SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)
25 ta’ Jannar 2018 ( *1 )
“Għajnuna mill-Istat - Għajnuna mogħtija mill-Belġju favur BSCA - Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna parzjalment kompatibbli u parzjalment inkompatibbli mas-suq intern - Att legalment vinkolanti - Terminu ta’ preskrizzjoni - Natura ekonomika tal-ILS - Proporzjon ta’ użu ekonomiku tal-installazzjonijiet - Data f’ċifri żbaljata - Talba għal adattament - Determinazzjoni tal-valuri attwalizzati - Obbligu ta’ motivazzjoni - Distorsjonijiet tal-kompetizzjoni - Aspettattivi leġittimi”
Fil-Kawża T‑818/14,
Brussels South Charleroi Airport (BSCA), stabbilita f’Charleroi (il-Belġju), irrappreżentata minn P. Frühling, S. Golinvaux, H. Tacheny u J. Delarue, avukati,
rikorrenti,
sostnuta minn
Société wallonne des aéroports SA (Sowaer), irrappreżentata minn A. Lepièce u H. Baeyens, avukati,
intervenjenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Noë, R. Sauer u B. Stromsky, bħala aġenti,
konvenuta,
sostnuta minn
Brussels Airport Company SA, irrappreżentata minn T. Janssens, F. Hoseinian u T. Oeyen, avukati,
u minn
Brussels Airlines SA/NV, inizjalment irrappreżentata minn J. Derenne, J. Blockx, D. Vallindas u D. Dauchez, sussegwentement minn J. Derenne u D. Vallindas, avukati,
intervenjenti,
li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tal-Artikoli 3 sa 6 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 6849 final tal‑1 ta’ Ottubru 2014 dwar il-miżuri SA. 14093 (C76/2002) li l-Belġju implementa favur BSCA u Ryanair,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża),
komposta minn I. Labucka, li qed taġixxi bħala President, M. Kancheva, L. Madise, R. Barents (Relatur) u J. Passer, Imħallfin,
Reġistratur: G. Predonzani, Amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas‑6 ta’ Lulju 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1
Fl-1991, ir-Reġjun tal-Wallonie (il-Belġju) ħoloq lil Brussels South Charleroi Airport (BSCA) (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti” jew “BSCA”), sabiex tmexxi l-ajruport ta’ Charleroi Bruxelles-Sud (il-Belġju) (iktar ’il quddiem l-“ajruport ta’ Charleroi”).
2
Permezz ta’ ftehim tad‑9 ta’ Lulju 1991 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim bejn ir-Reġjun u BSCA”), ir-Reġjun tal-Wallonie ta lil BSCA, għal perijodu ta’ 50 sena, konċessjoni ta’ servizz għall-ġestjoni kummerċjali tal-qasam pubbliku tal-ajruport ta’ Charleroi kif ukoll konċessjoni fuq l-art relatata mal-użu permanenti u esklużiv taż-żona tal-ajruport.
3
Il-Ftehim bejn ir-Reġjun u BSCA jistabbilixxi l-qsim tal-ispejjeż bejn ir-Reġjun tal-Wallonie u BSCA, inklużi l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt annessi għall-Ftehim bejn ir-Reġjun u BSCA.
4
Fl‑20 ta’ Lulju 2000, ir-Reġjun tal-Wallonie approva l-linji gwida ta’ ftehim qafas dwar programm ta’ investiment pluriannwali fl-ajruport ta’ Charleroi, li jsemmu b’mod partikolari l-kunċett ta’ terminal ġdid għall-passiġġieri, għal baġit globali ta’ EUR 113.74 miljun.
5
Fit‑8 ta’ Novembru 2000, ir-Reġjun tal-Wallonie adotta deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tiegħu tal‑20 ta’ Lulju 2000, li temenda s-suppożizzjonijiet tal-programm ta’ investiment u li ġabet l-ispiża globali ta’ investiment għal EUR 121 miljun.
6
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Mejju 2001, ir-Reġjun tal-Wallonie approva l-istatuti u l-pjan finanzjarju tas-Société wallonne des aéroports SA (Sowaer) għas-snin 2001 sa 2004, u b’mod partikolari, ammont ta’ investiment totali fl-ajruport ta’ Charleroi ta’ madwar EUR 93 miljun, bi EUR 28 miljun minnhom għat-terminal il-ġdid.
7
Fl‑1 ta’ Lulju 2001, ir-Reġjun tal-Wallonie fforma l-kumpannija Sowaer, u dan sabiex tiżviluppa l-infrastrutturi tal-ajruporti tiegħu, tqiegħed dawn l-infrastrutturi għad-dispożizzjoni tal-kumpanniji ta’ ġestjoni tal-ajruporti kkonċernati u żżommhom f’kundizzjoni operazzjonali billi tkun responsabbli għall-manutenzjonijiet u t-tiswijiet il-kbar.
8
Permezz tal-Ftehim Supplimentari Nru 3 tad‑29 ta’ Marzu 2002, li jemenda l-Ftehim bejn ir-Reġjun u BSCA u konkluż bejn BSCA u r-Reġjun tal-Wallonie, dan tal-aħħar intrabat li jħallas lil BSCA sussidju biex tkun tista’ tħallas l-ispejjeż sostnuti għat-tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-artijiet, tal-bini u tal-infrastrutturi tal-ajruport minn Sowaer, kif ukoll sussidju li jirrimborsa n-nefqa sostnuta minn BSCA għas-servizzi ta’ manutenzjoni u ta’ tifi tan-nar (iktar ’il quddiem il-“miżuri tal‑2002”).
9
Fil‑15 ta’ April 2002, Sowaer, li fid‑29 ta’ Marzu 2002 kienet reġgħet ħadet il-konċessjoni tal-art mogħtija lil BSCA fl-1991, ikkonkludiet ftehim ta’ sottokonċessjoni tal-art permanenti u esklużiv taż-żona tal-ajruport ma’ BSCA (iktar ’il quddiem il-“Ftehim tal‑2002”), li jgħid li din tal-aħħar setgħet tuża ż-żona tal-ajruport sal‑2040 b’mod esklużiv għall-finijiet tal-operat tagħha. Sowaer, min-naħa tagħha, intrabtet li tagħmel programm ta’ investimenti kif ukoll li tagħmel it-tiswijiet il-kbar u l-manutenzjoni l-kbira relatati mal-artijiet, mal-bini u mal-infrastrutturi. Inkambju għal din is-sottokonċessjoni, BSCA ntrabtet li tħallas lil Sowaer sehem varjabbli annwali eskluża t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ugwali għal 35 % tat-tariffi tal-avjazzjoni miġbura matul is-sena kurrenti, b’dan l-ammont ikun limitat mis-sena finanzjarja 2002, u tariffa annwali fissa eskluża l-VAT ta’ EUR 9371000, maħsuba wkoll li tevolvi maż-żmien.
10
Fit‑3 ta’ April 2003, il-Gvern tal-Wallonie adotta reviżjoni tal-programm ta’ investiment, li kienet tipprevedi ammont ta’ investiment supplimentari ta’ EUR 33 miljun, maħsub għall-finanzjament tal-bini ta’ terminal b’kapaċità ta’ tliet miljun passiġġier, u mhux iktar ta’ żewġ miljuni, u ta’ parkeġġ għall-karozzi ikbar minn dak li kien previst fil-bidu (iktar ’il quddiem il-“miżura tal‑2003”).
11
Fl‑4 ta’ April 2006, ftehim ġdid issostitwixxa l-Ftehim tal‑2002, li rriproduċa l-parti l-kbira tad-dispożizzjonijiet tiegħu u li emenda oħrajn, b’mod partikolari l-modalitajiet ta’ kalkolu tal-ammont ta’ tariffi ta’ konċessjoni li BSCA trid tagħti lil Sowaer.
12
Il-Ftehim bejn ir-Reġjun u BSCA ġie emendat b’mod parallel bil-Ftehim Supplimentari Nru 5 tal‑10 ta’ Marzu 2006, li jipprevedi li l-ispejjeż sostnuti minn BSCA għas-servizzi relatati mal-protezzjoni kontra n-nirien u mas-sigurtà tat-traffiku fuq l-art u fis-sit tal-ajruport għandhom issa jkunu s-suġġett ta’ kumpens mir-Reġjun tal-Wallonie, filwaqt li ġie osservat li dan il-kumpens, li jiġi indiċjat kull sena, huwa limitat.
13
Il-Ftehim bejn ir-Reġjun u BSCA ġie emendat mill-ġdid bil-Ftehim Supplimentari Nru 6 tal‑15 ta’ Jannar 2008, li minbarra il-provvista tas-servizzi relatati mal-protezzjoni kontra n-nirien u s-sigurtà tat-traffiku fuq l-art u fis-sit tal-ajruport, ta lil BSCA l-provvista tas-servizzi relatati mal-monitoraġġ u r-reġistrazzjoni tat-titjiriet, mal-ippjanar tat-titjiriet ipproġettati, mal-marshaling, li tikkonsisti fl-attivitajiet intiżi, essenzjalment, li jiggwidaw lill-ajruplani lejn iż-żoni ta’ pparkjar tagħhom, u mas-sigurtà, li qabel kienu jiġu pprovduti mir-Reġjun tal-Wallonie. Is-sussidju issa jkopri l-ispejjeż kollha relatati ma’ dawn is-servizzi tal-aħħar biż-żamma tal-limitu massimu għas-servizzi msemmija fil-punt 12 iktar ’il fuq.
14
Mill‑1 ta’ Mejju 1997, l-ajruport ta’ Charleroi laqa’ l-kumpannija tal-ajru Ryanair Ltd. Mill‑2000 sal‑2013, it-traffiku tal-ajruport ta’ Charleroi għadda minn madwar 200000 passiġġier għal kważi 7 miljuni, bis-sehem ta’ Ryanair jitla’ għal iktar minn 70-80 % tat-total tal-passiġġieri ttrasportati.
15
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fit‑12 ta’ Frar 2004 adottat id-Deċiżjoni 2004/393/KE dwar il-vantaġġi mogħtija mir-Reġjun tal-Wallonie u BSCA lill-kumpannija tal-ajru Ryanair meta hija stabbilixxiet ruħha f’Charleroi (ĠU 2004, L 137, p. 1).
16
Permezz ta’ sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2008, Ryanair vs Il-Kummissjoni (T‑196/04, EU:T:2008:585), il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni 2004/393.
Id-deċiżjoni kkontestata
17
Fl‑1 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2014) 6849 final, dwar il-miżuri SA.14093 (C76/2002) li l-Belġju implementa favur BSCA u Ryanair (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).
18
Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fakkret li d-Deċiżjoni 2004/393 kienet ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali, b’tali mod li dan l-annullament wassal għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali li kienet ingħalqet bid-deċiżjoni msemmija.
19
Il-Kummissjoni enfasizzat ukoll li, permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Lulju 2010, hija kienet tat lir-Renju tal-Belġju u lill-partijiet li ssottomettew kummenti fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali miftuħa fil‑11 ta’ Diċembru 2002, il-possibbiltà li jissottomettu kummenti ġodda fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali li nfetħet mill-ġdid wara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2008, Ryanair vs Il-Kummissjoni (T‑196/04, EU:T:2008:585).
20
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni indikat li, permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ Marzu 2012, hija kienet innotifikat lir-Renju tal-Belġju bid-deċiżjoni tagħha li testendi l-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE u stiednet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar il-miżuri inkwistjoni.
21
Barra minn hekk, b’mod preliminari, il-Kummissjoni fakkret li l-Qorti tal-Ġustizzja, konsistentement, kienet iddefinixxiet l-impriżi bħala entitajiet li jwettqu attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus legali tagħhom u mill-mod kif huma ffinanzjati, u li kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ prodotti jew servizzi f’suq partikolari kienet tikkostitwixxi attività ekonomika. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li, fis-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (T‑128/98, EU:T:2000:290), il-Qorti Ġenerali kienet ikkonkludiet li l-operat ta’ ajruport li kien jikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi tal-ajruport lill-kumpanniji tal-ajru kien attività ekonomika.
22
Il-Kummissjoni qieset li l-miżuri inkwistjoni kienu ngħataw lir-rikorrenti għall-operat u l-bini tal-infrastrutturi wara t-12 ta’ Diċembru 2000, id-data tas-sentenza Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (T‑128/98, EU:T:2000:290). Il-Kummissjoni fakkret li, sa dik id-data, il-prattika stabbilita tagħha kienet li tqis li l-attività ta’ żvilupp u ta’ ġestjoni tal-infrastrutturi tal-ajruport ma kinitx tikkostitwixxi attività ekonomika li tista’ tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE. Wara din is-sentenza, il-Kummissjoni kkonstatat li, minħabba l-liberalizzazzjoni progressiva tas-suq, din l-attività kienet saret attività ekonomika, bl-esklużjoni tal-attivitajiet li ma kinux ta’ natura ekonomika u li normalment kienu jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istat fl-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika tiegħu (premessi 346 sa 348).
23
Il-Kummissjoni qieset li l-Ftehim tal‑20 ta’ Lulju 2000 (ara l-punt 4 iktar ’il fuq) u d-Deċiżjoni tat‑8 ta’ Novembru 2000 (ara l-punt 5 iktar ’il fuq) ma kinux jimplikaw għar-Reġjun tal-Wallonie impenn fir-rigward ta’ parti terza u ma kinux ta’ natura irrevokabbli, permanenti u finali. Hija fakkret li l-kriterju rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-data li fiha jitqies li ngħatat miżura ta’ għajnuna potenzjali kien id-data tal-att legalment vinkolanti li bih l-awtoritajiet pubbliċi kienu jintrabtu li jagħtu l-miżura inkwistjoni lill-benefiċjarju tagħha. Il-Kummissjoni qieset li l-Ftehim tal‑2002 kien jikkostitwixxi dan l-att vinkolanti (premessi 353 u 354).
24
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni, minn naħa, innotat li l-Ftehim tal‑2002 kien jikkonsisti fit-tqegħid tal-infrastrutturi għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, indikat li l-programm ta’ investiment integrat fil-Ftehim tal‑2002 kien ġie emendat b’mod sostanzjali permezz tal-miżura tal‑2003. Dawn ir-reviżjonijiet tal-programm kienu jikkostitwixxu għalhekk, skont il-Kummissjoni, emenda sostanzjali u għalhekk għajnuna ġdida mill-Istat favur ir-rikorrenti (premessi 362 u 363).
25
Il-Kummissjoni fakkret li kien meħtieġ, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jiġu esklużi l-attivitajiet li normalment kienu jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istat fl-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika tiegħu, minħabba l-fatt li dawn ma kinux ta’ natura ekonomika, b’dawn l-attivitajiet jinkludu, b’mod partikolari, is-sigurtà, il-kontroll tat-traffiku tal-ajru, il-pulizija u d-dwana (premessa 364).
26
Il-Kummissjoni, qabelxejn, għamlet distinzjoni bejn l-investimenti u s-servizzi mwettqa minn Sowaer li kellhom jitqiesu bħala li kienu ta’ natura ekonomika u dawk li kellhom jitqiesu bħala li kienu ta’ natura mhux ekonomika (premessi 364 sa 374) u, sussegwentement, eżaminat, in concreto, din id-distinzjoni fid-dawl tad-diversi investimenti u servizzi ffinanzjati f’dan il-każ (premessi 375 sa 400).
