal-Artikolu 8(5) tal-istess regolament.
7
It-trade mark invokata insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet it-trade mark verbali preċedenti tal-Unjoni Ewropea Calcilit, irreġistrata fid-29 ta’ Novembru 2000 taħt in-numru 1234822, li tkopri l-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 1 u 19 u li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:
—
klassi 1: “Karbonat tal-kalċju kristallizzat li jservi bħala materjal li jimla” (iktar ’il quddiem is-“CCCMC”);
—
klassi 19: “Irħam fil-forma ta’ granulat, frak żgħir u trab”.
8
Bħala risposta għall-komunikazzjoni tal-EUIPO tal-20 ta’ Frar 2012, ir-rikorrenti, permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Marzu 2012, indikat li ma tinvokax l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħha.
9
It-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet diretta kontra l-prodotti kollha msemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq.
10
Fis-7 ta’ Marzu 2013, id-Diviżjoni ta’ Kanċellazzjoni, għal dak li jirrigwarda l-prodott kopert mit-trade mark preċedenti u li jaqa’ fil-klassi 19, ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità skont l-Artikolu 57(2) tar-Regolament Nru 207/2009. Għal dak li jirrigwarda l-prodott kopert mit-trade mark preċedenti u li jaqa’ fil-klassi 1, hija wkoll ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, minħabba f’nuqqas ta’ identità, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, kif ukoll ta’ xebh, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tal-istess regolament, ta’ dan il-prodott meta mqabbel mal-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni.
11
Fit-23 ta’ April 2013, ir-rikorrenti, mingħajr ma baqgħet issostni l-identità tal-prodotti kunfliġġenti, ippreżentat rikors quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ Kanċellazzjoni.
12
Permezz tas-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014 (iktar ’il quddiem is-“sentenza kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell.
13
Il-Bord tal-Appell qies li l-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark verbali preċedenti Calcilit kienet ingħatat għal dak li jirrigwarda CCCMC, li taqa’ fil-klassi 1, iżda mhux għal dak li jirrigwarda l-prodott “irħam fil-forma ta’ granulat, frak żgħir u trab”, li jaqa’ fil-klassi 19.
14
Fir-rigward tal-paragun bejn s-CCCMC u l-prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata, il-Bord tal-Appell qies li dawn il-prodotti ma kinux jixxiebhu.
It-talbiet tal-partijiet
15
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza kkontestata sa fejn tirrigwarda l-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 2 u 19 u li jikkorrispondu rispettivament għad-deskrizzjonijiet segwenti:
—
—
klassi 2: “Żebgħa, verniċ, żmalt; Preservanti kontra s-sadid u kontra d-deterjorazzjoni tal-injam; Koloranti; Murdenti; Raża naturali mhux ipproċessata;”
—
klassi 19: “Xogħlijiet ta’ kisi”;
—
tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.
16
L-EUIPO u l-intervenjenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiċħad ir-rikors;
—
tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
Id-dritt
17
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 53(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 8(1)(b) tal-istess regolament.
18
Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell qies bi żball li ma kienx hemm xebh bejn CCCMC u l-prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata, li jaqgħu fil-klassijiet 2 u 19 u li jikkorrispondu rispettivament għad-deskrizzjonijiet segwenti: “Żebgħa, verniċ, żmalt; Preservanti kontra s-sadid u kontra d-deterjorazzjoni tal-injam; Koloranti; Murdenti; Raża naturali mhux ipproċessata” u “Xogħlijiet ta’ kisi”.
19
Is-CCCMC kien abitwalment jiġi użat bħala materjal li jimla għall-manifatturazzjoni ta’ prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata, fejn għal uħud minnhom huwa wieħed mill-komponenti essenzjali. Huwa frekwenti li waħda jew iktar impriżi marbuta ekonomikament iwettqu integrazzjoni vertikali u jbigħu fl-istess ħin il-komponenti ta’ prodott u l-prodott lest stess. Dan jista’ jseħħ f’dan il-każ u l-klijenti tar-rikorrenti, il-produtturi taż-żebgħa u x-xerrejja tagħha tas-CCCMC taħt it-trade mark preċedenti Calcilit magħrufa sew minnhom, ikunu ċertament irritati li jikkostataw id-dehra ta’ trade mark ta’ żebgħa Calcilit fis-suq. Id-dikjarazzjoni tal-Bord tal-Appell skont liema ma jistax ikun hemm xebh bejn il-prodotti lesti u l-prodotti mhux lesti għalhekk ma għandhiex lok.
20
Il-Bord tal-Appell barra minn hekk ma ħax inkunsiderazzjoni li probabbiltà ta’ konfużjoni tista’ sseħħ ukoll fir-rigward tal-operaturi industrijali, xerrejja kemm tas-CCCMC kif ukoll taż-żebgħa u ta’ sustanzi ta’ kisi oħra għall-produzzjoni tal-prodotti tagħhom.
