T‑790/1462014TJ0790EU:T:2016:42900011144TSENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)21 ta’ Lulju 2016 (
*1
)
“Politika estera u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra s-Sirja — Iffriżar ta’ fondi — Restrizzjoni fuq id-dħul — Annullament ta’ atti preċedenti minn sentenza tal-Qorti Ġenerali — Atti ġodda li jinkludu isem ir-rikorrent fil-listi — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Dritt għall-proprjetà — Proporzjonalità — Preżunzjoni ta’ innoċenza — Responsabbiltà mhux kuntrattwali”
Fil-Kawża T‑790/14,
Samir Hassan, residenti f’Damasku (is-Sirja), irrappreżentat minn L. Pettiti, avukat,
rikorrent,
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn S. Kyriakopoulou u G. Étienne, bħala aġenti,
konvenut,
li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/678/PESK, tas-26 ta’ Settembru 2014, li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2014, L 283, p. 59), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1013/2014, tas‑26 ta’ Settembru 2014, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2014, L 283, p. 9), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/837, tat-28 ta’ Mejju 2015, li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2015, L 132, p. 82), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/828, tat-28 ta’ Mejju 2015, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2015, L 132, p. 3), sa fejn dawn l-atti jirrigwardaw lir-rikorrent, u, min-naħa l-oħra, talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu allegatament imġarrab mir-rikorrent minħabba dawn l-atti,
IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)
komposta minn M. van der Woude, President, I. Wiszniewska-Białecka u I. Ulloa Rubio (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-21 ta’ April 2016,
tagħti l-preżenti
Sentenza ( 1 )
[ omissis ]
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
27
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Diċembru 2014, ir-rikorrent ippreżenta rikors għal annullament kif ukoll rikors għad-danni kontra d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/678 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1013/2014, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh.
28
Fin-nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Lulju 2015, ir-rikorrent adatta t-talbiet tiegħu billi talab ukoll l-annullament tad-Deċiżjoni 2015/837 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/828, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh.
29
Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-21 ta’ April 2016.
30
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/678, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1013/2014, id-Deċiżjoni 2015/837 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/828 (iktar ’il quddiem l-“atti kkontestati”);
—
tagħtih is-somma ta’ EUR 250000 fix-xahar sa mill-1 ta’ Settembru 2011 bħala kumpens għad-dannu materjali mġarrab u ta’ EUR 1 simboliku għad-dannu morali mġarrab u tikkundanna lill-Kunsill jikkumpensa d-dannu materjali futur li ser iġarrab;
—
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.
31
Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu;
—
tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.
Id-dritt
Fuq it-talba għal annullament
[omissis]
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni
[omissis]
45
Għaldaqstant, minn din il-motivazzjoni jirriżulta li r-rikorrent ġie inkluż fil-listi kontenzjużi għat-tliet motivi li ġejjin abbażi tal-Artikolu 28(1) tad-Deċiżjoni 2013/255 u tal-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 36/2012:
—
negozjant prominenti, qrib figuri ewlenin tar-reġim bħal R. Makhlouf u I. Anbouba;
—
viċi president għar-Russja tal-kunsilli ta’ negozju bilaterali sa minn Marzu 2014;
—
jappoġġa l-isforz ta’ gwerra tar-reġim Sirjan permezz ta’ donazzjonijiet ta’ flus.
[omissis]
48
Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent inħatar bħala president, u mhux viċi president, kif isostni l-Kunsill, tal-kunsill ta’ negozju bilaterali għar-Russja, permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Ġunju 2015 tal-ministru tal-ekonomija u tal-kummerċ barrani Sirjan, mingħajr ma dan kellu impatt partikolari fuq l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill fid-deċiżjoni kkontestata.
49
Mill-istatuti tal-kunsilli ta’ negozju bilaterali tas-Sirja (iktar ’il quddiem il-“kunsilli ta’ negozju”) jirriżulta, l-ewwel nett, li l-president tal-kunsill ta’ amministrazzjoni tal-kunsilli ta’ negozju (iktar ’il quddiem il-“kunsill ta’ amministrazzjoni”) huwa l-ministru tal-ekonomija u tal-kummerċ barrani Sirjan. It-tieni nett, is-segretarjat tal-kunsill ta’ amministrazzjoni huwa kompost mill-ministru tal-ekonomija u tal-kummerċ barrani Sirjan u mid-direttorat għar-relazzjonijiet internazzjonali u Għarab. It-tielet nett, l-imsemmija statuti jistabbilixxu li l-membri tal-kunsilli ta’ negozju jiġu proposti jew mis-segretarju tal-kunsill ta’ amministrazzjoni jew minn membru tal-kunsilli ta’ negozju u li kull proposta għandha tiġi ppreżentata lill-ministru tal-ekonomija u tal-kummerċ barrani Sirjan għal deċiżjoni finali. Ir-raba’ nett, il-president u l-viċi president ta’ kull kunsill ta’ negozju huma eletti fi ħdan il-kunsill ta’ amministrazzjoni ppresjedut mill-ministru tal-ekonomija u tal-kummerċ barrani Sirjan.