27
Il-Kummissjoni qieset li s-sussidji kollha relatati mas-servizzi ta’ protezzjoni kontra n-nirien kif ukoll mas-servizzi ta’ sigurtà ma kellhomx jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat (premessi 377 sa 385).
28
Min-naħa l-oħra, hija qieset li s-servizzi ta’ manutenzjoni kif ukoll dawk relatati mas-sigurtà tat-traffiku fuq l-art (manutenzjoni ta’ kuljum tas-sit tal-ajruport, manutenzjoni tal-bini, tar-runways, tal-madwar, tal-vetturi, xogħlijiet żgħar ta’ asfaltar, manutenzjoni ta’ kuljum u tiswijiet tar-runway u tal-aċċessi, manutenzjoni u tħaddim tad-dwal u tas-sinjali tar-runway, xogħlijiet ta’ qtugħ ta’ ħaxix, tindif tar-runway mil-lastiku u l-immarkar tagħha, it-tindif tal-borra u kull servizz ieħor li jiżgura s-sigurtà tat-traffiku fuq l-art, fis-sit tal-ajruport u tal-infrastrutturi) kienu servizzi ta’ natura ekonomika (premessi 390 sa 400) u li l-istess kien il-każ fir-rigward tal-monitoraġġ u r-reġistrazzjoni tat-titjiriet kif ukoll l-ippjanar tat-titjiriet, u l-marshaling (premessi 401 sa 404).
29
Il-Kummissjoni kkonstatat li, f’ċirkustanzi simili, operatur privat li jibbaża ruħu fuq il-possibbiltajiet prevedibbli ta’ profittabbiltà ma kienx jidħol għal tali operazzjonijiet. Skont il-Kummissjoni, f’dan il-każ, irid jiġi ddeterminat jekk f’ċirkustanzi simili, operatur privat li jibbaża ruħu fuq il-possibbiltajiet prevedibbli ta’ profittabbiltà, irrispettivament minn kwalunkwe kunsiderazzjoni ta’ natura soċjali jew ta’ politika reġjonali jew settorjali, kienx jidħol għall-istess operazzjonijiet bħall-entità li tat il-miżura. Il-Kummissjoni għalhekk applikat il-kriterju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq għad-diversi investimenti u miżuri meħuda (premessi 406 sa 472).
30
Il-Kummissjoni spjegat ir-raġunijiet għaliex dawn il-miżuri kienu imputabbli lill-awtoritajiet pubbliċi (premessi 473 sa 483).
31
Il-Kummissjoni, l-ewwel nett, eżaminat il-kompatibbiltà tal-għajnuna favur Ryanair u kkonkludiet mill-analiżi tagħha li l-miżuri favur din il-kumpannija tal-ajru ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat (premessi 488 sa 581).
32
Il-Kummissjoni, it-tieni nett, eżaminat il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna favur ir-rikorrenti. Hija qieset li l-għajnuna favur l-ajruport ta’ Charleroi kienet ingħatat sabiex tgħin l-iżvilupp reġjonali u li din kellha impatt pożittiv fuq l-ekonomija u fuq l-impjiegi f’Charleroi u fir-reġjun. Għalkemm din l-għajnuna kienet ikkontribwixxiet għal għan ta’ interess ġenerali, jiġifieri l-iżvilupp ekonomiku ta’ Charleroi u tar-reġjun, il-Kummissjoni madankollu qieset li hija kellha teżamina jekk, bl-applikazzjoni tal-paragrafu 114 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru (ĠU 2014, C 99, p. 3, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”), din l-għajnuna tippromwovix il-proliferazzjoni ta’ ajruporti li ma jħallux qligħ. Hija qieset li l-prospetti ta’ użu tal-ajruport ta’ Charleroi kienu suffiċjenti biex jiġġustifikaw l-investimenti u nnotat li, qabel tmiem l-2013, BSCA kellha qligħ kurrenti qabel it-taxxa ta’ EUR 14.86 miljun, jiġifieri iktar mill-ammont ta’ għajnuna li rċeviet. Madankollu, ġie kkonstatat li din l-għajnuna kienet ikkawżat distorsjonijiet kunsiderevoli fil-kompetizzjoni billi affettwat it-tkabbir tan-numru ta’ passiġġieri fl-ajruport ta’ Brussels-National (il-Belġju). Il-Kummissjoni nnotat li, skont il-paragrafu 119 tal-linji gwida, sabiex ikun eliġibbli għal għajnuna għall-ġestjoni, it-traffiku tal-ajruport ma kellux jaqbeż it-3 miljun passiġġier. Sa fejn l-ajruport ta’ Charleroi kien f’din is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni qieset li din id-dispożizzjoni ma kinitx applikabbli fir-rigward tal-għajnuna mogħtija qabel l-4 ta’ April 2014, id-data minn meta bdew japplikaw il-linji gwida (il-punt 171 tal-imsemmija linji gwida). Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li l-miżuri implementati mir-Renju tal-Belġju favur ir-rikorrenti taħt il-Ftehim tal‑2002 u l-miżuri tal‑2002 u tal‑2003 kienu jikkostitwixxu, fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE, għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern sat‑3 ta’ April 2014 u għajnuna mill-Istat mhux kompatibbli mas-suq intern mill‑4 ta’ April 2014 (premessi 582 sa 649).
33
Il-Kummissjoni ċaħdet l-applikabbiltà tat-terminu ta’ preskrizzjoni għall-għajnuna mogħtija favur ir-rikorrenti, b’mod partikolari, minħabba li l-miżura tal‑2002 kienet tinkludi emendi sostanzjali tal-għajnuna mogħtija inizjalment mill-Ftehim bejn ir-Reġjun u BSCA (premessi 650 sa 666).
34
Bl-istess mod, il-Kummissjoni ċaħdet l-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għas-sussidju mħallas mir-Reġjun tal-Wallonie u indikat ir-raġunijiet għaliex ir-rikorrenti ma setgħetx tinvoka tali prinċipju (premessi 667 sa 678).
35
Fl-aħħar lok, il-Kummissjoni kkonstatat li, bl-adozzjoni tal-Ftehim tal‑2002 u tal-miżuri tal‑2002 u tal‑2003, ir-Renju tal-Belġju kien implementa għajnuna għall-benefiċċju tar-rikorrenti bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE. Il-Kummissjoni qieset li din l-għajnuna kienet tikkonsisti fid-differenza bejn it-tariffa li kien jitlob operatur privat f’ekonomija tas-suq u t-tariffi effettivament imħallsa mir-rikorrenti lir-Reġjun tal-Wallonie-Sowaer (premessa 679).
36
Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jaqra kif ġej:
“Artikolu 1
1. Il-miżuri favur Ryanair […], jiġifieri l-impenn tas‑6 ta’ Novembru 2001 tal-gvern tal-Vallonja [tal-Gvern tal-Wallonie] lejn Ryanair, il-kuntratt tat‑2 ta’ Diċembru 2001 bejn BSCA u Ryanair, il-Ftehim tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar Promocy, il-kuntratt tal‑31 ta’ Jannar 2002 bejn Promocy u Leading Verge, id-digriet ministerjali tal‑11 ta’ Ġunju 2004, l-ittra tal‑24 ta’ Ġunju 2004 ta’ BSCA lil Ryanair, il-ftehim kummerċjali tad‑9 ta’ Diċembru 2005 bejn BSCA u Ryanair, il-ftehim supplimentari tas‑6 ta’ Diċembru 2010 għall-kuntratt bejn BSCA u Ryanair u l-bejgħ tal-ishma ta’ BSCA fi Promocy fil‑31 ta’ Marzu 2010, ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat favur Ryanair Ltd skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
2. Il-miżuri favur [BSCA] maħluqa mill-Ftehim bejn [Sowaer] u BSCA tal‑4 ta’ April 2006, il-Ftehim Supplimentari Nru 5 għall-Ftehim bejn ir-Reġjun tal-Vallonja [ir-Reġjun tal-Wallonie] u BSCA tal‑10 ta’ Marzu 2006 u l-Ftehim Supplimentari Nru 6 għall-Ftehim bejn ir-Reġjun tal-Vallonja u BSCA tal‑15 ta’ Jannar 2008 ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat favur BSCA skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 2
1. Il-miżuri implimentati b’mod illegali [mir-Renju tal-]Belġju, bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, favur BSCA taħt il-Ftehim ta’ sottokonċessjoni tal‑15 ta’ April 2002 bejn Sowaer u BSCA u l-Ftehim Supplimentari Nru 3 tad‑29 ta’ Marzu 2002 għall-Ftehim bejn ir-Reġjun tal-Vallonja u BSCA, kif ukoll taħt id-deċiżjoni ta’ investiment tar-Reġjun tal-Vallonja tat‑3 ta’ April 2003, jikkostitwixxu, sat‑3 ta’ April 2014, għajnuna mill-Istat kumpatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
2. Jekk nassumu li tikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, iż-żieda fil-kapital ta’ BSCA sottoskritta minn SOWAER fit‑3 ta’ Diċembru 2002 hija għajnuna mill-Istat kumpatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 3
Il-miżuri implimentati b’mod illegali [mir-Renju tal-]Belġju, bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, favur BSCA taħt il-Ftehim ta’ sottokonċessjoni tal‑15 ta’ April 2002 bejn SOWAER u BSCA u l-Ftehim Supplimentari Nru 3 tad‑29 ta’ Marzu 2002 għall-Ftehim bejn ir-Reġjun tal-Vallonja u BSCA, kif ukoll taħt id-deċiżjoni ta’ investiment tar-Reġjun tal-Vallonja tat‑3 ta’ April 2003, jikkostitwixxu, wara l-4 ta’ April 2014, għajnuna mill-Istat inkumpatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(1) tal-imsemmi Trattat.
Artikolu 4
1. [Ir-Renju tal-]Belġju huwa obbligat li jtemm l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 3 billi jġib l-imposta [it-tariffa] ta’ konċessjoni dovuta minn BSCA tal-inqas fil-livell ta’ imposta ta’ konċessjoni konformi mal-prezz tas-suq u billi jirkupra mingħand il-benefiċjarju l-ammonti ta’ għajnuna riċevuti taħt il-miżuri msemmija fl-Artikolu 3, mill‑4 ta’ April 2014.
2. L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati jagħtu lok għal imgħaxijiet mid-data li fiha l-għajnuniet tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju, sakemm jiġu effettivament irkuprati.
3. L-imgħax għandu jkun ikkalkulat fuq il-bażi ta’ imgħax kompost skont il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 794/2004.
4. [Ir-Renju tal-]Belġju għandu jikkanċella l-ħlasijiet pendenti kollha tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 3 b’seħħ mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 5
1. L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 3 għandu jkun immedjat u effettiv.
2. [Ir-Renju tal-]Belġju għandu jiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika tagħha.
Artikolu 6
1. Fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, [ir-Renju tal-]Belġju għandu jinnotifika l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:
(a)
id-dati li fihom BSCA ħallset l-imposti ta’ konċessjoni taħt is-sena 2014 u l-kalkolu tal-imgħaxijiet tal-irkupru;
(b)
deskrizzjoni fid-dettall tal-miżuri li diġà ttieħdu u li huma previsti biex tintlaħaq konformità ma’ din id-Deċiżjoni;
(c)
id-dokumenti li juru li l-benefiċjarju ġie ordnat iħallas lura l-għajnuna.
2. [Ir-Renju tal-]Belġju għandu jżomm lill-Kummissjoni informata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali li jittieħdu sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni sal-irkupru sħiħ tal-għajnuniet imsemmija fl-Artikolu 3. Huwa għandu jissottometti immedjatament, fuq talba tal-Kummissjoni, kull informazzjoni dwar il-miżuri li diġà ttieħdu u dawk ippjanati sabiex jikkonforma ma’ din id-deċiżjoni. Għandu jipprovdi wkoll informazzjoni ddettaljata li tikkonċerna l-ammonti ta’ għajnuna u imgħax li jkunu diġà ġew irkuprati mill-benefiċjarju.
Artikolu 7
Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju.”
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
37
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Diċembru 2014, ir-rikorrenti ppreżentat din il-kawża.
38
Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ April 2015.
39
Permezz ta’ atti ppreżentati rispettivament fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑3 u l-15 ta’ April 2015, Brussels Airlines SA/NV (iktar ’il quddiem “Brussels Airlines”) u Brussels Airport Company SA (iktar ’il quddiem “Brussels Airport”) talbu li jintervjenu f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.
40
Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑1 ta’ Ġunju 2015, ir-rikorrenti talbet it-trattament kunfidenzjali, fir-rigward ta’ Brussels Airport u Brussels Airlines, ta’ ċerta data u informazzjoni fir-rikors u fl-annessi tiegħu kif ukoll fir-risposta u fl-annessi tagħha.
41
Ir-rikorrenti ppreżentat replika fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Ġunju 2015, u fis‑16 ta’ Ġunju 2015 verżjoni mhux kunfidenzjali tal-imsemmija replika.
42
Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ Ġunju 2015, ir-rikorrenti talbet it-trattament kunfidenzjali, fir-rigward ta’ Brussels Airport u Brussels Airlines, ta’ ċerta data u informazzjoni li tinsab fir-replika u fl-annessi tagħha.
43
Il-Kummissjoni ppreżentat kontroreplika fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑31 ta’ Lulju 2015.
44
Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑24 ta’ Awwissu 2015, ir-rikorrenti talbet it-trattament kunfidenzjali, fir-rigward ta’ Brussels Airport u Brussels Airlines, ta’ ċerta data u informazzjoni li tinsab fil-kontroreplika u fl-annessi tagħha.
45
Permezz tad-digrieti tas‑7 ta’ Settembru 2015, BSCA vs Il-Kummissjoni (T‑818/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:724), u tas‑7 ta’ Settembru 2015BSCA vs Il-Kummissjoni (T‑818/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:729), il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta, rispettivament, li Brussels Airport u Brussels Airlines jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni f’din il-kawża u rriżerva d-deċiżjoni fuq il-fondatezza tat-talba għal trattament kunfidenzjali.
46
Permezz ta’ digriet tat‑28 ta’ Jannar 2016, BSCA vs Il-Kummissjoni (T‑818/14, mhux ippubblikat, EU:T:2016:75), il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba għal kunfidenzjalità fir-rigward ta’ ċerta informazzjoni li tinsab fir-rikors u fir-risposta kif ukoll ta’ ċerta data li tinsab f’diversi annessi u ċaħad it-talba għal kunfidenzjalità għall-kumplament. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ngħatat terminu mir-Reġistratur bl-għan li tikkomunika verżjoni mhux kunfidenzjali tal-atti msemmija fil-punti 1 u 2 tad-dispożittiv tal-imsemmi digriet, innotifikata lill-intervenjenti. Fl-aħħar nett, l-ispejjeż ġew irriżervati.
47
Permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ Marzu 2016, ir-rikorrenti ressqet talba għal rettifika tad-digriet imsemmi fil-punt 46 iktar ’il fuq.
48
Fil‑5 ta’ April 2016, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Renju tal-Belġju b’rettifika tad-deċiżjoni kkontestata filwaqt li speċifikat li l-iżbalji li ġew identifikati f’din tal-aħħar bl-ebda mod ma kienu jaffettwaw il-konklużjonijiet li ġew ifformulati fiha.