21
Ir-rikorrenti tikkontesta l-kostatazzjoni tas-sentenza kkontestata skont liema s-CCCMC huwa materja prima. Dan huwa prodott nofsu lest, adattat għall-ħtiġijiet tal-produzzjoni tad-diversi xerrejja. B’dan il-mod, ir-rabta bejn is-CCCMC u l-prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata tkun iktar stretta milli dik bejn dawn tal-aħħar u materja prima reali, bħall-irħam.
22
Barra minn hekk, ma huwiex minnu li l-prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata huma prodotti lesti. Huma prodotti intermedji f’numru ta’ applikazzjonijiet industrijali. Barra minn hekk, l-argument tal-Bord tal-Appell skont liema l-prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata huma indirizzati lill-pubbliku tal-konsumaturi finali filwaqt li l-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti huma indirizzati lill-professjonisti tal-industrija huwa infondat. Ir-rikorrenti ssostni li huwa possibbli li jeżistu rabtiet, b’mod partikolari fil-livell tax-xerrejja tal-prodotti koperti miż-żewġ trade marks ikkontestati.
23
Fir-rigward tal-paragun bejn is-CCCMC u r-raża naturali mhux ipproċessata, ir-rikorrenti ssostni li l-prodotti jixxiebhu, sa fejn huma komplementari u jikkondividu l-istess oġġett, peress li ż-żewġ prodotti huma użati fil-produzzjoni ta’ adeżivi, u li, konsegwentement, jindirizzaw lill-istess pubbliku.
24
Fir-rigward tas-CCCMC u tax-xogħlijiet ta’ kisi, ir-rikorrenti ssostni li jeżisti xebh b’saħħtu bejniethom, peress li l-ewwel wieħed huwa ħafna mid-drabi komponent essenzjali tat-tieni, u li dan huwa minnu minkejja l-fatt li dawn il-prodotti jaqgħu taħt klassijiet differenti.
25
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li, minħabba fil-karattru distint medju tat-trade mark preċedenti Calcilit, fix-xebh innotat bejn is-sinjali kunfliġġenti u fix-xebh ċar bejn il-prodotti, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti. Hija ssostni li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 huma ssodisfatti u li, konsegwentement, is-sentenza kkontestata għandha tiġi annullata.
26
L-EUIPO kkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
27
B’mod partikolari, fir-rigward tal-paragun bejn is-CCCMC u l-prodotti “żebgħa, verniċ, żmalt; preservanti kontra s-sadid u kontra d-deterjorazzjoni tal-injam; koloranti; murdenti”, l-EUIPO jsostni li, minkejja l-fatt li tal-ewwel jista’ jkun komponent tat-tieni, peress li wieħed huwa materja prima u l-oħrajn huma prodotti lesti, ir-rabta bejniethom ma hijiex biżżejjed stretta sabiex jistgħu jitqiesu li jixxiebhu. L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti skont liema, minn naħa, is-CCCMC ma huwiex materja prima u, min-naħa l-oħra, il-prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata ma humiex dejjm mibjugħa bħala prodotti lesti. Huwa jsostni li, minħabba fin-natura differenti tagħhom, il-prodotti inkwistjoni ma jistgħux jitqiesu la bħala interkambjabbli, u lanqas bħala kompetituri. Huwa jżid li huma differenti anki fir-rigward tal-użu intiż tagħhom, sa fejn wieħed huwa normalment użat fil-produzzjoni ta’ prodotti oħra, filwaqt li l-oħrajn huma normalment mixtrija mill-konsumaturi finali sabiex jiġu użati għad-dekorazzjoni. L-EUIPO jsostni li, skont il-ġurisprudenza, il-materja prima suġġetti għal proċess ta’ trasformazzjoni huma essenzjalment differenti mill-prodotti lesti li jinkorporaw jew li huma miksija b’dawn il-materja prima, kemm min-natura tagħhom kif ukoll mill-użu intiż tagħhom, u li, meta prodotti jippreżentaw din it-tip ta’ relazzjoni, ma jistgħux jitqiesu bħala komplementari. Huwa jżid li r-rikorrenti ma setgħetx iġġib prova dwar l-eżistenza ta’ kumpanniji li jipproduċu materja prima bħall-prodott kopert mit-trade mark preċedenti u li jbigħu prodotti lesti bħal dawk koperti mit-trade mark ikkontestata. L-EUIPO tikkontesta l-argument tar-rikorrenti skont liema teżisti sovrapożizzjoni tax-xerrejja tas-CCCMC u tax-xerrejja tal-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni u jsostni li, fi kwalunkwe każ, ix-xerrejja potenzjali industrijali jintebħu bid-differenzi bejn il-prodotti inkwistjoni.
28
Fir-rigward sussegwentement tal-paragun bejn is-CCCMC u r-raża naturali mhux ipproċessata, l-EUIPO jsostni li, minkejja l-fatt li dawn il-prodotti jistgħu t-tnejn li huma jiġu użati bħala prodotti intermedji fil-produzzjoni ta’ adeżivi, huma għandhom għanijiet diversi, peress li l-ewwel jservi bħala materjal li jimla u t-tieni bħala sustanza li tgħaqqad. Barra minn hekk, dawn il-prodotti la huma komplimentari u lanqas kompetituri.