50
Mill-istatuti tal-kunsilli ta’ negozju bilaterali jirriżulta wkoll li r-rwol tal-ministru tal-ekonomija u tal-kummerċ barrani Sirjan f’dawn il-kunsilli huwa ċentrali u ma huwiex limitat għar-ratifika tal-għażliet ta’ membri oħra, kif isostni r-rikorrent. Fil-fatt, il-ministru tal-ekonomija u tal-kummerċ barrani Sirjan jippresjedi l-kunsill ta’ amministrazzjoni, huwa membru tas-segretarjat tal-kunsill ta’ amministrazzjoni li jissorvelja l-operazzjonijiet tal-varji kunsilli ta’ negozju u huwa l-awtorità kompetenti sabiex jaħtar il-president u l-viċi president tal-varji kunsilli ta’ negozju kif ukoll sabiex ixolji l-imsemmija kunsilli. Madankollu, anki jekk il-ministru tal-ekonomija u tal-kummerċ barrani Sirjan jillimita ruħu li jirratifika l-għażliet tal-membri tal-imsemmija kunsilli, għandu jiġi osservat li l-ħatra tal-president u tal-viċi president ta’ kull kunsill ta’ negozju timplika deċiżjoni tal-gvern.
51
Barra minn hekk, il-provi prodotti mill-Kunsill fid-dokument MD 216/14 RELEX u, b’mod partikolari, l-artiklu tat-3 ta’ Marzu 2014 tas-Syria Report u l-artiklu tas-Syriandays jiddeskrivu r-rwol tar-rikorrent fil-kunsill ta’ negozju bilaterali għar-Russja. L-ewwel artiklu jippreċiża r-rabta bejn il-ħatra tal-membri tal-kunsilli ta’ negozju u l-prossimità mar-reġim eżistenti. It-tieni jirrigwarda l-iżvolġiment tal-ewwel laqgħa ġenerali tal-kunsilli ta’ negozju li nżammet fid-29 ta’ Marzu 2014 u li għaliha pparteċipaw il-prim ministru Sirjan, il-ministru tal-ekonomija u tal-kummerċ barrani Sirjan kif ukoll il-presidenti u l-viċi presidenti kollha tal-kunsilli ta’ negozju. Isem ir-rikorrent jissemma fiż-żewġ artikli.
52
Konsegwentement, għandu jiġi osservat li l-funzjoni tar-rikorrent fi ħdan kunsill ekonomiku bħall-kunsill ta’ negozju bilaterali għar-Russja, li l-funzjoni tiegħu huwa li jippromwovi l-ekonomija tas-Sirja u l-iżvilupp tal-impriżi tagħha u tal-attivitajiet kummerċjali u tal-investimenti tagħha, tista’ tiġi spjegata biss permezz ta’ ċerta prossimità mar-reġim eżistenti u tikkostitwixxi fatt mhux ikkontestat li juri assoċjazzjoni ċerta mar-reġim ta’ Bachar Al-Assad. Din il-prossimità bejn ir-rikorrent u r-reġim Sirjan ippermettiet lill-Kunsill tqis validament li r-rikorrent kien jibbenefika mir-reġim, kien jappoġġah u kien assoċjat miegħu fis-sens tal-Artikolu 28(1) tad-Deċiżjoni 2013/255 u tal-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 36/2012.
53
F’dan il-każ, billi t-tieni motiv għall-inklużjoni tar-rikorrent ġie ġustament stabbilit mill-Kunsill u billi jikkostitwixxi bażi suffiċjenti għal inklużjoni skont il-kriterju legali stabbilit fl-Artikolu 28(1) tad-Deċiżjoni 2013/255 u fl-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 36/2012, u sa fejn, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 42 iktar ’il fuq, huwa suffiċjenti li wieħed biss mill-motivi li fuqhom huma bbażati l-atti jkun validu sabiex jiġġustifika l-legalità tagħhom, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-fondatezza taż-żewġ motivi l-oħra invokati mill-Kunsill fid-deċiżjonijiet ikkontestati, billi l-argumentazzjoni żviluppata mir-rikorrent fil-konfront tagħhom hija ineffettiva u għandha tiġi miċħuda.
[omissis]
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1)
Ir-rikors huwa miċħud.
2)
Samir Hassan huwa kkundannat għall-ispejjeż.
Van der Woude
Wiszniewska-Białecka
Ulloa Rubio
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Lulju 2016.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
( 1 ) Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.
Full & Egal Universal Law Academy