49
Permezz ta’ digriet tal‑11 ta’ April 2016, BSCA vs Il-Kummissjoni (T‑818/14 REC, mhux ippubblikat, EU:T:2016:302), il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali pproċeda għar-rettifika tad-digriet tat‑28 ta’ Jannar 2016 imsemmi fil-punt 46 iktar ’il fuq.
50
Permezz ta’ digriet tat‑13 ta’ April 2016, BSCA vs Il-Kummissjoni (T‑818/14, mhux ippubblikat, EU:T:2016:712), il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali rrevoka d-digriet tat‑28 ta’ Jannar 2016, BSCA vs Il-Kummissjoni (T‑818/14, mhux ippubblikat, EU:T:2016:75), u estenda t-talba għal kunfidenzjalità għal informazzjoni u data oħra.
51
Fit‑23 ta’ Ġunju 2016, ir-rikorrenti ppreżentat nota ta’ adattament minħabba l-korrezzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni għad-deċiżjoni kkontestata mir-rettifika tal‑5 ta’ April 2016.
52
Fil‑5 u fis-6 ta’ Lulju 2016, Brussels Airlines u Brussels Airport, rispettivament, ippreżentaw in-nota ta’ intervent tagħhom fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.
53
Fil‑15 ta’ Settembru 2016, ir-rikorrenti ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali l-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nota ta’ intervent, minn naħa, ta’ Brussels Airlines u, min-naħa l-oħra, ta’ Brussels Airport kif ukoll fuq l-annessi.
54
Fit‑22 ta’ Settembru 2016, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ adattament tar-rikorrenti.
55
Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Ottubru 2016, din il-kawża ġiet assenjata mill-ġdid lil imħallef relatur ieħor fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.
56
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Ottubru 2016, il-President tat-Tmien Awla ddeċieda li ma jipproċedix għat-tgħaqqid ta’ din il-kawża mal-Kawża T‑474/16, Société wallonne des aéroports vs Il-Kummissjoni.
57
Fl‑24 ta’ Novembru 2016, Brussels Airport u Brussels Airlines ippreżentaw, kull waħda, l-osservazzjonijiet tagħhom dwar in-nota ta’ adattament tar-rikorrenti.
58
Fit‑12 ta’ Jannar 2017, Sowaer talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti matul il-fażi orali tal-proċedura.
59
Permezz ta’ digriet tad‑9 ta’ Marzu 2017, Sowaer ingħatat permess tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti matul il-fażi orali eventwali tal-proċedura.
60
Fil‑5 ta’ April 2017, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tassenja din il-kawża lit-Tmien Awla Estiża.
61
Ir-rikorrenti u, matul is-seduta, Sowaer jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
–
tannulla l-Artikoli 3 sa 6 tad-deċiżjoni kkontestata;
–
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
62
Il-Kummissjoni, Brussels Airport u Brussels Airlines jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
–
tiċħad ir-rikors;
–
tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
Id-dritt
Fuq l-ammissibbiltà tat-tabelli ppreżentati mir-rikorrenti
63
Matul is-seduta, ir-rikorrenti xtaqet tippreżenta quddiem il-Qorti Ġenerali żewġ tabelli meqjusa bħala li jirriproduċu d-data f’ċifri li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata.
64
Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tqis l-imsemmija tabelli bħala inammissibbli, minħabba li r-rikorrenti ma ġġustifikatx id-dewmien fil-preżentazzjoni tagħhom.
Fuq il-mertu
65
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka disa’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-iżball ta’ liġi u fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fl-iffissar tad-data tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-finanzjamenti mir-Reġjun tal-Wallonie. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-preskrizzjoni tal-azzjoni tal-Kummissjoni. It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-iżball ta’ liġi, fuq l-iżball ta’ fatt u fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fil-klassifikazzjoni tal-“Instrument Landing System” (sistema għall-illandjar bl-istrumenti, iktar ’il quddiem l-“ILS”) bħala investiment ta’ natura ekonomika kif ukoll fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni fil-klassifikazzjoni tal-ILS bħala investiment ta’ natura ekonomika. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-iżball ta’ fatt u fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-perċentwali ta’ 7 % li jikkorrispondi għall-użu mhux ekonomiku tal-ispiża ta’ investimenti magħmula għat-terminal il-ġdid kif ukoll fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni fit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan il-perċentwali. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq l-iżball ta’ liġi, fuq l-iżbalji ta’ fatt, fuq l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fid-determinazzjoni tal-valuri attwalizzati netti tal-miżuri tal‑2002 u tal‑2003 li jwasslu għal ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq l-iżball ta’ liġi, fuq l-iżbalji ta’ fatt u fuq l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fid-determinazzjoni tal-valuri attwalizzati netti tal-miżuri tal‑2002 u tal‑2003 u, għaldaqstant, fil-kalkolu tat-tariffa addizzjonali mħallsa mir-rikorrenti mill‑4 ta’ April 2014. Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq l-iżball ta’ liġi mwettqa mill-Kummissjoni fid-determinazzjoni tal-ammont tat-tariffa addizzjonali pagabbli mill‑1 ta’ Jannar 2016. It-tmien motiv huwa bbażat fuq l-iżball ta’ liġi, fuq l-iżball ta’ fatt, fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fl-eżami tas-suq inkwistjoni u tal-allegati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-ajruport ta’ Charleroi u l-ajruport ta’ Bruxelles-National ikkawżati mill-għajnuna. Id-disa’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-iżball ta’ liġi u fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fl-iffissar tad-data tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-finanzjamenti mir-Reġjun tal-Wallonie
66
Skont ir-rikorrenti, il-miżuri tal‑2002 u 2003 kienu jikkonsistu, fil-verità, f’miżuri meħuda fid-Deċiżjoni tal‑20 ta’ Lulju 2000, kif ikkonfermata minn dik tat‑8 ta’ Novembru 2000, b’tali mod li dawn il-miżuri ttieħdu qabel is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (T‑128/98, EU:T:2000:290). F’dan ir-rigward, hija tosserva li l-programm ta’ investiment previst għall-ajruport ta’ Charleroi, anness għall-Ftehim tal‑2002, huwa identiku għall-programm ta’ investiment deċiż mir-Reġjun tal-Wallonie fl‑20 ta’ Lulju 2000 u li ġie kkonfermat fit‑8 ta’ Novembru 2000. Ir-rikorrenti tenfasizza, barra minn hekk, li l-istrateġija kummerċjali tagħha, prevista għax-xahar ta’ Lulju 2000, kienet diġà semmiet, b’mod partikolari, it-terminal il-ġdid, il-parkeġġ għall-karozzi u t-titwil tar-runway.
67
Ir-rikorrenti ssostni wkoll li kien fl‑20 ta’ Lulju u fit-8 ta’ Novembru 2000 li r-Reġjun tal-Wallonie kien intrabat li jagħti l-għajnuna. Id-deċiżjonijiet meħuda f’dawn id-dati kienu vinkolanti, sa fejn dawn kienu preċiżi biżżejjed b’kunsiderazzjoni tal-proġett ikkonċernat. Ir-rikorrenti żżid li l-imsemmija deċiżjonijiet kienu jmorru ferm lil hinn minn ftehim ta’ prinċipju, fid-definizzjoni astratt, u kienu jipprevedu b’mod konkret l-imputazzjoni tal-investimenti. Fil-fatt, l-imsemmija deċiżjonijiet ma jistgħux jitqiesu bħala sempliċi dikjarazzjonijiet ta’ intenzjoni, peress li dawn kienu jipprevedu impenn ta’ prinċipju tal-Gvern tal-Wallonie, id-determinazzjoni tal-ammont globali tal-finanzjament fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli f’dak iż-żmien u l-pjan finanzjarju relatat. Ir-rikorrenti żżid li l-atti inkwistjoni kien fihom, fil-fatt, l-informazzjoni kollha suffiċjenti biex jiġu kkaratterizzati l-impenji mhux revokabbli ta’ finanzjament. Il-Ftehim tal‑2002 sempliċiment ikkonferma dawn id-deċiżjonijiet. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva li r-riferiment għad-deċiżjonijiet tal‑20 ta’ Lulju u tat-8 ta’ Novembru 2000, fil-kuntest tal-pjan finanzjarju ta’ Sowaer, kien jenfasizza n-natura vinkolanti tagħhom.
68
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tosserva li l-għoti ta’ miżuri deċiżi mid-deċiżjonijiet tal‑20 ta’ Lulju u tat-8 ta’ Novembru 2000 ġew innotifikati lilha ferm qabel it-12 ta’ Diċembru 2000.
69
Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.
70
F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu jitfakkar li, fis-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (T‑128/98, EU:T:2000:290), il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-operat ta’ ajruport li jikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi tal-ajruport lill-kumpanniji tal-ajru hija attività ekonomika (ara, b’mod partikolari, il-punti 107 u 120 tal-imsemmija sentenza).
71
Barra minn hekk, fil-premessi 346 u 347 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għamlet il-konstatazzjonijiet li ġejjin:
“(346)
B’hekk, sas-sentenza [tat‑12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (T‑128/98, EU:T:2000:290)], il-prattika kostanti tal-Kummissjoni kienet li tikkunsidra li l-attività ta’ żvilupp u ta’ ġestjoni tal-infrastrutturi tal-ajruport ma kinux jikkostitwixxu attività ekonomika li tista’ tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Wara s-sentenza [tat‑12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (T‑128/98, EU:T:2000:290)], il-Kummissjoni kkonstatat li minħabba l-liberalizzazzjoni progressiva tas-suq, din l-attività kienet saret attività ekonomika. Barra minn hekk, kif jispeċifikaw il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat lill-ajruporti u lill-kumpaniji tal-ajru […] fil-punti 28 u 29 tagħhom, ‘mid-data tas-Sentenza [tat‑12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (T‑128/98, EU:T:2000:290)], l-operat u l-kostruzzjoni ta’ infrastrutturi tal-ajruport għandhom jitqiesu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat. Għall-kuntrarju ta’ dan, minħabba l-inċertezza li kienet teżisti qabel is-sentenza [tat‑12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (T‑128/98, EU:T:2000:290)], l-awtoritajiet pubbliċi setgħu leġittimament iqisu li l-finanzjament tal-infrastruttura tal-ajruport ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, u għalhekk tali miżuri ma kellhomx għalfejn ikunu nnotifikati lill-Kummissjoni. Konsegwentement il-Kummissjoni ma tistax tikkontesta, abbażi tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, il-miżuri ta’ finanzjament li ngħataw qabel is-Sentenza [tat‑12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (T‑128/98, EU:T:2000:290)]’.
(347)
Għaldaqstant jeħtieġ li jkun iddeterminat jekk il-miżuri mogħtija lil BSCA għall-operat u l-kostruzzjoni tal-infrastrutturi tal-ajruport ingħatawx qabel jew wara t-12 ta’ Diċembru 2000, id-data tas-Sentenza [Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (T‑128/98, EU:T:2000:290)].”
72
F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kriterju biex jiġi ddeterminat il-mument meta ngħatat l-għajnuna huwa dak tal-att legalment vinkolanti li permezz tiegħu l-awtorità nazzjonali kompetenti timpenja ruħha li tagħti l-għajnuna lill-benefiċjarju tagħha (sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2015, Diputación Foral de Bizkaia vs Il-Kummissjoni, T‑397/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:291, punt 33; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Jannar 2004, Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, T‑109/01, EU:T:2004:4, punti 73 u 74, u tat‑30 ta’ Novembru 2009, Franza u France Télécom vs Il-Kummissjoni, T‑427/04 u T‑17/05, EU:T:2009:474, punt 321) b’wegħda inkundizzjonata u legalment vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Frar 2001, L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, C‑99/98, EU:C:2001:94, punt 38, u d-digriet tal‑5 ta’ Ottubru 2016, Diputación Foral de Bizkaia vs Il-Kummissjoni, C‑426/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:757, punt 30). Dan il-kriterju jimplika neċessarjament li, fid-data tal-għoti tal-għajnuna, il-benefiċjarju tagħha jista’ jiġi identifikat.
73
Il-punt B 12 IV tad-Deċiżjoni tal‑20 ta’ Lulju 2000, intitolat “Kundizzjonijiet tal-iżvilupp tal-ajruporti reġjonali u miżuri ambjentali relatati. Ftehim qafas”, huwa fformulat kif ġej:
“Il-Gvern approva l-linji gwida tal-programm ta’ investimenti tal-ajruport ta’ [Charleroi] u inkariga lill-Ministru responsabbli mill-ġestjoni tal-ajruporti biex jippreżentalu l-programm fiżiku pluriannwali relatat.”
74
Minn din id-deċiżjoni jirriżulta għalhekk b’mod ċar li l-Gvern tal-Wallonie ma ħax l-impenn fir-rigward tar-rikorrenti li jagħtiha għajnuna, iżda, għall-kuntrarju, li l-ministru kompetenti ntrabat biss li jippreżenta lill-imsemmi gvern il-miżuri ta’ eżekuzzjoni tal-programm ta’ investiment. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma hijiex identifikata bħala benefiċjarja potenzjali ta’ għajnuna.
75
Il-punt B 15(2) tad-Deċiżjoni tat‑8 ta’ Novembru 2000, intitolat “Eżekuzzjoni tal-Ftehim qafas tal‑20 ta’ Lulju 2000, relatat mal-ajruporti reġjonali. Programm pluriannwali ta’ investiment tal-ajruport ta’ [Charleroi]”, jippreċiża li l-“programm fiżiku pluriannwali ta’ investiment 2000-2004” ġie approvat mill-Gvern tal-Wallonie. Dan il-programm ta’ investiment jipprovdi, b’mod partikolari, fid-disa’ u fl-għaxar subparagrafi tiegħu, dan li ġej:
“[... G]ħandhom isiru aġġustamenti għall-qafas ta’ ftehimiet inizjali li jirregolaw ir-relazzjoni bejn ir-Reġjun tal-Wallonie u BSCA, fejn il-konċessjonarju tagħha jopera l-ajruport ta’ [Charleroi]; dan sabiex tiżdied l-effikaċja tal-operatur preżenti fis-sit.
Għalhekk it-testi eżistenti (il-ftehim ta’ konċessjoni, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u l-protokolli annessi) għandhom jiġu adattati skont il-formula l-ġdida li se titħaddem għall-finanzjament tal-investimenti.”
76
Din id-dispożizzjoni ma tħalli l-ebda dubju fir-rigward tal-fatt li l-impenji konkreti bejn ir-Reġjun tal-Wallonie u r-rikorrenti kienu jiddependu mill-adattament tat-testi msemmija hawn fuq.