29
Fir-rigward fl-aħħar nett tal-paragun bejn is-CCCMC u x-xogħlijiet ta’ kisi, l-EUIPO jsostni li, minkejja l-fatt li l-ewwel jista’ jissemma’ fost l-ingredjenti tat-tieni, dawn il-prodotti għandhom natura, funzjoni u metodu ta’ użu differenti. Huwa jżid li l-argumenti esposti fil-kuntest tal-paragun bejn is-CCCMC u l-prodotti “żebgħa, verniċ, żmalt; preservanti kontra s-sadid u kontra d-deterjorazzjoni tal-injam; koloranti; murdenti” japplikaw ukoll f’dan ir-rigward.
30
L-EUIPO jikkonkludi li, minħabba fin-nuqqas ta’ xebh bejn il-prodotti inkwistjoni, waħda mill-kundizzjonijiet tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni ma hijiex issodisfatta u li, għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ġustament iddeċieda li jiċħad l-appell.
31
L-intervenjenti tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
32
B’mod partikolari, hija ssostni li l-Bord tal-Appell ġustament qies li l-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti ma kinux jixxiebhu. Hija tosserva li r-rikorrenti kienet qieset fil-proċedura amministrattiva li s-CCCMC kienet materja prima. Hija ssostni li effettivament dan huwa l-każ u minn dan il-fatt tasal għall-konklużjoni li s-CCCMC ma jixbahx lill-prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata, peress li dawn tal-aħħar huma intiżi għall-konsumaturi finali. Hija tirreferi għall-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni Ewropea skont liema l-fatt li prodott jiġi użat għall-produzzjoni ta’ ieħor ma huwiex biżżejjed sabiex jitqiesu bħala prodotti li jixxiebhu. Hija ssostni li l-prodotti inkwistjoni huma differenti għal dak li jirrigwarda l-pubbliku rilevanti u n-netwerks ta’ distribuzzjoni. Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jirrigwarda l-possibbiltà ta’ integrazzjoni vertikali bejn l-impriżi li jbigħu t-tipi differenti ta’ prodotti inkwistjoni, l-intervenjenti ssostni li dan ma huwiex ipprovat. Hija tirreferi għall-argumenti użati mill-Bord tal-Appell sabiex jiġi deċiż li l-prodotti inkwistjoni ma jixxibhux. Hija ssostni li l-Bord tal-Appell ġustament eskluda l-possibbiltà ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn il-prodotti inkwistjoni, minħabba differenzi fir-rigward tal-użu intiż tagħhom, tan-netwerks ta’ distribuzzjoni, tal-utenti u tal-metodi ta’ użu.
Kunsiderazzjonijiet preliminari
Fuq il-prodotti inkwistjoni
33
Preliminarjament, hemm lok jiġi osservat li r-rikorrenti ma tikkontestax il-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar l-insuffiċjenza tal-prova ta’ użu tat-trade mark preċedenti għall-prodott “irħam fil-forma ta’ granulat, frak żgħir u trab”, inkluż fil-klassi 19. Ir-rikorrenti ma tikkontestax lanqas il-kostatazzjoni, imsemmija fil-punt 31 tas-sentenza kkontestata, skont liema l-uniċi prodotti li jaqgħu fil-klassi 2 u koperti permezz tat-trade mark ikkontestata li għandhom jiġu pparagunati mal-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti kienu dawk li kienu s-suġġett ta’ reġistrazzjoni, u mhux dawk l-elementi kollha tal-lista alfabetika li tirrigwarda din il-klassi.
34
Barra minn hekk, ir-rikorrenti tispeċifika, fil-konklużjonijiet tagħha, li hija titlob l-annullament tal-parti tas-sentenza kkontestata fejn il-Bord tal-Appell iddeċieda li kien hemm nuqqas ta’ xebh bejn il-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti u l-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni u li jaqgħu rispettivament fil-klassijiet 2 u 19, fejn id-deskrizzjoni hija dik segwenti:
—
klassi 2: “Żebgħa, verniċ, żmalt; preservanti kontra s-sadid u kontra d-deterjorazzjoni tal-injam; koloranti; murdenti; raża naturali mhux ipproċessata”;
—
klassi 19: “Xogħlijiet ta’ kisi”.
35
Ir-rikorrenti ma tikkontestax għalhekk il-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar il-“metalli forma ta’ folji rqaq u trab għall-użu fit-tibjid, dekorazzjoni, stampar u arti”, koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni.
36
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-prodotti li jibqgħu kkontestati fl-istadju tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali huma, fir-rigward tat-trade mark ikkontestata, il-prodotti msemmija fil-punt 34 iktar ’il fuq u, fir-rigward tat-trade mark preċedenti, is-CCCMC.
Fuq ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti
37
Fir-rikors, ir-rikorrenti ssostni li t-trade mark preċedenti Calcilit kienet magħrufa ħafna fost ix-xerrejja tas-CCCMC li huma l-produtturi taż-żebgħa, ta’ prodotti tal-kisi u ta’ xogħlijiet ta’ kisi oħrajn, u hija għamlet, f’dan il-kuntest, analoġija mat-trade mark Caparol allegatament magħrufa għaż-żebgħa, għall-iżmalt u għal xogħlijiet ta’ kisi ieħor.