77
Minn dan isegwi, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, li d-deċiżjonijiet tal‑20 ta’ Lulju u tat-8 ta’ Novembru 2000 ma kienx fihom impenji legalment vinkolanti u preċiżi min-naħa tal-Gvern tal-Wallonie lejn ir-rikorrenti. Għalhekk bħalma tirrikonoxxi r-rikorrenti stess fir-replika tagħha, dawn id-deċiżjonijiet kienu jikkostitwixxu impenn tal-Gvern tal-Wallonie fir-rigward tal-għanijiet politiċi tiegħu u kienu l-frott ta’ kunsens ministerjali fi ħdan dan il-gvern. Min-naħa l-oħra, is-sempliċi qari tal-Ftehim tal‑2002 jenfasizza l-fatt li huwa biss f’dan id-dokument li d-dettalji li jikkonċernaw l-infrastrutturi u s-servizzi ġew stabbiliti fil-forma ta’ obbligi ġuridiċi. Fil-fatt, dan il-Ftehim tal‑2002 huwa kkaratterizzat minn programm ta’ investiment kif ukoll minn spejjeż li ntrabat bihom ir-Reġjun tal-Wallonie-Sowaer u mit-tariffa ta’ konċessjoni li r-rikorrenti aċċettat li tħallas bħala korrispettiv.
78
Minn dan isegwi wkoll li, fin-nuqqas ta’ obbligi vinkolanti u preċiżi fid-Deċiżjonijiet tal‑20 ta’ Lulju u tat-8 ta’ Novembru 2000, l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-allegata korrispondenza bejn it-tabella annessa għall-Ftehim tal‑2002 konkluż bejn ir-rikorrenti u Sowaer u dik tad-Deċiżjonijiet tal‑20 ta’ Lulju u tat-8 ta’ Novembru 2000, l-allegata komunikazzjoni tad-Deċiżjoni tal‑20 ta’ Lulju 2000 qabel id-data tas-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (T‑128/98, EU:T:2000:290), u n-negozjati mmexxija, mix-xahar ta’ Settembru 2000, bejnha u Ryanair, ma humiex rilevanti u jistgħu biss jiġu injorati.
79
Fl-aħħar nett, ma huwiex ikkontestat li l-infrastrutturi tqiegħdu għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti minn Sowaer. Madankollu, din tal-aħħar ġiet ikkostitwita biss fl‑1 ta’ Lulju 2001.
80
Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-preskrizzjoni tal-azzjoni tal-Kummissjoni
81
Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-għajnuna mogħtija fl‑2000 tibbenefika mill-preskrizzjoni deċennali prevista fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), peress li għaddew iktar minn għaxar snin bejn il-mument tal-għoti tagħhom u l-20 ta’ April 2011, id-data tal-ewwel talba għal informazzjoni mill-Kummissjoni lir-Renju tal-Belġju dwar l-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata.
82
Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.
83
F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li dan il-motiv huwa bbażat biss fuq il-premessa li tgħid li l-għajnuna kontenzjuża kienet ingħatat permezz tad-Deċiżjonijiet tal‑20 ta’ Lulju u tat-8 ta’ Novembru 2000.
84
Madankollu, fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv ġie preċiżament ikkonstatat li l-għajnuna kontenzjuża ma kinitx ingħatat permezz tad-Deċiżjonijiet tal‑20 ta’ Lulju u tat-8 ta’ Novembru 2000, iżda permezz tal-Ftehim tal‑2002, jiġifieri inqas minn għaxar snin bejn l-għoti tal-għajnuna u d-data ta’ meta l-Kummissjoni bagħtet l-ewwel talba għal informazzjoni lir-Renju tal-Belġju, fl‑20 ta’ April 2011, b’tali mod li din il-premessa hija żbaljata.
85
Minn dan jirriżulta li anki t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-iżball ta’ liġi, fuq l-iżball ta’ fatt u fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fil-klassifikazzjoni tal-ILS bħala investiment ta’ natura ekonomika kif ukoll fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni fil-klassifikazzjoni tal-ILS bħala investiment ta’ natura ekonomika
86
Permezz tat-tielet motiv tagħha r-rikorrenti tilmenta, essenzjalment, li l-Kummissjoni, fil-kuntest tal-ewwel parti, wettqet żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-klassifikazzjoni tal-ILS bħala investiment ta’ natura ekonomika kif ukoll fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni fil-klassifikazzjoni tal-ILS bħala investiment ta’ natura ekonomika.
87
Skont ir-rikorrenti, l-ILS hija sistema li tippermetti li l-ajruplani javviċinaw ir-runway tal-illandjar b’viżibbiltà ħażina. Din is-sistema sħiħa hija magħmula essenzjalment minn tliet partijiet: l-ewwel parti, jiġifieri l-“localizer”, tiżgura l-pilotaġġ laterali tal-ajruplan, it-tieni parti, jiġifieri l-“glide slope”, tiżgura l-pilotaġġ vertikali tal-ajruplan u t-tielet parti, jiġifieri l-“markaturi tad-distanza”, tissenjala l-avviċinament tar-runway. Għalhekk, l-ILS għandha titqies bħala tagħmir indispensabbli għan-navigazzjoni bl-ajru u għas-sigurtà b’mod ġenerali, is-sigurtà u t-tqegħid f’konformità tar-runways u tal-installazzjonijiet. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tirreferi għall-klassifikazzjoni mogħtija lil din is-sistema mill-Belgocontrol (korp Belġjan tal-kontroll tal-ajru) kif ukoll mill-Eurocontrol. Barra minn hekk, hija tirreferi għar-riferimenti dwar l-ILS fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2096/2005 tal‑20 ta’ Diċembru 2005 li jistabbilixxi rekwiżiti komuni għall-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru (ĠU 2008, L 338M, p. 246), fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 859/2008 tal‑20 ta’ Awwissu 2008 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 dwar il-ħtiġijiet tekniċi komuni u l-proċeduri amministrattivi li japplikaw għat-trasport kummerċjali bl-ajruplan (ĠU 2008, L 254, p. 1), fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 tal‑5 ta’ Ottubru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2012, L 296, p. 1), u fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 139/2014 tat‑12 ta’ Frar 2014 li jistabbilixxi rekwiżiti u proċeduri amministrattivi b’rabta mal-ajrudromi skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 44, p. 1). Ir-rikorrenti tippreċiża li, peress li l-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru huwa kklassifikat bħala servizz mhux ekonomiku fir-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Marzu 2004 dwar il-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni ta’ l-ajru fl-ajru uniku Ewropew (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 31), kif ukoll fil-linji gwida, l-ILS bħala strument neċessarju għan-navigazzjoni bl-ajru ma hijiex ta’ natura ekonomika. Il-fatt li l-installazzjoni tal-ILS ma hijiex legalment meħtieġa ma jibdel xejn.
88
Iktar minn hekk, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni ma mmotivatx ir-raġunijiet għaliex l-ILS ta’ kategorija III ma tagħmilx parti mit-tagħmir neċessarju għan-navigazzjoni bl-ajru li ma huwiex ta’ natura ekonomika.
89
Fil-kuntest tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-dwal tar-runways kienu wkoll attività ta’ natura mhux ekonomika.
90
Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.
91
Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni qieset, fil-premessa 367 tad-deċiżjoni kkontestata, dan li ġej:
“Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tqis ekonomiċi l-investimenti u t-tiswijiet il-kbar relatati mas-sistema ILS ta’ Kategorija III u mad-dwal tar-runways. Fil-fatt, dawn l-ispejjeż mhumiex marbuta ma xi prerogattiva ta’ awtorità pubblika, iżda huma inerenti għall-operat kummerċjali tal-infrastrutturi, li jinvolvi li l-infrastrutturi jitqiegħdu għad-disponibbiltà tal-kumpaniji tal-ajru f’kundizzjonijiet ta’ sikurezza sodisfaċenti. B’mod partikolari, l-iżgurar tas-sikurezza tat-traffiku fuq l-art (inkluż waqt l-inżul u t-tlugħ) jagħmel parti integrali mill-operat kummerċjali tal-ajruport u għaldaqstant huwa ekonomiku. Fid-deċiżjoni reċenti tal-Kummissjoni dwar l-ajruport ta’ Marsilja, is-sikurezza tal-operat ġiet eskluża mill-kamp tal-attivitajiet ‘mhux ekonomiċi’”.
92
B’mod preliminari, għandu jiġi nnotat li r-rikorrenti ma kkontestatx il-konstatazzjoni magħmula mill-Kummissjoni li tgħid li l-ILS u d-dwal tar-runways kienu tagħmir separat.
93
Issa, fir-rigward tad-dwal tar-runways, ir-rikorrenti, bħalma enfasizzat ġustament il-Kummissjoni, li tqajjem l-inammissibbiltà ta’ din il-parti, ma ppreżentat l-ebda argument li jgħid li dawn kienu attività ta’ natura mhux ekonomika.
94
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut u skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kwistjoni, il-motivi u l-argumenti invokati u jkun fih espożizzjoni fil-qosor tal-imsemmija motivi.
95
Skont ġurisprudenza stabbilita, din l-informazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti li l-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra sabiex issostniha. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ir-rikors ikun ibbażat jirriżultaw, almenu fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jistgħu jinftiehmu sewwa, mit-test tar-rikors innifsu (digriet tas‑7 ta’ Novembru 2013, Arbos vs Il-Kummissjoni, C‑615/12 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:742, punt 33; ara wkoll is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2012, Arbos vs Il-Kummissjoni, T‑161/06, mhux ippubblikata, EU:T:2012:573, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).
96
Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, dwar dan il-punt, ma hijiex konformi mal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, sa fejn ir-rikorrenti kkuntentat ruħha li tinvoka n-natura mhux ekonomika tal-operazzjoni ta’ illuminazzjoni tar-runways, iżda ma invokat l-ebda argument f’dan is-sens. Minn dan jirriżulta li t-tieni parti tat-tielet motiv għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.
97
Fir-rigward tal-eżami tal-argumenti tar-rikorrenti insostenn tan-natura mhux ekonomika tal-ILS ta’ kategorija III, hemm lok li jitfakkar li kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ prodotti jew servizzi f’suq partikolari tikkostitwixxi attività ekonomika (sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, C‑82/01 P, EU:C:2002:617, punt 79), fejn din tal-aħħar tipprekludi dawk li jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika.
98
Għalhekk, f’dan il-każ, għandu jiġi ddeterminat jekk l-attività inkwistjoni tintrabatx, min-natura tagħha, mis-suġġett tagħha u mir-regoli li hija suġġetta għalihom, mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi li huma tipiċi ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Jannar 1994, SAT Fluggesellschaft, C‑364/92, EU:C:1994:7, punt 30).
99
F’dan ir-rigward, l-attivitajiet ta’ kontroll u ta’ superviżjoni tal-ispazju tal-ajru tipikament jikkostitwixxu attivitajiet li jaqgħu taħt l-awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Jannar 1994, SAT Fluggesellschaft, C‑364/92, EU:C:1994:7, punt 30, u tas‑26 ta’ Marzu 2009, SELEX Sistemi Integrati vs Il-Kummissjoni, C‑113/07 P, EU:C:2009:191, punt 71).
100
Għandu jitfakkar li l-ILS ta’ kategorija III hija, bħalma ddefinixxietha l-Kummissjoni mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, strument ta’ avviċinament lejn l-art li juża s-sinjal tar-radju biex iżid il-preċiżjoni tal-illandjar ta’ ajruplan li javviċina runway tal-illandjar, li jippermetti għalhekk illandjar mingħajr riskju f’kundizzjonijiet meteoroloġiċi sfavorevoli.
101
Bħalma jirriżulta mit-tweġibiet tar-rikorrenti u ta’ Sowaer, insostenn tar-rikorrenti matul is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali kif ukoll minn elementi tal-proċess, dan huwa strument utli għan-navigazzjoni bl-ajru fil-fażi tal-illandjar, saħansitra neċessarju jew indispensabbli għal ċerti ajruporti b’kunsiderazzjoni tan-natura tat-traffiku tagħhom, minkejja li ma huwiex obbligatorju skont l-istandards Belġjani jew internazzjonali ta’ sigurtà applikabbli fis-settur tan-navigazzjoni bl-ajru. Ajruport mhux mgħammar b’tali tagħmir jista’ jispiċċa f’sitwazzjoni fejn il-kumpanniji tal-ajru jeżitaw milli jaqduh regolarment minħabba diffikultajiet ta’ llandjar li jistgħu jseħħu f’każ ta’ kundizzjonijiet meteoroloġiċi sfavorevoli.
102
Madankollu, dan l-istrument, anki kieku kien obbligatorju u minkejja li ma jistax jiġi kkontestat li dan jikkontribwixxi, bħal sistemi oħrajn, għas-sigurtà tal-illandjar, la jikkontribwixxi għall-kontroll u għas-superviżjoni tal-ispazju tal-ajru, bħalma ammettew matul is-seduta r-rikorrenti u l-intervenjenti insostenn tagħha, u lanqas għal xi prerogattiva oħra ta’ awtorità pubblika li tista’ tiġi eżerċitata f’ajruport. Dan jikkontribwixxi għall-għoti tas-servizzi li ajruport ċivili joffri, f’kuntest kompetittiv, lill-kumpanniji tal-ajru fil-kuntest tal-attività ġenerali tiegħu li hija attività ta’ natura ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, C‑82/01 P, EU:C:2002:617, punt 78).
103
Sussegwentement, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma kkontestatx l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-effett tal-assenza ta’ tali tagħmir huwa biss li, f’ċerti kundizzjonijiet meteoroloġiċi, il-kumpanniji tal-ajru li jiffrekwentaw ajruport iħassru t-titjiriet tagħhom jew jibdlu d-direzzjoni lejn ajruporti oħra li jkollhom tali tagħmir. Għalhekk, ajruport li ma jkunx mgħammar b’ILS ta’ kategorija III jinsab f’sitwazzjoni kompetittiva inqas favorevoli fil-konfront ta’ ajruport li jkun installa tali tagħmir, mingħajr ma din il-konstatazzjoni tippermetti li l-imsemmi tagħmir jevita l-klassifikazzjoni tiegħu bħala attività ta’ natura ekonomika.
104
L-argument tar-rikorrenti li jgħid li r-Renju tal-Belġju, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva ta’ qabel id-deċiżjoni kkontestata, iddikjara li kien iqis is-sistema ILS ta’ kategorija III bħala “element indispensabbli biex wieħed ikun jista’ jilqa’ kumpanniji tal-ajru b’ajruplani bbażati u rotot regolari” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ma jistax jibdel din l-evalwazzjoni.
105
Fil-fatt, attività relatata mal-fatt li ajruport jilqa’ kumpanniji tal-ajru “b’ajruplani bbażati u rotot regolari” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ma tistax timplika li tali attività taqa’ taħt l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika.
106
Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma tistax, ġustament, tinvoka allegat rekwiżit għan-navigazzjoni bl-ajru li jeħtieġ l-ILS ta’ kategorija III sabiex dan it-tagħmir jaqa’ taħt l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika u, għaldaqstant, jevita l-klassifikazzjoni ta’ sistema ta’ natura ekonomika.
107
Din il-konklużjoni ma hija kkontestata bl-ebda mod mill-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti.
108
Il-fatt li, skont ir-rikorrenti, Belgocontrol iqis li l-ILS ta’ kategorija III hija tagħmir ta’ għajnuna għan-navigazzjoni u li Eurocontrol jiddefinixxiha bħala waħda minn tliet sistemi ta’ llandjar li jippermettu kapaċità ta’ avviċinament preċiż f’termini ta’ navigazzjoni ma jimplikax li dan it-tagħmir huwa relatat ma’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-punt 102 iktar ’il fuq.