38
Dawn il-kunsiderazzjonijiet, li jaslu li jissuġġerixxu quddiem il-Qorti Ġenerali li t-trade mark preċedenti hija trade mark li għandha reputazzjoni, għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, abbażi tal-Artikolu 188 tar-Regoli tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali, skont liema n-noti ppreżentati mill-partijiet fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali ma jistgħux jibdlu s-suġġett tat-tilwima quddiem il-Bord tal-Appell.
39
Fil-fatt, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti, wara li għamlet riferiment għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti tagħha fil-motivi tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, permezz tal-ittra tat-28 ta’ Marzu 2012, espressament indikat li ma hijiex qiegħda tinvoka l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 insostenn ta’ din it-talba.
Fuq il-probabbiltà ta ’ konfużjoni
40
Skont l-Artikolu 53(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 8(1)(b) tal-istess regolament, it-trade mark tal-Unjoni Ewropea hija ddikjarata nulla, fuq talba tal-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, meta, minħabba fl-identiċità jew fix-xebh tagħha ma’ trade mark preċedenti u minħabba fl-identiċità jew fix-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta.
41
Skont ġurisprudenza stabbilita, probabbiltà ta’ konfużjoni tikkostitwixxi l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni joriġinaw mill-istess impriża jew minn impriżi marbuta ekonomikament. Skont l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ, b’mod partikolari l-interdipendenza tax-xebh tas-sinjali u ta’ dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti [ara s-sentenzi tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, EU:C:1998:442, punti 16, 17 u 29 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs EUIPO – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, EU:T:2003:199, punti 30 sa 33 u l-ġurisprudenza ċċitata].
42
Fil-fatt, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni timplika ċerta interdipendenza tal-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni, u, b’mod partikolari, tax-xebh tat-trade marks u ta’ dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti. Għalhekk, grad dgħajjef ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti jista’ jiġi kkumpensat minn grad għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u bil-kontra [sentenzi tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, EU:C:1998:442, punt 17, u tal-14 ta’ Diċembru 2006, Mast-Jägermeister vs EUIPO – Licorera Zacapaneca (VENADO bil-qafas et), T‑81/03, T‑82/03 u T‑103/03, EU:T:2006:397, punt 74].
Fuq il-pubbliku rilevanti
43
Skont il-ġurisprudenza, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-konsumatur medju tal-kategorija ta’ prodotti kkonċernati, ġeneralment informat u raġonevolment attent u avżat. Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skont il-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi inkwistjoni [ara s-sentenza tat-13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs EUIPO – Altana Pharma (RESPICUR), T‑256/04, EU:T:2007:46, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata].
44
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li huwa biss il-pubbliku komuni għall-prodotti inkwistjoni li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-paragun tal-imsemmija prodotti. Fil-fatt, il-pubbliku rilevanti huwa magħmul, skont il-ġurisprudenza, mill-konsumaturi li jistgħu jagħmlu użu kemm mill-prodotti tat-trade mark preċedenti kif ukoll minn dawk tat-trade mark ikkontestata [sentenzi tal-24 ta’ Mejju 2011, ancotel vs EUIPO – Acotel (ancotel.), T‑408/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:241, punt 38; tal-4 ta’ Frar 2013, Hartmann vs EUIPO – Protecsom (DIGNITUDE), T‑504/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:57, punt 30; tat-2 ta’ Ottubru 2013, Cartoon Network vs EUIPO – Boomerang TV (BOOMERANG), T‑285/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:520, punt 19; tas-26 ta’ Ġunju 2014, Basic vs EUIPO – Repsol YPF (basic), T‑372/11, EU:T:2014:585, punt 27, u tat-22 ta’ Jannar 2015, Novomatic vs EUIPO – Simba Toys (AFRICAN SIMBA), T‑172/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:40, punt 67].
45
Fil-każ ineżami, ma huwiex ikkontestat li l-pubbliku professjonali, u b’mod iktar partikolari l-pubbliku professjonali fis-settur tal-industrija, jifforma l-uniku pubbliku li jista’ jagħmel użu mill-prodott kopert mit-trade mark preċedenti, jiġifieri, is-CCCMC. Kif jirriżulta kemm mid-deskrizzjoni ta’ dan il-prodott kif ukoll mill-argumenti tal-partijiet, is-CCCMC huwa prodott użat, bħala materjal li jimla, fil-produzzjoni ta’ numru ta’ prodotti, partikolarment il-prodotti magħmulin mill-plastik, il-karti, il-kisi tal-art, it-tibjid, ix-xogħlijiet ta’ kisi. Huwa kkostatat, u barra minn hekk osservat essenzjalment fis-sentenza kkontestata, li s-CCCMC ma huwiex intiż għall-persuni partikolari u lanqas għall-professjonisti mhux industrijali.
46
Minn dan isegwi li l-pubbliku rilevanti għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni ma jistax jiġi estiż, fi kwalunkwe każ, lil hinn mill-pubbliku professjonali fis-settur industrijali.
47
Filwaqt li saret din l-ewwel kostatazzjoni, għadu neċessarju, sabiex tiġi kkaratterizzata l-eżistenza ta’ pubbliku rilevanti, jiġi vverifikat jekk u f’liema miżura dan il-pubbliku professjonali fis-settur industrijali huwa wkoll utenti tal-prodotti tat-trade mark ikkontestata.
48
Issa, kif dan huwa kkostatat iktar ’il quddiem, il-Bord tal-Appell, li ma ddedikax kunsiderazzjonijiet speċifiċi għall-istabbiliment tal-pubbliku rilevanti, ma evalwax din il-kwistjoni b’mod suffiċjenti fl-istadju ta’ tqabbil tal-prodotti li jirrigwardaw, minn tal-inqas, parti mill-prodotti inkwistjoni.
49
Huwa fil-kuntest tal-paragun tal-prodotti, li sar direttament mill-Bord tal-Appell, li huwa xieraq li jsir l-eżami tar-rikors.
Fuq il-paragun tal-prodotti
– Fir-rigward taż-“żebgħa, verniċ, żmalt; preservanti kontra s-sadid u kontra d-deterjorazzjoni tal-injam; koloranti; murdenti”
50
Fil-punti 33 sa 37 tas-sentenza kkontestata, il-Bord tal-Appell, wara li għamel ċerti kunsiderazzjonijiet dwar in-natura u l-użu intiż tal-prodotti pparagunati, iddikjara essenzjalment li s-CCCMC kienet differenti miż-“żebgħa, verniċ, żmalt; preservanti kontra s-sadid u kontra d-deterjorazzjoni tal-injam; koloranti; murdenti”, minħabba li s-CCCMC kien materja prima filwaqt li dawn il-prodotti kienu prodotti lesti, jew anki minħabba li s-CCCMC kienet intiża għall-industrija u għall-produzzjoni ta’ prodotti lesti, filwaqt li “ż-żebgħa, verniċ, żmalt; preservanti kontra s-sadid u kontra d-deterjorazzjoni tal-injam; koloranti; murdenti” kienu essenzjalment mixtrija mill-konsumaturi finali, professjonisti jew persuni parti mill-pubbliku inġenerali, għall-finijiet ta’ dekorazzjoni u ta’ protezzjoni.
51
Fir-rigward ta’ dawn l-evalwazzjonijiet, għandu madankollu jiġi osservat, minn naħa, li l-klassifikazzjoni ta’ prodott bħala prodott lest ma teskludix l-użu tiegħu fl-industrija, bħala ingredjent, materja prima jew komponent li jagħmel parti mill-produzzjoni ta’ prodott ieħor. Fil-fatt, il-kunċett ta’ prodotti lest ikopri prodott lest li jinbiegħ. Huwa għalhekk jista’ japplika għall-prodotti mibjugħa lill-industrija. Barra minn hekk, anki jekk dan il-kunċett jiġi użat f’sens iktar ristrett, sabiex jiddistingwi l-prodotti mmanifatturati mill-materja prima mhux ittrasformati, huwa ma jippermettix li l-pożizzjoni tal-Bord tal-Appell tiġi ġġustifikata. Fil-fatt, għandu jiġi kkostatat li prodott immanifatturat jista’ jikkostitwixxi l-ingredjent, il-materja prima jew il-komponent ta’ prodott ieħor immanifatturat.
52
Sussegwentement, il-klassifikazzjoni mill-Bord tal-Appell taż-“żebgħa, verniċ, żmalt; preservanti kontra s-sadid u kontra d-deterjorazzjoni tal-injam; koloranti; murdenti” bħala li huma prodotti lesti ma tippermettix bl-ebda mod li jiġi eskluż li dawn il-prodotti jistgħu jidħlu fi proċess industrijali ta’ produzzjoni ta’ prodotti oħra. Il-fatt li ż-żebgħa, verniċ jew żmalt jistgħu jinbiegħu lill-persuni partikolari jew lill-impriżi taż-żebgħa fis-settur tal-bini ma jeskludix li prodotti li jissodisfaw dawn id-denominazzjonijiet jistgħu jinbiegħu lill-industriji għall-produzzjoni ta’ prodotti oħra.
53
Min-naħa l-oħra, huwa b’mod mhux konvinċenti li l-Bord tal-Appell, f’termini perentorji u globali, jiddikjara sostanzjalment li ż-“żebgħa, verniċ, żmalt; preservanti kontra s-sadid u kontra d-deterjorazzjoni tal-injam; koloranti; murdenti” kienu mixtrija “essenzjalment” minn konsumaturi mhux industrijali għall-finijiet ta’ dekorazzjoni u ta’ protezzjoni.
54
Ċertament, huwa magħruf li x-xerrejja u l-utenti taż-“żebgħa, verniċ, żmalt; preservanti kontra s-sadid u kontra d-deterjorazzjoni tal-injam” fost dawn il-prodotti huma l-konsumaturi mhux industrijali, bħall-impriżi taż-żebgħa “second-hand” għall-bini jew persuni li jħobbu jagħmlu l-affarijiet huma (DIY).