109
Ir-riferiment għall-punt 14 tal-Anness I għar-Regolament Nru 965/2012, li jgħid li “operazzjoni tal-kategorija III […] tuża ILS” jikkonċerna biss definizzjoni għall-finijiet tar-rekwiżiti tekniċi preskritti fl-imsemmi regolament. L-istess jgħodd fir-rigward tar-riferiment li jinsab fis-Subparti E tal-Anness għar-Regolament Nru 859/2008, li jissostitwixxi l-Anness III għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 tas‑16 ta’ Diċembru 1991 dwar l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet tekniċi u proċeduri amministrattivi fil-qasam ta’ l-avjazzjoni ċivili (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 348).
110
Fl-aħħar nett, għalkemm huwa veru li l-operatur ta’ ajruport għandu jiżgura li jiġu stabbiliti u implementati mezzi u proċeduri bl-għan li jiġu ggarantiti kundizzjonijiet ta’ sigurtà għall-“operazzjonijiet tal-ajrudrom matul il-kundizzjonijiet b’viżibilità baxxa” [l-Anness IV għar-Regolament Nru 139/2014, Parti ADR.OPS.B.045, “Operazzjonijiet f’viżibilità baxxa”, punt (a)], madankollu minn dan ma jirriżultax li l-installazzjoni ta’ ILS ta’ kategorija III tikkontribwixxi għall-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-punt 102 iktar ’il fuq.
111
Ir-rikorrenti ssostni għal darba oħra li, bħala tagħmir għan-navigazzjoni bl-ajru, l-ILS ta’ kategorija III ma hijiex ta’ natura ekonomika, peress li, skont il-premessa 5 tar-Regolament Nru 550/2004, “[i]l-forniment ta’ servizzi ta’ traffiku ta’ l-ajru, kif ipprevedut [mir]-Regolament, huwa konness ma’ l-eżerċizzju tal-poteri (setgħat) [mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi] ta’ awtorita pubblika, li m’humiex ta’ natura ekonomika li tiġġustifika l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni tat-Trattat”.
112
F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi nnotat li r-Regolament Nru 550/2004 jifforma parti mill-kuntest tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien ta’ l-Ajru Uniku Ewropew (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 23), li l-Artikolu 2 tiegħu jiddefinixxi diversi kunċetti. Mill-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 549/2004 jirriżulta li s-“servizzi ta’ navigazzjoni ta’ l-ajru” jinkludu “servizzi ta’ traffiku ta’ l-ajru; servizzi ta’ komunikazzjoni, navigazzjoni u sorveljanza; servizzi meteoroloġiċi għal navigazzjoni ta’ l-ajru [u servizzi ta’ informazzjoni aeronawtika]”. L-Artikolu 2(30) tar-Regolament Nru 549/2004 jiddefinixxi s-“servizzi ta’ navigazzjoni” bħala “[l]-faċilitajiet u servizzi li jipprovdu lill-ajruplani b’informazzjoni dwar pożizzjoni u ħin propizju”. Dawn is-servizzi ta’ navigazzjoni għalhekk huma distinti mis-“servizzi ta’ traffiku ta’ l-ajru”, iddefiniti fl-Artikolu 2(11) tar-Regolament Nru 549/2004, li jinkludu, b’mod partikolari, is-“servizzi ta’ KTA [servizz ta’ kontroll tan-navigazzjoni bl-ajru]”, iddefinit huwa nnifsu fl-Artikolu 2(1) ta’ dan l-istess regolament bħala intiż li jimpedixxi kolliżjonijiet bejn ajruplani kif ukoll li jħaffef u jżomm fluss bl-ordni ta’ traffiku tal-ajru. Kemm is-“servizzi ta’ navigazzjoni” kif ukoll is-“servizzi ta’ traffiku ta’ l-ajru” huma, bħalma ġie indikat preċedentement, inklużi fis-“servizzi ta’ navigazzjoni ta’ l-ajru”. Tagħmir bħall-ILS ta’ kategorija III, li jagħti lill-inġenji tal-ajru informazzjoni dwar il-pożizzjonament fil-konfront tar-runway għall-illandjar tagħhom, jaqa’ b’mod ċar taħt servizzi ta’ navigazzjoni, fis-sens ta’ hawn fuq.
113
Issa, għalkemm il-premessa 5 tar-Regolament Nru 550/2004, invokata mir-rikorrenti, tidher li tindika li s-“servizzi ta’ navigazzjoni ta’ l-ajru” jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, il-premessa 13 tal-istess regolament, b’mod iktar speċifiku, tindika espliċitament li s-“servizzi ta’ navigazzjoni”, bħal ċerti servizzi oħra ta’ navigazzjoni bl-ajru, għandhom jiġu organizzati taħt kundizzjonijiet tas-suq, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċjali ta’ dawn is-servizzi u jinżamm livell għoli ta’ sigurtà. Fil-fatt mid-diversi dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament jirriżulta li l-ħatra ta’ fornituri ta’ servizzi tat-traffiku tal-ajru jew ta’ fornituri ta’ servizzi meteoroloġiċi tista’ ssir barra mill-prinċipji tas-suq, iżda l-ebda dispożizzjoni tal-istess natura ma tapplika għas-servizzi ta’ navigazzjoni. Konsegwentement, minkejja n-natura ġeneralizzata tagħha, il-premessa invokata mir-rikorrenti ma twassal għall-ebda dispożizzjoni konkreta li tista’ twassal biex jitqies li l-ILS ta’ kategorija III, tagħmir ta’ servizzi ta’ navigazzjoni, taqa’ taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika u mhux taħt attività ekonomika li tiġi eżerċitata taħt kundizzjonijiet tas-suq.
114
Mill-bqija, hija ġurisprudenza stabbilita li l-premessi ta’ att tal-Unjoni ma għandhomx forza legali vinkolanti u ma jistgħux jiġu utilment invokati biex issir deroga mid-dispożizzjonijiet stess tal-att ikkonċernat (ara s-sentenza tat‑2 ta’ April 2009, Tyson Parketthandel, C‑134/08, EU:C:2009:229, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata) jew, a fortiori, mir-regoli stabbiliti fit-Trattat FUE, bħall-Artikoli 107 u 108 TFUE li jikkonċernaw l-għajnuna mogħtija mill-Istati, b’mod partikolari billi jiġi limitat il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom fil-konfront ta’ dak li jirriżulta mill-interpretazzjoni tal-qorti tal-Unjoni tal-formulazzjoni tagħhom u tal-iskop tagħhom.
115
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tirreferi għall-paragrafu 35 tal-linji gwida li minnu jirriżulta li, “[f]’ajruport, attivitajiet bħall-kontroll tat-traffiku tal-ajru, il-pulizija, id-dwana, it-tifi tan-nar u attivitajiet neċessarji għas-salvagwardja tal-avjazzjoni ċivili kontra atti ta’ interferenza illegali u l-investimenti relatati mal-infrastruttura u t-tagħmir neċessarju biex jitwettqu dawn l-attivitajiet huma ġeneralment meqjusa bħala ta’ natura mhux ekonomika”.
116
Madankollu, minbarra li l-paragrafu 35 tal-linji gwida ma jirreferix għat-tagħmir jew l-installazzjonijiet ta’ avviċinament lejn l-art, ir-rikorrenti ma kkontradixxietx l-osservazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li tagħmir ma għandux neċessarjament jiġi kklassifikat bħala mhux ekonomiku minħabba li jsaħħaħ is-sigurtà.
117
Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni, billi kklassifikat l-ILS ta’ kategorija III bħala sistema ta’ natura ekonomika, ma wettqitx l-iżball ta’ evalwazzjoni invokat mir-rikorrenti.
118
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni ma mmotivatx biżżejjed ir-raġunijiet għaliex is-sistema ILS ta’ kategorija III hija ta’ natura ekonomika, anki dan għandu jiġi miċħud.
119
Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, minbarra li l-premessa 367 tad-deċiżjoni kkontestata turi b’mod ċar li, skont il-Kummissjoni, “l-iżgurar tas-sikurezza tat-traffiku fuq l-art (inkluż waqt l-inżul u t-tlugħ) jagħmel parti integrali mill-operat kummerċjali tal-ajruport u għaldaqstant huwa ekonomiku”, l-espożizzjoni nnifisha tat-tielet motiv mir-rikorrenti tikkonferma, b’mod suffiċjenti, li din fehmet perfettament ir-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni kienet qieset li l-ILS ta’ kategorija III kellha titqies bħala li hija ta’ natura ekonomika. Il-premessa 367 tad-deċiżjoni kkontestata għalhekk ippermettiet li r-rikorrenti tkun taf il-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata u li l-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha fuqhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2004, Thermenhotel Stoiser Franz et vs Il-Kummissjoni, T‑158/99, EU:T:2004:2, punt 94).
120
Minn dak kollu li ntqal, jirriżulta li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud.
Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-iżball ta’ fatt u fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-perċentwali ta’ 7 % li jikkorrispondi għall-użu mhux ekonomiku tal-ispiża ta’ investimenti magħmula għat-terminal il-ġdid kif ukoll fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni fit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan il-perċentwali
121
Permezz tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni, minn naħa, wettqet żball ta’ fatt u żball manifest ta’ evalwazzjoni fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-perċentwali li jikkorrispondi għall-użu mhux ekonomiku tal-ispiża ta’ investimenti magħmula għat-terminal il-ġdid u, min-naħa l-oħra, wettqet nuqqas ta’ motivazzjoni fit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan il-perċentwali.
122
Ir-rikorrenti, essenzjalment, tikkritika lill-Kummissjoni, fir-rigward tat-terminal il-ġdid tal-ajruport, li użat kriterju ta’ tqassim ħażin biex tagħmel distinzjoni bejn l-attivitajiet mhux ekonomiċi u l-attivitajiet ekonomiċi. Hija ssostni għalhekk li min-nota tagħha kkomunikata lill-Kummissjoni fit‑8 ta’ April 2014 jirriżulta li t-tqassim huwa ta’ 14.9 % għall-postijiet li l-użu tagħhom huwa ta’ natura mhux ekonomika u ta’ 85.1 % għall-postijiet li l-użu tagħhom huwa ta’ natura ekonomika.
123
Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.
124
Hemm lok li jitfakkar li l-Kummissjoni qieset, fil-premessa 366 tad-deċiżjoni kkontestata, dan li ġej:
“Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li mhumiex ekonomiċi l-ispejjeż relatati mal-investimenti u mal-manutenzjoni tal-bini u t-tagħmir użati kemm għal attivitajiet ekonomiċi u mhux ekonomiċi fi proporzjon korrispondenti għall-użu tagħhom għal attività mhux ekonomika. B’mod partikolari, 7 % tal-kost tal-investimenti magħmula għat-terminal il-ġdid jistgħu jitqiesu bħala mhux ekonomiċi, peress li 7 % tal-erja [taż-żona] tat-terminal hija okkupata mis-servizzi tal-pulizija, tad-dwana, uffiċjali inkarigati mit-tiftix fuq il-passiġġieri u fil-bagalji, kif ukoll uffiċjali tas-Servizz Pubbliku tal-Vallonja [tal-Wallonie] inkarigati mis-sikurezza tas-sit.”
125
B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-qasam tal-għajnuna mill-Istat, għalkemm il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika li għandhom iseħħu fil-kuntest tal-Unjoni Ewropea, dan ma jimplikax li l-qorti tal-Unjoni għandha tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni li l-Kummissjoni għamlet tad-data ta’ natura ekonomika (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punt 64).
126
Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex tivverifika biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, il-kredibbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jsostnu l-konklużjonijiet mislutin minnha (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punt 65; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, EU:C:2005:87, punt 39).
127
Madankollu, il-qorti tal-Unjoni ma tistax, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tal-Kummissjoni bl-evalwazzjoni ekonomika tagħha. Fil-fatt, l-istħarriġ li l-qrati tal-Unjoni jeżerċitaw fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi li saru mill-Kummissjoni huwa stħarriġ limitat li neċessarjament jillimita ruħu għal verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u tal-motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, meta jkun hemm lok, għall-Kummissjoni, sabiex tivverifika jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, li tapplika l-kriterju ta’ investitur privat, l-użu ta’ dan il-kriterju jimplika, ġeneralment, minn naħa tal-Kummissjoni, evalwazzjoni ekonomika kumplessa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punt 68).
128
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kriterji li jirrigwardaw il-portata tal-livell ta’ stħarriġ irrikonoxxut mill-ġurisprudenza lill-qrati tal-Unjoni li għandhom jiġu eżaminati r-raba’ sas-seba’ motivi tar-rikors.
129
Għandu jiġi kkonstatat, diġà, li r-rikorrenti ma kkontradixxietx id-dikjarazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fir-risposta li tgħid li r-Renju tal-Belġju kien informaha, fi tliet darbiet (permezz tal-ittri tal‑24 ta’ Frar, tal-21 ta’ Marzu u tal-4 ta’ April 2014), li l-ispiża tal-investimenti mhux ekonomiċi tat-terminal il-ġdid kienet telgħet għal 7 % tal-ispiża totali tal-investiment magħmul.
130
Fin-nota tagħha tat‑8 ta’ April 2014 ikkomunikata lill-Kummissjoni, li kienet tispjega li 14.9 % taż-żoni tat-terminal il-ġdid kienu ta’ natura mhux ekonomika, ir-rikorrenti żiedet, mal-postijiet okkupati esklużivament mill-pulizija federali u minn servizzi oħra li jwettqu kompiti ta’ awtorità pubblika jew ta’ sigurtà, li hija kklassifikat bħala postijiet bi skop ta’ “kompitu ta’ servizz pubbliku” u li kienu jirrappreżentaw 7 % taż-żoni tat-terminal, 7 % taż-żoni okkupati mill-installazzjonijiet tekniċi, bħal dawk iddedikati għat-tisħin, 7 % taż-żoni ta’ moviment ta’ kuljum, bħal dawk li jikkorrispondu għat-turġien u l-kurituri, li hija kklassifikat bħala postijiet “komuni tal-ajruport”, u 100 % taż-żoni li fihom kienu jitwettqu fir-rigward tal-pubbliku jew tal-merkanzija l-kompiti ta’ awtorità pubblika jew ta’ sigurtà bħal dawk imsemmija preċedentement, bħal dawk iddedikati għall-kontroll tal-passaporti, li hija kklassifikat bħala postijiet “komuni pubbliċi”.
131
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm, bħalma indikat ir-rikorrenti bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali matul is-seduta, il-passiġġieri jgħaddu mill-kurituri għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-kontrolli doganali, b’mod partikolari, min-naħa l-oħra, l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika bl-ebda mod ma jitwettaq f’dawn il-kurituri, iżda biss fil-postijiet allokati b’mod speċjali għal dawn il-kontrolli. Barra minn hekk, il-postijiet ta’ passaġġ kif ukoll il-kafetteriji ma jistgħux, bħalma indikat ġustament il-Kummissjoni matul is-seduta, jitqiesu bħala postijiet li fihom jiġu eżerċitati prerogattivi ta’ awtorità pubblika.
132
Għalhekk, ir-raġuni li għaliha l-metodoloġija li r-rikorrenti segwiet biex tiddetermina kriterji ta’ tqassim hija iktar xierqa minn dik li ngħatat fi tliet darbiet (permezz tal-ittri tal‑24 ta’ Frar, tal-21 ta’ Marzu u tal-4 ta’ April 2014), mir-Renju tal-Belġju u li ġiet aċċettata mill-Kummissjoni, ma tirriżultax mill-eżami taċ-ċirkustanzi tal-każ.
133
Dwar dan il-punt, għandu jiġi nnotat li, kuntrarjament għal dak li sostniet ir-rikorrenti matul is-seduta, it-tqassim ta’ 7 % għall-postijiet li l-użu tagħhom huwa ta’ natura mhux ekonomika ma huwiex stima ambigwa jew immaġinattiva tal-Gvern Belġjan, peress li, bħalma jirriżulta mit-tweġiba tal-Gvern Belġjan għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni tal‑11 ta’ Marzu 2014, “il-pjanjiet […] servew ta’ bażi għal dan il-kalkolu”.
134
Matul is-seduta, ir-rikorrenti sostniet għal darba oħra li l-ajruport ta’ Charleroi kien ajruport f’evoluzzjoni kostanti, kuntrarjament għall-ajruporti l-kbar bħal Pariġi-Charles-de-Gaulle (Franza) jew Londra-Heathrow (ir-Renju Unit), fejn in-numru ta’ passiġġieri kien ilu kostanti għal 20 sena, b’tali mod li l-proporzjon tal-postijiet għal użu mhux ekonomiku kien qiegħed jevolvi fl-ajruport ta’ Charleroi.
135
Madankollu, anki jekk jiġi preżunt li din l-affermazzjoni tkun ipprovata, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li ssemmi evoluzzjoni tal-ajruport ta’ Charleroi bejn it-tliet ittri tal-Gvern Belġjan tal‑24 ta’ Frar, tal-21 ta’ Marzu u tal-4 ta’ April 2014 u n-nota rispettiva tagħha tat‑8 ta’ April 2014, jiġifieri erbat ijiem wara l-aħħar ittra tal-imsemmi gvern.
136
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma tistax titqies bħala li wettqet żball ta’ fatt jew żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset, fuq il-bażi tad-data proprja li ġiet ipprovduta lilha mir-Renju tal-Belġju, li 7 % taż-żona totali tal-ajruport kienet iddedikata għall-attivitajiet ta’ natura mhux ekonomika u meta ma rreferietx għan-nota tat‑8 ta’ April 2014 fid-deċiżjoni kkontestata.
137
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar dan il-punt, għandu jiġi nnotat li l-premessa 366 tad-deċiżjoni kkontestata turi b’mod ċar il-kriterju ta’ tqassim użat mill-Kummissjoni, li, bħalma ġie kkonstatat preċedentement, ġie pprovdut fi tliet darbiet mill-Gvern Belġjan. Barra minn hekk, minkejja li, fil-premessa 366 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma semmietx in-nota tar-rikorrenti tat‑8 ta’ April 2014, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li mill-premessa 22 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din tal-aħħar tirrigwarda espressament in-nota tal-awtoritajiet Belġjani tal‑5 ta’ Mejju 2014, li tippreċiża li “l-perċentwali taż-żoni allokati għas-servizzi pubbliċi mhux ekonomiċi meta mqabbla mal-postijiet allokati għal attivitajiet ekonomiċi jitla’ għal 14.9 %”, u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni mmotivat b’mod ċar ir-raġunijiet għaliex id-data pprovduta mir-Renju tal-Belġju fi tliet darbiet (permezz tal-ittri tal‑24 ta’ Frar, tal-21 ta’ Marzu u tal-4 ta’ April 2014) kellha tiġi kkonfermata, fatt li neċessarjament ippermetta li r-rikorrenti tifhem ir-raġunijiet għaliex id-data rispettiva tagħha ma setgħetx tiġi kkonfermata u li l-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha. Fil-fatt, billi indikat li “7 % tal-kost tal-investimenti magħmula għat-terminal il-ġdid jistgħu jitqiesu bħala mhux ekonomiċi, peress li 7 % tal-erja [taż-żona] tat-terminal hija okkupata mis-servizzi tal-pulizija, tad-dwana, uffiċjali inkarigati mit-tiftix fuq il-passiġġieri u fil-bagalji, kif ukoll uffiċjali tas-Servizz Pubbliku tal-Vallonja [tal-Wallonie] inkarigati mis-sikurezza tas-sit”, il-Kummissjoni, essenzjalment, ippreċiżat li huma biss l-ispejjeż marbuta intrinsikament u neċessarjament ma’ tali servizzi li huma ta’ natura mhux ekonomika, fatt li r-rikorrenti, barra minn hekk, fehmet perfettament, bħalma jirriżulta mill-argumenti li hija ressqet insostenn ta’ dan il-motiv.
138
Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.
Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq l-iżball ta’ liġi, fuq l-iżbalji ta’ fatt, fuq l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fid-determinazzjoni tal-valuri attwalizzati netti tal-miżuri tal‑2002 u tal‑2003 li jwasslu għal ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE
139
Permezz tal-ħames motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta, essenzjalment, l-evalwazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq magħmula mill-Kummissjoni. Fil-fehma tagħha, kemm il-metodu kif ukoll ċerti fatturi ta’ kalkolu użati mill-Kummissjoni huma żbaljati. Dan il-motiv huwa maqsum f’seba’ partijiet.
140
Qabel ma jiġu eżaminati d-diversi partijiet tal-ħames motiv, hemm lok li tingħata tweġiba, b’mod preliminari, għall-ilment tar-rikorrenti li jgħid li l-istudju tal‑2001, intitolat “Risk Premiums for Other Markets” (Primjums ta’ riskju għal swieq oħra), ma kienx aċċessibbli fuq l-indirizz elettroniku msemmi mill-Kummissjoni.
141
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, minbarra li dan l-istudju kien imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna mdaħħla taħt il-premessa 437 tad-deċiżjoni kkontestata, fi kwalunkwe każ, iċ-ċirkustanza li l-indirizz elettroniku korrispondenti msemmi mill-Kummissjoni ma kienx aċċessibbli ma hijiex ta’ natura li trendi, f’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata bħala mhux immotivata biżżejjed dwar dan il-punt.
– Fuq l-ewwel parti, li tirrigwarda l-kalkolu tal-ispejjeż tal-investimenti li kienu għadhom iridu jsiru fil‑15 ta’ April 2002
142
Fil-premessa 431 tad-deċiżjoni kkontestata, hemm it-Tabella 13, intitolata “Kost [Spiża] tal-investimenti li kienu għadhom iridu jsiru fil‑15 ta’ April 2002 (EUR miljun)”. Din it-tabella fiha l-intestaturi li ġejjin:
143
Ir-rikorrenti ssostni li l-aħħar kolonna tat-tabella msemmija fil-punt 142 iktar ’il fuq fiha xi żbalji.
144
Fir-risposta, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li ċerta data f’ċifri li tinsab f’din it-tabella kienet żbaljata. Hija tiddikjara, madankollu, li, bl-eċċezzjoni tal-iżbalji msemmija mir-rikorrenti, l-ammonti riportati sena wara sena kif ukoll it-totali tat-Tabella 13 huma korretti. Il-valur attwalizzat nett tal-miżura tal‑2002 ġie kkalkolat fuq il-bażi tat-Tabella 14, intitolata “Spiża tal-investimenti ekonomiċi kkunsidrati mill-Kummissjoni għall-kalkolu tal-valur preżenti [attwalizzat] nett tal-miżura tal‑2002”, li fiha hemm id-data f’ċifri korretta. Għaldaqstant, skont il-Kummissjoni, l-ineżattezzi nnotati fit-Tabella 13 ma kellhom l-ebda effett fuq it-total tal-investimenti riprodotti fit-Tabella 13 u, għalhekk, fuq il-kalkolu tal-valur attwalizzat.
145
Fir-rettifika tagħha, il-Kummissjoni pproċediet għar-rettifika tad-data f’ċifri kkonċernata (1.78 > 1.55, 0.62 > 0.27 u 0.05 > 0.03).
146
Għalkemm tali żbalji huma sfortunati, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tikkontestax li l-iżbalji kkonċernati ma kellhom l-ebda effett fuq il-kalkolu tal-valur attwalizzat nett tal-miżura tal‑2002, skont il-metodu u l-valuri użati mill-Kummissjoni. Meta ġiet mistoqsija dwar dan il-punt matul is-seduta mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tindika l-influwenza li dawn l-iżbalji kellhom fuq il-kalkolu tal-valur attwalizzat nett tal-miżura tal‑2002.
147
Minn dan jirriżulta li l-ewwel parti tal-ħames motiv hija ineffettiva u konsegwentement għandha tiġi eskluża.
– Fuq it-tieni parti, relatata mal-metodu ta’ kalkolu tal-valuri attwalizzati netti
148
Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żbalji fil-kalkolu tal-valur attwalizzat nett tal-flussi ta’ likwidità bir-rata ta’ skont ta’ 9 % u tal-valur attwalizzat nett tal-miżura tal‑2002.
149
Filwaqt li, għall-miżura tal‑2002, il-Kummissjoni, fil-premessa 438 tad-deċiżjoni kkontestata, kisbet valur attwalizzat nett tal-flussi ta’ likwidità bir-rata ta’ skont ta’ 9 % ta’ EUR – 76.48 miljun u valur attwalizzat nett tal-miżura tal‑2002 ta’ EUR – 75 miljun, l-esperti b’mandat mir-rikorrenti kisbu valur attwalizzat nett tal-flussi ta’ likwidità bl-istess rata ta’ skont ta’ EUR [kunfidenzjali] ( 1 ) miljun u valur attwalizzat nett tal-imsemmija miżura ta’ EUR [kunfidenzjali] miljun.
150
Fir-risposta, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-ammont ta’ EUR – 83.75 miljun kien korrett u li l-valur attwalizzat nett kien jitla’ għas-somma ta’ EUR [kunfidenzjali] miljun. Id-differenza bejn l-ammonti ta’ EUR [kunfidenzjali] miljun u ta’ EUR [kunfidenzjali] miljun kienet ir-riżultat ta’ żewġ żbalji fattwali li r-rikorrenti ma kinitx ikkontestat.
151
Għandu jitfakkar li, fil-premessi 437 sa 439 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għamlet il-konstatazzjonijiet li ġejjin:
“(437)
Kif spjegat fil-premessa 424, sabiex tiddetermina r-rata ta’ skont, il-Kummissjoni stmat l-ispiża medja ponderata tal-kapital għal SOWAER meta ngħatat il-miżura. Din l-istima saret mid-dejta u s-suppożizzjonijiet li ġejjin:
–
proporzjon tad-dejn/ekwità ta’ 30 % ta’ SOWAER u għalhekk porzjon tad-dejn fil-finanzjament (rD) ta’ 23 %;
–
spiża qabel it-taxxa tad-dejn (kD) ugwali għall-ispiża qabel it-taxxa medja ponderata tad-dejn ta’ SOWAER fl‑2002, jiġifieri bejn 4,9 % u 5,5 %;
–
primjum tar-riskju (Δk) ta’ 5,51 %;
–
beta bejn 0,91 u 1,23;
–
f’dak li jirrigwarda l-ispiża tal-ekwità, spiża qabel it-taxxa tal-kapital pożizzjonat mingħajr riskju (rf) bejn 5,16 % u 5,37 %;
–
rata ta’ taxxa (t) ta’ 40,2 %.
Fuq il-bażi ta’ din id-dejta u suppożizzjonijiet, il-Kummissjoni tista’ tikkalkula l-ispiża medja ponderata tal-kapital (K), skont il-formula klassika li ġejja:
C = (1 – rD) × kE + rD × kD
Fejn l-ispiża tal-kapital (kE) hija mogħtija permezz tal-mudell ta’ valutazzjoni tal-assi finanzjarji (MEDAF) skont il-formula:
kE = rf + β × Δk
Fuq il-bażi ta’ din il-formula u tas-suppożizzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni tqis li rata ta’ skont ta’ 9 % hija rata raġonevoli.
[…]
(438)
Il-flussi ta’ flus [likwidità] netti indikati fit-Tabella 19[…] skontati bir-rata ta’ 9 % jirrappreżentaw valur preżenti [attwalizzat] nett ta’ EUR –83,7 miljun.
(439)
Għall-kalkolu tal-valur preżenti nett fuq it-terminu totali tal-konċessjoni, jeħtieġ li jiġi attribwit valur terminali għall-proġett fl‑2015. Dan isir billi wieħed jassumi mill‑2015 fluss ta’ flus ugwali għal dak tal-medja 2013-2015 b’żieda ta’ 2 % fis-sena. Diment li jkun ipotizzat li l-limitu massimu għall-parti varjabbli tal-imposta ta’ konċessjoni jitneħħa mill‑2016, il-valuri li għandhom ikunu kkunsidrati huma l-flussi ta’ flus mingħajr limitu massimu fl‑2013-2015. Fuq il-bażi ta’ dawn is-suppożizzjonijiet, il-Kummissjoni kkalkulat li l-valur terminali tal-proġett fl‑2015 seta’ jkun stmat għal EUR 8.07 miljun.”
152
Huwa stabbilit li, permezz tar-rettifika tagħha, il-Kummissjoni ssostitwixxiet, fil-premessa 438 tad-deċiżjoni kkontestata, “–76,48” bi “–83,7”, fil-premessa 439 tal-imsemmija deċiżjoni, “1,48” bi “8,07” u, fil-premessa 440 ta’ din id-deċiżjoni, “75” b’“75,63”.
153
Minkejja l-iżbalji mwettqa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tikkontestax l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li d-data f’ċifri rrettifikata kienet inqas favorevoli għar-rikorrenti minn dik li kienet tinsab fid-deċiżjoni kkontestata u li r-rikorrenti lanqas ma kienet ikkontestat l-osservazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-flussi ta’ likwidità netti pożittivi previsti għas-snin 2007 sa 2009 kienu manifestament insuffiċjenti biex jikkontrobilanċjaw il-flussi negattivi ta’ snin oħra, u b’mod partikolari l-investimenti tas-snin 2002 u 2003, fatt li kien wassal sabiex il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ebda investitur privat ma kien jipproċedi għall-investimenti inkwistjoni.
154
Sussegwentement, ir-rikorrenti ssostni li l-konsulenti proprji tagħha kienu kisbu valuri differenti b’mod sinjifikattiv minn dawk tal-Kummissjoni meta pprovaw jirriproduċu l-istess formula u kienu pproponew formuli ta’ sostituzzjoni użati b’mod ġenerali mis-settur finanzjarju, li juri li l-analiżi tal-Kummissjoni setgħet tiġi kkritikata.
155
F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li l-konsulent tar-rikorrenti kiseb riżultati differenti bl-istess formula jew b’formula differenti ma huwiex biżżejjed biex jitqies li l-formula użata għall-kalkolu tal-ispiża medja ponderata tal-kapital għal Sowaer fil-mument tal-għoti tal-miżura magħżula mill-Kummissjoni hija manifestament żbaljata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punt 72).
156
L-argument tar-rikorrenti li jgħid li d-data pprovduta mill-Kummissjoni dwar il-formula ma hijiex preċiża huwa ineffettiv, peress li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-kalkoli tal-konsulent tar-rikorrenti kienu korretti.