55
Iżda dan il-fatt magħruf, rigward l-impriżi taż-żebgħa u l-pubbliku inġenerali, ma għandux x’jaqsam mas-settur industrijali u ma jipprovdi ebda informazzjoni dwar il-prodotti li dan is-settur jista’ juża. Għalhekk huwa ma jippermettix li jiġi dedott li l-persuni industrijali ma humiex ukoll konsumaturi ta’ dawn il-prodotti.
56
Issa, peress li l-pubbliku rilevanti għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ riskju ma setax, fi kwalunkwe każ, jiġi estiż lil hinn mill-professjonisti tal-industrija (ara l-punt 46 iktar ’il fuq), l-unika kwistjoni li kellu jiddeċiedi fuqha l-Bord tal-Appell kienet dik li jsir magħruf jekk il-professjonisti tal-industrija, utenti mhux ikkontestati tas-CCCMC, kinux wkoll jistgħu jagħmlu użu mill-prodotti intitolati “żebgħa, verniċ, żmalt; preservanti kontra s-sadid u kontra d-deterjorazzjoni tal-injam” għall-produzzjoni tal-prodotti tagħhom.
57
Dawn il-kunsiderazzjonijiet jgħoddu, a fortiori, fir-rigward tal-“koloranti” u tal-“murdenti”, sa fejn, dawn il-prodotti kienu a priori iktar tekniċi milli bosta żebgħa, verniċ u żmalt, lanqas ma huwa magħruf li kienu intiżi, kif qies sostanzjalment il-Bord tal-Appell, għal impriżi taż-żebgħa u għall-pubbliku inġenerali.
58
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fil-punti 34 sa 37 tas-sentenza kkontestata, il-Bord tal-Appell, mingħajr ma wettaq eżami konkret, iżda billi bbaża lilu nnifsu pjuttost fuq kunsiderazzjonijiet nieqsa mir-rilevanza u diskutibbli, iddeduċa, essenzjalment, li l-pubbliku industrijali li juża s-CCCMC ma kienx konsumatur tal-prodotti “żebgħa, verniċ, żmalt; preservanti kontra s-sadid u kontra d-deterjorazzjoni tal-injam; koloranti; murdenti”.
59
Ir-rikorrenti għaldaqstant tikkritika ġustament lill-Bord tal-Appell, sostanzjalment, li ma ħax inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li l-professjonisti tal-industrija li jużaw s-CCCMC jixtru wkoll żebgħa jew sustanzi ta’ kisi oħra sabiex jipproduċu l-prodotti finali tagħhom. Din il-kritika, li r-rikorrenti fformulat billi ħadet bħala eżempju, mingħajr ma ġiet kontradetta, lill-professjonisti tal-industrija tal-prodotti magħmula mill-plastik, tapplika ukoll, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-partijiet, fir-rigward tal-professjonisti tal-industrija tal-karti, tal-industrija taż-żebgħa u tal-industrija tax-xogħlijiet ta’ kisi.
60
Definittivament, il-Bord tal-Appell, fin-nuqqas ta’ identifikazzjoni korretta minn qabel tal-pubbliku rilevanti għall-finijiet tal-eżami tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-CCCMC u l-prodotti “żebgħa, verniċ, żmalt; preservanti kontra s-sadid u kontra d-deterjorazzjoni tal-injam; koloranti; murdenti” ddeċieda li kien hemm assenza ta’ xebh bejn dawn il-prodotti u s-CCCMC abbażi tal-kunsiderazzjonijiet nieqsa mir-rilevanza u diskutibbli.
61
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motiv uniku invokat mir-rikorrrenti fir-rigward taż-“żebgħa, verniċ, żmalt; preservanti kontra s-sadid u kontra d-deterjorazzjoni tal-injam; koloranti; murdenti” koperti mit-trade mark ikkontestata huwa xieraq li jintlaqa’, u li tiġi annullata s-sentenza kkontestata fir-rigward ta’ dawn il-prodotti.
– Fir-rigward tar-“raża naturali mhux ipproċessata”
62
Fil-punt 39 tas-sentenza appellata, il-Bord tal-Appell qies li r-raża naturali għandha natura, finalità u użu differenti minn dawk tas-CCCMC. Il-Bord tal-Appell osserva li din ir-raża hija sostanza li twaħħal u viskuża li taqbad prodotta minn ċerti siġar, ma tinħalx fl-ilma, li hija użata fil-produzzjoni tal-verniċ u tal-adeżivi. Huwa qies li, minkejja l-fatt li l-prodotti rispettivi inkwistjoni huma kollha kemm huma materja prima li jistgħu jiġu użati fil-kuntest tal-produzzjoni tal-verniċ jew tal-adeżivi, huma għandhom finalità differenti ħafna, jiġifieri jew li jagħtu karattru ta’ twaħħil jew ta’ adeżjoni, jew li jiġu miżjuda bħala materjal li jimla sabiex jgħaqqad il-prodotti, jiddiluwihom jew jibdel il-viskożità tagħhom.
63
Il-Bord tal-Appell osserva barra minn hekk li l-kumpanniji li joħorġu r-raża naturali mis-siġar u minn ħxejjex oħra huma ġeneralment differenti minn dawk li jiksbu s-CCCMC mill-ġebel. Barra minn hekk, dawn il-prodotti ma humiex komplimentari. Il-funzjonijiet tagħhom huma fil-fatt differenti u barra minn hekk ma humiex kompetituri. Konsegwentement, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li s-CCCMC u r-raża naturali mhux ipproċessata ma kinux jixbhu lil xulxin (punt 40 tas-sentenza appellata).
64
Ir-rikorrenti ssostni li jeżistu rabtiet tant stretti bejn is-CCCMC u r-raża naturali mhux ipproċessata li nistgħu faċilment niddikjaraw li jeżisti xebh bejn dawn il-prodotti. Fil-fatt, dawn iż-żewġ prodotti jiġu użati bħala prodotti intermedji fil-produzzjoni tal-adeżivi. Huma komplementari u għandhom l-istess għan, jiġifieri din il-produzzjoni tal-adeżivi. Konsegwentement, ix-xerrejja ta’ dawn il-prodotti jkunu l-istess.
65
Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li, b’differenza mill-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar il-prodotti “żebgħa, verniċ, żmalt; preservanti kontra s-sadid u kontra d-deterjorazzjoni tal-injam; koloranti; murdenti”, eżaminati iktar ’il fuq, l-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell rigward il-paragun bejn is-CCCMC u r-raża naturali mhux ipproċessata jinsabu korrettament fl-unika perspettiva tal-pubblika rilevanti, jiġifieri l-pubbliku professjonali tal-industrija. Fil-fatt, is-sentenza appellata isemmi biss l-użu ta’ dawn il-prodotti għall-produzzjoni tal-adeżivi, jiġifieri użu industrijali.
66
Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, b’differenza mill-prodotti kollha jew parti minnhom eżaminati mill-Bord tal-Appell fil-punti 33 sa 38 tas-sentenza kkontestata u fejn is-CCCMC kien komponent possibbli, is-CCCMC ma huwiex inkluż fil-produzzjoni tar-raża naturali mhux ipproċessata, li hija, kif jindika isimha, prodott naturali mhux ipproċessat.
67
Fit-tielet lok, ma huwiex ikkontestat b’mod serju li, għar-raġunijiet korrettament osservati mill-Bord tal-Appell fil-punt 39 tas-sentenza kkontestata u mfakkra fil-punt 62 iktar ’il fuq, ir-raża naturali mhux ipproċessata u s-CCCMC huma prodotti differenti ħafna fin-natura u fil-finalità tagħhom. Huma ma huma bl-ebda mod kompetituri. Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-rikorrenti skont liema dawn il-prodotti huma komplementari, din ma hija bl-ebda mod ipprovata.
68
Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ma tiċħadx l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell skont liema l-kumpanniji li joħorġu r-raża naturali mis-siġar huma ġeneralment differenti minn dawk li jipproduċu s-CCCMC mill-ġebel.
69
Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, iċ-ċirkustanza invokata mir-rikorrenti skont liema l-istess pubbliku jagħmel użu minn dawn il-prodotti sabiex jipproduċi l-istess prodott, jiġifieri adeżivi, ma hijiex ta’ natura li tiġġustifika l-kostatazzjoni ta’ xebh tal-prodotti inkwistjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Il-pubbliku rilevanti, magħmul minn professjonisti tal-industrija, jipperċepixxi mingħajr ebda diffikultà li dawn il-prodotti, minkejja li jikkompetu mal-attività industrijali tagħha ta’ produzzjoni ta’ adeżivi, fi kwalunkwe każ huma prodotti kompletament differenti.
70
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-motiv uniku invokat mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud għal dak li jirrigwarda r-“raża naturali mhux ipproċessata” koperta mit-trade mark ikkontestata.
– Fir-rigward tax-“xogħlijiet ta’ kisi”
71
Fil-punt 41 tas-sentenza kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li x-xogħlijiet ta’ kisi huma materjal ta’ tikħil dekorattiv applikat fuq il-ħitan tal-bini jew sabiex jiksu l-kanali taċ-ċmieni li qed jinbnew. Huwa osserva li, għalkemm huwa minnu li dawn il-prodotti jistgħu jinkludu CCCMC fost l-ingredjenti tagħhom, huma għandhom natura, funzjoni u użu differenti. Fil-fatt, dawn il-prodotti jiġu użati fis-settur tal-bini għall-finijiet ornamentali u dekorattivi filwaqt li s-CCCMC huwa materja prima miżjud f’diversi prodotti lesti sabiex jillimita l-konsum tal-materjali għoljin li jgħaqqdu jew sabiex ċerti proprjetajiet tal-materjali mħallta jissaħħu jew jitjiebu. Barra minn hekk ix-xogħlijiet ta’ kisi ma humiex estratti jew miksuba mill-istess kumpanniji u ma jindirizzawx l-istess tip ta’ konsumaturi. Għalhekk, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li dawn il-prodotti u s-CCCMC ma kinux jixxiebhu.
72
Ir-rikorrenti tikkontesta l-pożizzjoni tal-Bord tal-Appell billi ssostni li jeżisti xebh qawwi bejn is-CCCMC u x-xogħlijiet ta’ kisi. Għalhekk, ix-xogħlijiet ta’ kisi abbażi ta’ ġir, li jaqgħu taħt it-titolu “xogħlijiet ta’ kisi”, huma magħmula essenzjalment mill-ġir bħala materjal li jimla, peress li l-ġir huwa sinonimu għal karbonat tal-kalċju. Il-proporzjon tal-karbonat tal-kalċju li tinsab fil-ġibs tal-kisi likwidu tista’ tilħaq 70 %. Il-karbonat tal-kalċju użat bħala materjal li jimla għall-ġibs tal-kisi huwa wkoll kopert mis-CCCMC.
73
Għandu jiġi osservat li, għalkemm ir-rikorrenti tesponi mingħajr ma tiġi kontrodetta li x-xogħlijiet ta’ kisi jinkludu prodotti li fihom s-CCCMC, hija ma tikkontestax min-naħa l-oħra l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell skont liema x-xogħlijiet ta’ kisi u s-CCCMC jirreferu għall-pubbliku differenti.
74
Għalhekk, ma huwiex ikkontestat li s-CCCMC huwa prodott intiż unikament għall-pubbliku professjonali tal-industrija, li jaqa’ fil-każ ineżami taħt il-produzzjoni tax-xogħlijiet ta’ kisi, filwaqt li x-xogħlijiet ta’ kisi prodotti minn din l-industrija huma intiżi għall-impriżi tal-bini u, skont il-bżonn, għall-pubbliku inġenerali.
75
F’dawn iċ-ċirkustanzi, li jiżvelaw l-assenza ta’ pubbliku komuni għas-CCCMC u għax-xogħlijiet ta’ kisi, ġustament il-Bord tal-Appell ddeċieda li dawn il-prodotti ma setgħux jitqiesu bħala li jixxiebhu, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.
76
Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata permezz tal-argument tar-rikorrenti skont liema l-produtturi tal-ġibs u ta’ xogħlijiet ta’ kisi oħrajn li lilhom r-rikorrenti pprovditilhom is-CCCMC taħt it-trade mark tagħha Calcilit ikollhom ta’ bilfors jaħsbu, meta jaraw xogħlijiet ta’ kisi mibjugħa minn terzi taħt trade mark bl-istess isem, li produttur wieħed u waħdu beda jipproduċi u jbigħ, fil-kuntest ta’ integrazzjoni ekonomika vertikali u taħt l-istess trade mark ġenerali, kemm CCCMC kif ukoll ix-xogħlijiet abbażi ta’ CCCMC.
77
Fil-fatt, dan l-argument huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-ġurisprudenza, evokata fil-punt 44 iktar ’il fuq, skont liema l-pubbliku rilevanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-paragun tal-prodotti inkwistjoni huwa magħmul mill-konsumaturi li jistgħu jużaw kemm il-prodotti tat-trade mark preċedenti kif ukoll dawk tat-trade mark ikkontestata. Issa, la huwa pprovat u lanqas allegat mir-rikorrenti li l-industrija fis-settur tal-produzzjoni tax-xogħlijiet ta’ kisi, konsumaturi tas-CCCMC għall-finijiet ta’ din il-produzzjoni, tuża wkoll xogħlijiet ta’ kisi għal din l-istess produzzjoni.
78
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, huwa xieraq li l-uniku motiv invokat mir-rikorrenti rigward il-prodotti “xogħlijiet ta’ kisi” koperti mit-trade mark ikkontestata jiġi miċħud.
Konklużjoni
79
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, huwa xieraq li r-rikors jintlaqa’ parzjalment u li s-sentenza kkontestata tiġi annullata sa fejn il-Bord tal-Appell, fir-rigward tal-prodotti “żebgħa, verniċ, żmalt; preservanti kontra s-sadid u kontra d-deterjorazzjoni tal-injam; koloranti; murdenti”, koperti mit-trade mark ikkontestata, iddeċieda li kien hemm nuqqas ta’ xebh mas-CCCMC. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.
Fuq l-ispejjeż
80
Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.
81
F’dan il-każ, peress li kull waħda mill-partijiet tilfet parzjalment, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż tagħhom.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1)
Id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), tal-4 ta’ Settembru 2014 (Każ R 753/2013-4) hija annullata fir-rigward tal-prodotti “żebgħa, verniċ, żmalt; preservanti kontra s-sadid u kontra d-deterjorazzjoni tal-injam; koloranti; murdenti” koperti mit-trade mark ikkontestata.
2)
Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.
3)
Alpha Calcit Füllstoffgesellschaft mbh, l-EUIPO u Materis Paints Italia SpA għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.
Frimodt Nielsen
Dehousse
Collins
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-19 ta’ Lulju 2016.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
Full & Egal Universal Law Academy