157
Ir-rikorrenti tikkritika wkoll lill-Kummissjoni talli ma mmotivatx jew talli mmotivat b’mod insuffiċjenti ħafna l-għażla tal-formula għall-kalkolu tal-ispiża medja ponderata tal-kapital għal Sowaer fil-mument tal-għoti tal-miżura, tal-fatturi u tal-valuri użati u li ma sostnietx id-data inkwistjoni b’rapporti ta’ konsulenti jew ta’ esperti indipendenti.
158
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li la mir-regolament bażiku, jiġifieri r-Regolament Nru 659/1999, u lanqas mill-ġurisprudenza ċċitata mir-rikorrenti ma jirriżulta li l-Kummissjoni għandha l-obbligu ta’ konsultazzjoni ma’ esperti indipendenti biex jiġi ddeterminat il-metodu li jrid jiġi segwit jew biex il-kalkoli tagħha jiġu kkontrollati u vvalidati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il-Kummissjoni, T‑371/94 u T‑394/94, EU:T:1998:140, punt 72; tas‑16 ta’ Marzu 2000, Astilleros Zamacona vs Il-Kummissjoni, T‑72/98, EU:T:2000:79, punt 55, u tas‑16 ta’ Marzu 2016, Frucona Košice vs Il-Kummissjoni, T‑103/14, EU:T:2016:152, punt 177).
159
Fir-rigward tal-ilment li jgħid li d-deċiżjoni kkontestata hija mmotivata b’mod insuffiċjenti, għandu jiġi nnotat li l-formula għall-kalkolu tal-valur attwalizzat nett tal-miżura tal‑2002 u d-data użata ġew riprodotti fil-premessa 437 tad-deċiżjoni kkontestata u li, fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni, il-konsulent tar-rikorrenti seta’ jikkonstata l-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni fl-applikazzjoni ta’ din il-formula, li sussegwentement ġew irrettifikati fis-sens indikat mir-rikorrenti. Minn dan isegwi li din tal-aħħar ma tistax tilmenta b’nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.
160
Minkejja li l-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni fil-premessi 438 sa 440 tad-deċiżjoni kkontestata huma sfortunati u kkomplikaw il-preparazzjoni tad-difiża tar-rikorrenti u l-istħarriġ mill-Qorti Ġenerali tad-deċiżjoni kkontestata, madankollu għandu jiġi kkonstatat li ma jidhirx li d-data f’ċifri rrettifikata hija ta’ natura li tinvalida l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li, f’dan il-każ, il-kriterju tal-operatur privat ma kienx osservat.
161
Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti tindika li hija pproċediet ukoll għall-applikazzjoni tal-istess formula li użat il-Kummissjoni, iżda b’valuri ta’ parametri differenti, dan l-element ser jiġi eżaminat konkretament fil-kuntest tal-eżami tal-partijiet sussegwenti ta’ dan il-motiv, li jikkontestaw speċifikament il-valuri ta’ dawn il-parametri magħżula mill-Kummissjoni.
162
Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda.
– Fuq it-tielet parti, relatata mal-fattur beta
163
Ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ fatt u żball manifest ta’ evalwazzjoni, sa fejn id-definizzjoni tal-fattur beta hija żbaljata. Fil-fehma tagħha, il-fattur beta ma jkejjilx il-“profittabbiltà tal-assi meta mqabbel mas-suq”, iżda l-“volatilità tal-assi meta mqabbel mas-suq”. Hija żżid li l-valuri tal-beta ma jikkorrispondux għall-valuri identifikati mill-konsulent proprju tagħha. Skont ir-rikorrenti, dawn l-approssimazzjonijiet u dawn l-ineżattezzi kellhom impatt fuq il-kalkolu tal-valur attwalizzat nett tal-miżuri tal‑2002 u tal‑2003, peress li l-fattur beta ġie integrat fil-kalkolu tal-ispiża tal-kapital.
164
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi nnotat li, anki jekk jiġi preżunt li d-definizzjoni tal-fattur beta mill-Kummissjoni ma tkunx eżatta, ma jidhirx li dan l-iżball kellu impatt fuq il-kalkoli tal-ispiża tal-kapital u, għaldaqstant, seta’ jinfluwenza l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li investitur privat f’ekonomija tas-suq ma kienx jipproċedi għall-investimenti inkwistjoni. Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li l-konsulent tar-rikorrenti identifika valuri oħra għall-fattur beta ma huwiex biżżejjed biex jiġi stabbilit żball manifest ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni fl-għażla tal-imsemmi fattur.
165
L-argument tar-rikorrenti li jgħid li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tivverifika l-eżattezza tad-data u d-definizzjoni tal-fattur beta riprodott mill-Kummissjoni għandu jiġi miċħud, peress li huwa stabbilit li mill-atti tal-proċess jirriżulta li r-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li tipproċedi għall-verifika tagħhom u tinvoka żball li twettaq fuq il-bażi tat-tabelli kkomunikati fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva.
166
Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li t-tielet parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda.
– Fuq ir-raba’ parti, li tirrigwarda r-rata ta’ taxxa użata għall-kalkolu tal-valur attwalizzat nett tal-miżura tal‑2003
167
Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet, minn naħa, żball ta’ fatt meta użat bħala riferiment rata ta’ taxxa ta’ 40.2 % sabiex tevalwa l-valur attwalizzat nett tal-miżura tal‑2003, minkejja li din ir-rata kienet tnaqqset għal 33.99 % mill‑1 ta’ Jannar 2003, u min-naħa l-oħra, żball manifest ta’ evalwazzjoni meta bbażat l-kalkolu tagħha fuq dan il-valur żbaljat.
168
Fl-istadju tar-risposta, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li r-rata ta’ taxxa ta’ 40.2 % għas-sena 2003 kienet żbaljata, b’tali mod li l-medda tal-fattur beta għal din is-sena kienet tinsab bejn 0.91 u 1.25 minflok bejn 0.91 u 1.23.
169
Għandu jiġi kkonstatat li din il-parti tista’ biss tiġi miċħuda, peress li, f’dan il-każ, ma jidhirx li l-iżball fir-rata ta’ taxxa għas-sena 2003 seta’ influwenza l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li investitur privat f’ekonomija tas-suq ma kienx jipproċedi għall-investimenti inkwistjoni.
– Fuq il-ħames parti, li tirrigwarda l-istima tal-ispiża qabel it-taxxa tal-kapital bla riskju użata għall-kalkolu tal-valur attwalizzat nett
170
Skont ir-rikorrenti, biex tiddetermina l-valur attwalizzat nett tal‑2002, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta rreferiet għar-rata ta’ interessi fuq il-bonds Belġjani għal għaxar snin biex tistma l-ispiża qabel it-taxxa tal-kapital investit bla riskju. Fil-fatt, fil-fehma tagħha, Sowaer setgħet ukoll tirreferi għar-rata ta’ interessi fuq il-bonds Ġermaniżi għal għaxar snin fil-konklużjoni tal‑2002. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-miżura tal‑2003, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-rata rilevanti ta’ April 2003, iżda rata li tikkorrispondi għal April 2002.
171
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tindikax sa fejn ir-riferiment għar-rata ta’ interessi tal-bonds Ġermaniżi għal għaxar snin seta’ jibdel il-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li investitur privat f’ekonomija tas-suq ma kienx jipproċedi għall-investimenti inkwistjoni, jiġifieri sa fejn il-bidla ta’ riferment setgħet twassal għal valur attwalizzat nett pożittiv. Fil-fatt, hija ma indikatx liema kien il-livell tal-valur attwalizzat nett f’din l-ipoteżi meta mqabbel maċ-ċifri ta’ EUR – 83.7 miljun li jinsabu fil-premessa 438 tad-deċiżjoni kkontestata jew ta’ EUR – 75.63 miljun wara l-kalkolu fuq it-tul totali tal-konċessjoni (sal‑2040) li tinsab fil-premessa 440 tal-imsemmija deċiżjoni.
172
Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni stmat l-ispiża qabel it-taxxa tal-kapital investit bla riskju fuq il-bażi tar-rati ta’ interessi għall-bonds Belġjani għal għaxar snin f’April 2003.
173
Fir-replika, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-ammortizzamenti tal-investimenti u tal-interessi, filwaqt li l-impatt ta’ dawn il-vantaġġi fiskali fuq il-qligħ tal-impriżi u l-profittabbiltà tal-investimenti huwa essenzjali.
174
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi nnotat li, b’dan ir-raġunament, ir-rikorrenti tinvoka fil-verità motiv ġdid li la huwa mqajjem b’mod espliċitu u lanqas b’mod impliċitu fir-rikors, b’tali mod li għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.
175
Għall-kompletezza, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma kkontestatx l-argumenti tal-Kummissjoni li jgħidu li l-metodu ta’ sostituzzjoni ppropost sabiex jitqiesu l-aspetti fiskali ma kienx xieraq f’kuntest ta’ telf nett strutturali u dan ma kienx ikun iktar favorevoli għaliha mill-metodu użat mill-Kummissjoni.
176
Minn dak li ntqal iktar ‘il fuq jirriżulta li l-ħames parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda.
– Fuq is-sitt parti, li tirrigwarda l-istima tal-proporzjon tad-dejn fuq l-ekwità u tas-sehem mid-dejn fil-finanzjament użat għall-kalkolu tal-valur attwalizzat nett
177
Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żball meta evalwat il-proporzjon tad-dejn fuq l-ekwità ta’ Sowaer għal 30 % fuq il-bażi ta’ analiżi ex post ibbażata fuq il-bilanċ tal‑2002. Billi wettqet analiżi ex post, il-Kummissjoni ma osservatx il-prinċipju li jgħid li l-evalwazzjoni tal-osservanza tal-kriterju ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq għandha titwettaq ex ante. Sussegwentement, il-konsulent tar-rikorrenti wasal għal data f’ċifri differenti. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tenfasizza li Sowaer la hija kumpannija tal-ajru u lanqas ajruport u li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta wettqet paragun mal-proporzjon tad-dejn fuq l-ekwità tal-kumpanniji tal-ajru.
178
Fir-rigward tal-kritika li tgħid li hija pproċediet għal analiżi ex post, il-Kummissjoni spjegat, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, li l-bilanċ tas-sena 2001, jekk kien jeżisti, kien antik wisq biex tingħata indikazzjoni tajba tal-proporzjon mixtieq kif iddeterminat fil‑15 ta’ April 2002, jiġifieri f’perspettiva ex ante, u li, peress li Sowaer ġiet ikkostitwita fit‑28 ta’ Ġunju 2001, l-ewwel sena finanzjarja tagħha kienet mifrux fuq perijodu ta’ 18‑il xahar li jikkorrispondi għall-bilanċ għas-sena 2002. Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma tistax tikkritika lill-Kummissjoni talli wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta wettqet l-analiżi abbażi tal-bilanċ għas-sena 2002.
179
Is-sempliċi fatt li l-konsulent tar-rikorrenti wasal għal proporzjon tad-dejn fuq l-ekwità differenti ma huwiex biżżejjed biex jiġi stabbilit li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni. Barra minn hekk, fil-kontroreplika, il-Kummissjoni, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, speċifikat id-differenzi bejn id-data f’ċifri proprja tagħha u dik tal-konsulent tar-rikorrenti, li huma spjegati mill-fatt li l-Kummissjoni eskludiet mill-kalkolu tagħha d-dejn mhux finanzjarju, u dan huwa ġġustifikat għal investimenti ta’ dan it-tip.
180
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li Sowaer ma tappartjenix għas-settur tal-avjazzjoni, dan huwa ineffettiv, sa fejn il-Kummissjoni ma użatx il-proporzjon medju tad-dejn fuq l-ekwità tal-kumpanniji tal-ajru biex tikkalkola l-valur attwalizzat nett tal-investimenti inkwistjoni, iżda użat il-proporzjon reali tad-dejn fuq l-ekwità ta’ Sowaer. L-indikazzjoni, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 163 tad-deċiżjoni kkontestata, tal-proporzjon medju tad-dejn fuq l-ekwità tal-kumpanniji tal-ajru tidher biss bħala element ta’ paragun li ma jaffettwax il-kalkolu inkwistjoni.
181
Fir-replika, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli għażlet il-perijodu 2002-2010 biex tiddefinixxi proporzjon tad-dejn fuq l-ekwità. Fil-fehma tagħha, dan il-perijodu huwa qasir wisq.
182
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma kkontradixxietx b’mod utli l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-imsemmi perijodu kien l-uniku wieħed li għalih kien hemm data f’ċifri disponibbli.
183
Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li s-sitt parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda.
– Fuq is-seba’ parti, relatata mal-istima tal-primjum tar-riskju użat għall-kalkolu tal-valur attwalizzat nett
184
Skont ir-rikorrenti, l-evalwazzjoni tal-primjum tar-riskju għal 5.51 % hija żbaljata. Il-Kummissjoni fil-fatt ħadet inkunsiderazzjoni valur uniku osservat fis-suq Amerikan, filwaqt li jeżisti studju dettaljat u pubblikament disponibbli għas-suq Belġjan. Għaldaqstant, il-kalkoli magħmula b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ din id-data f’ċifri ma humiex affidabbli.
185
Dan l-ilment ma jistax jiġi milqugħ.
186
Fil-fatt, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, il-Kummissjoni sostniet li, minkejja t-talbiet min-naħa tagħha, ir-rikorrenti ma ppreżentat l-ebda stima oħra matul il-proċedura amministrattiva.
187
Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni ma mmotivatx id-deċiżjoni kkontestata dwar dan il-punt, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni indikat, fil-premessa 437 tad-deċiżjoni kkontestata, il-bażi tal-primjum tar-riskju ta’ 5.51 %, jiġifieri l-istudju msemmi fil-punt 140 iktar ’il fuq (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 164 tad-deċiżjoni kkontestata).
188
Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li kemm is-seba’ parti tal-ħames motiv kif ukoll il-ħames motiv kollu kemm hu għandhom jiġu miċħuda.
Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq l-iżball ta’ liġi, fuq l-iżbalji ta’ fatt u fuq l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fid-determinazzjoni tal-valuri attwalizzati netti tal-miżuri tal‑2002 u tal‑2003 u, għaldaqstant, fil-kalkolu tat-tariffa addizzjonali mħallsa mir-rikorrenti mill‑4 ta’ April 2014
189
Permezz tas-sitt motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkritika l-konsegwenzi tal-iżbalji ta’ fatt, tal-iżball ta’ liġi u tal-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fid-determinazzjoni tal-valuri attwalizzati netti tal-miżuri tal‑2002 u tal‑2003 għall-kalkolu tat-tariffa addizzjonali pagabbli minnha lil Sowaer mill‑4 ta’ April 2014. Peress li, skont id-deċiżjoni kkontestata, id-differenza bejn it-tariffa konformi mal-prezz tas-suq u t-tariffa pagabbli mir-rikorrenti tikkostitwixxi għajnuna li trid tiġi rkuprata, l-iżbalji kkonstatati għandhom influwenza sinjifikattiva fuq l-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata.
190
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan il-motiv huwa bbażat biss fuq il-premessa li l-ħames motiv huwa fondat.
191
Peress li l-ħames motiv ġie miċħud, l-istess jgħodd għas-sitt motiv.
Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq l-iżball ta’ liġi mwettqa mill-Kummissjoni fid-determinazzjoni tal-ammont tat-tariffa addizzjonali pagabbli mill‑1 ta’ Jannar 2016
192
Permezz tas-seba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni ma weġbitx it-talba għal kjarifiki li hija ressqet fis‑17 ta’ Novembru 2014 dwar il-kalkolu tal-ammont tat-tariffa addizzjonali li hija kellha tħallas b’mod li tosserva l-prezz tas-suq mill‑1 ta’ Jannar 2016. Fil-fehma tagħha, huwa primordjali u leġittimu li tkun taf bi preċiżjoni l-ammont tal-għajnuna mitluba, li jiġi tradott mid-determinazzjoni eżatta tat-tariffa ta’ konċessjoni addizzjonali. A fortiori, ir-Renju tal-Belġju, destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata, lanqas ma jista’ jkollu s-setgħa li jiddetermina, b’mod diskrezzjonali, l-ammont ta’ għajnuna li ġiet iddikjarata inkompatibbli.
193
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm, permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti għandha l-għan li tikkritika l-assenza, fid-deċiżjoni kkontestata, tal-ammont eżatt tal-għajnuna li trid tiġi rkuprata, huwa biżżejjed li jitfakkar li ma hemm l-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li teżiġi li l-Kummissjoni, meta tordna l-ħlas lura ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern, għandha tistabbilixxi l-ammont eżatt tal-għajnuna li trid tħallas lura. Huwa biżżejjed li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tinkludi indikazzjonijiet li jippermettu li d-destinatarju tagħha jkun jista’ jiddetermina huwa stess, mingħajr diffikultajiet eċċessivi, dan l-ammont. Il-Kummissjoni tista’ għalhekk validament tillimita ruħha biex tikkonstata l-obbligu ta’ ħlas lura tal-għajnuna inkwistjoni u tħalli lill-awtoritajiet nazzjonali l-inkarigu li jikkalkolaw l-ammont preċiż tal-għajnuna li trid titħallas lura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Ottubru 2000, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑480/98, EU:C:2000:559, punti 25 u 26, u tat‑28 ta’ Lulju 2011, Mediaset vs Il-Kummissjoni, C‑403/10 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:533, punti 126 u 127).
194
Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti tistaqsi dwar il-livell tal-ammont ta’ tariffa li hija trid tħallas, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, fil-premessa 686 tad-deċiżjoni kkontestata, iddefinixxiet il-metodu li jrid jiġi segwit biex jiġi ddeterminat l-ammont tal-għajnuna li trid tiġi rkuprata.
195
Għaldaqstant, is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud.
Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq l-iżball ta’ liġi, fuq l-iżball ta’ fatt, fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fl-eżami tas-suq inkwistjoni u tal-allegati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-ajruport ta’ Charleroi u l-ajruport ta’ Bruxelles-National ikkawżati mill-għajnuna
196
Permezz tat-tmien motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkritika l-konstatazzjoni, li tinsab fil-premessa 605 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-għajnuna kkawżat distorsjonijiet tal-kompetizzjoni sinjifikattivi fejn affettwaw it-tkabbir tan-numru ta’ passiġġieri tal-ajruport ta’ Bruxelles-National fuq is-segment tat-titjiriet qosra u medji “minn punt għal punt”. B’din il-konklużjoni, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi, żball manifest ta’ evalwazzjoni u nuqqas ta’ motivazzjoni.
197
Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet.
198
Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni ma analizzatx korrettament is-suq inkwistjoni. Qabelxejn, fir-rigward tas-sostitwibbiltà parzjali tal-offerti tal-ajruporti ta’ Bruxelles-National u ta’ Charleroi, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li rreferiet biss għall-informazzjoni pprovduta minn Brussels Airport, li hija biss l-awtorità li tamministra l-ajruport ta’ Bruxelles-National, u mhux għall-informazzjoni pprovduta mir-Reġjun tal-Wallonie, b’mod partikolari fil-kuntest tat-tweġiba tiegħu għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tal‑14 ta’ Jannar 2014. Ir-rikorrenti tilmenta wkoll li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni biss informazzjoni ta’ wara s-sena 2004, fejn injorat għalhekk “il-perijodu diżastruż li jikkorrispondi għall-falliment tas-Société anonyme belge d’exploitation de la navigation aérienne (Sabena), li seħħ fis‑7 ta’ Novembru 2001”.
199
Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni pprevediet is-sostitwibbiltà tal-offerti biss skont is-sitwazzjoni ġeografika taż-żewġ ajruporti kkonċernati u ma wettqitx analiżi relatata mal-postijiet ta’ destinazzjoni tat-titjiriet. Hija tfakkar il-ġurisprudenza li tgħid li, fil-qasam tal-ajru, in-natura sostitwibbli tal-offerti għandha tiġi vverifikata minn analiżi “minn punt għal punt”. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma eżaminatx il-karatteristiċi tal-klijenti potenzjali ta’ kull wieħed mill-ajruport sabiex tiddetermina jekk l-offerti kinux sostitwibbli. Skont ir-rikorrenti, minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi legalment li l-offerti taż-żewġ ajruporti kienu sostitwibbli u għalhekk komuni.
200
Permezz tat-tieni parti, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni kkonkludiet bi żball li l-għajnuna kienet ħolqot distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-ajruport ta’ Bruxelles-National u dak ta’ Charleroi, b’mod partikolari fuq it-tkabbir, b’ipoteżi inqas għolja, tan-numru ta’ passiġġieri fl-ajruport ta’ Bruxelles-National. Barra minn hekk, filwaqt li rrikonoxxiet li kienet teżisti kompetizzjoni bejn mill-inqas ħames ajruporti, il-Kummissjoni kkuntentat ruħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-kompetizzjoni mal-ajruport ta’ Bruxelles-National. Madankollu, il-Kummissjoni kellha teżamina s-sitwazzjoni għal kull wieħed mill-ħames ajruporti u dan sabiex tivverifika jekk l-allegati effetti fuq l-ajruport ta’ Bruxelles-National kinux iżolati jew jekk dawn l-effetti kinux imġarrba wkoll mill-ajruporti l-oħrajn taż-żona ta’ kummerċ, b’tali mod li l-evoluzzjoni tal-kurva tan-numru ta’ passiġġieri tal-ajruport ta’ Bruxelles-National ma kinitx dovuta minħabba kompetizzjoni imposta minn wieħed mill-ajruporti l-oħra fl-istess żona. Fil-fatt, l-evoluzzjoni tal-kurva tat-tkabbir tan-numru ta’ passiġġieri fl-ajruport ta’ Bruxelles-National hija spjegata prinċipalment mill-“falliment ta’ Sabena” u l-“business plan” (pjan ta’ żvilupp) mhux adegwat tal-ajruport ta’ Bruxelles-National.
201
Ir-rikorrenti żżid, fir-replika, li l-Kummissjoni ma wrietx li kienet teżisti rabta kawżali bejn il-miżuri kontenzjużi u, l-ewwel nett, it-tkabbir fit-traffiku fl-ajruport ta’ Charleroi, it-tieni nett, it-tnaqqis fit-traffiku fl-ajruport ta’ Bruxelles-National u, it-tielet nett, it-tkabbir fit-traffiku fl-ajruport ta’ Charleroi u t-tnaqqis tat-traffiku fl-ajruport ta’ Bruxelles-National. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, it-tkabbir li ra l-ajruport ta’ Charleroi ma jirriżultax, jew mill-inqas ma jirriżultax biss, mill-miżuri inkwistjoni, iżda mill-għażla li hija għamlet ta’ pjan tan-negozju rilevanti u promettenti, filwaqt li l-istaġnar tat-traffiku tat-titjiriet qosra fl-ajruport ta’ Bruxelles-National huwa spjegat mill-għażla ta’ pjan tan-negozju konservattiv kif ukoll mill-falliment ta’ Sabena fl‑2001.
202
Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.
203
Iż-żewġ partijiet tal-motiv tar-rikorrenti għandhom jiġu eżaminati flimkien.
204
Fir-rigward tal-oriġini tal-informazzjoni li fuq il-bażi tagħha l-Kummissjoni kkonkludiet dwar is-sostitwibbiltà parzjali tal-offerti, hemm lok li jiġi kkonstatat li mill-premessa 624 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li d-dettalji mogħtija mill-Kummissjoni fil-premessi 625 u 626 ta’ din tal-aħħar ġew ipprovduti mir-Renju tal-Belġju. Ċertament, il-Kummissjoni indikat li d-data f’ċifri li tinsab fit-tweġiba tas‑7 ta’ Frar 2014 kienet tikkorrispondi għal dik trażmessa minn Brussels Airport. Madankollu, ma jidhirx li, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-informazzjoni pprovduta minn Brussels Airport, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.
205
Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni kkuntentat ruħha li tieħu inkunsiderazzjoni biss l-informazzjoni relatata mal-istat tas-suq wara l-2004, u b’hekk injorat l-effetti tal-falliment ta’ Sabena fl‑2001, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma kkontestatx l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li kien preċiżament biex tevita li tippreżenta żviluppi fit-traffiku affettwati mil-falliment ta’ Sabena li hija kienet ippreżentat żviluppi mill‑2004.
206
Fir-rigward tal-argument li jgħid li l-falliment ta’ Sabena kkontribwixxa għat-tnaqqis tat-traffiku tal-ajruport ta’ Bruxelles-National, huwa biżżejjed li jiġi nnotat li dan huwa ineffettiv.
207
Fil-fatt, is-sempliċi fatt li bbenefikat minn vantaġġ fejn il-kompetituri tar-rikorrenti kienu esklużi huwa biżżejjed biex jiġi konkluż li l-pożizzjoni kompetittiva tagħha ssaħħet u li b’hekk il-kompetizzjoni ġiet distorta. Għall-istess raġunijiet, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li d-differenza bejn it-tkabbir tal-ajruport ta’ Bruxelles-National u t-tkabbir ta’ dak ta’ Charleroi huwa spjegat mill-għażla tal-pjan ta’ żvilupp magħmula minn dan tal-aħħar ma tistax tiġi aċċettata.
208
Fir-rigward, minn naħa, tas-sostitwibbiltà tal-offerti tal-ajruport ta’ Brussels-National u ta’ dak ta’ Charleroi u, min-naħa l-oħra, id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għajnuna li rċeviet ir-rikorrenti, hemm lok li jitfakkar, qabelxejn, li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tistabbilixxi l-eżistenza ta’ effett reali tal-għajnuna fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u dik ta’ distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda biss li teżamina jekk l-għajnuna tistax taffettwa dan il-kummerċ u twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2014, Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português vs Il-Kummissjoni, T‑487/11, EU:T:2014:1077, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).
209
Għaldaqstant, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata turi li kien hemm relazzjoni kawżali bejn it-tkabbir u t-tnaqqis fit-traffiku taż-żewġ ajruporti kkonċernati u l-għajnuna kontenzjuża. Il-fatt li s-sitwazzjoni kompetittiva ta’ dawn l-ajruporti setgħet kienet influwenzata wkoll minn fatturi oħra minbarra l-għajnuna inkwistjoni ma jostakolax il-konklużjoni li tgħid li din setgħet taffettwa l-kummerċ u twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.
210
Minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta wkoll li, fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta tagħmel analiżi ekonomika tas-sitwazzjoni reali tas-swieq ikkonċernati, tas-sehem tas-suq tal-impriżi benefiċjarji tal-għajnuna, tal-pożizzjoni tal-impriżi kompetituri u tal-flussi ta’ kummerċ bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, fil-każ ta’ għajnuna mogħtija illegalment, fatt li r-rikorrenti, barra minn hekk, irrikonoxxiet matul is-seduta, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta turi l-effett reali li din l-għajnuna kellha fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Li kieku dan kien il-każ, fil-fatt, din in-neċessità twassal sabiex jiġu avvantaġġati l-Istati Membri li jagħtu għajnuna illegali bi ħsara għal dawk li jinnotifikaw l-għajnuna meta tkun fl-istadju ta’ proposta [ara s-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2015Hammar Nordic Plugg vs Il-Kummissjoni, T‑253/12, EU:T:2015:811, punt 130 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata].
211
Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tistax tallega li, sabiex tiddeċiedi li kien hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni mill-għajnuna kontenzjuża, il-Kummissjoni kellha tiddelimita s-suq tas-servizzi u s-suq ġeografiku inkwistjoni kif ukoll tistabbilixxi l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-għajnuna li rċeviet ir-rikorrenti u l-effetti reali tagħha fuq it-traffiku fl-ajruporti kkonċernati. F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku selettiv favur ir-rikorrenti, li f’dan il-każ ma hijiex ikkontestata, hija biżżejjed għall-finijiet li jiġi stabbilit riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2013, British Telecommunications u BT Pension Scheme Trustees vs Il-Kummissjoni, T‑226/09 u T‑230/09, mhux ippubblikata, EU:T:2013:466, punt 168). Barra minn hekk, il-kapaċità ta’ għajnuna li ssaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tal-impriża benefiċjarja tiġi evalwata skont il-vantaġġ mogħti lilha, mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati r-riżultati operattivi rreġistrati mill-kompetituri tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 1999, BAI vs Il-Kummissjoni, T‑14/96, EU:T:1999:12, punt 78).
212
Fl-aħħar nett, anki jekk jiġi preżunt li l-Kummissjoni kellha tanalizza l-effetti tal-għajnuna kontenzjuża fuq l-ajruporti kollha fiż-żona ta’ kummerċ tar-rikorrenti, ma jidhirx li tali analiżi setgħet twassal għal riżultat iktar favorevoli minn dak li waslet għalih il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.
213
Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li t-tmien motiv għandu jiġi miċħud.
Fuq id-disa’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi
214
Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta ma vverifikatx il-kriterji kollha ta’ evalwazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Qabelxejn, hija tosserva li l-Kummissjoni, permezz tad-dikjarazzjonijiet tagħha fformulati fid-Deċiżjoni 2004/393, in-nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni tagħha ta’ iktar minn għaxar snin u l-prattika preċedenti tagħha, ħolqot fi ħdan ir-rikorrenti aspettattiva leġittima fir-rigward tal-legalità tal-għajnuna kontenzjuża jew, mill-inqas, fir-rigward tal-impossibbiltà li jiġi ordnat l-irkupru. Sussegwentement, ir-rikorrenti ssostni li hija ma setgħetx tantiċipa b’mod raġonevoli l-bidla fil-linja ta’ kondotta tal-Kummissjoni tant kemm is-suġġett tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid tal-miżuri favur Ryanair kien differenti minn dan il-każ u sa fejn il-Qorti Ġenerali ma kienet għamlet l-ebda riferiment għall-illegalità potenzjali tal-miżuri mogħtija favuriha, fejn żiedet li l-Kummissjoni kienet fetħet il-proċedura ta’ eżami fil-konfront tagħha kważi tliet snin u nofs iktar kmieni. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tosserva li, f’dan il-każ, l-interess ġenerali tal-Unjoni ma jipprekludix l-assenza ta’ rkupru tal-għajnuna kontenzjuża, peress li l-Kummissjoni ma wrietx li dan l-interess ġenerali kien imperattiv biżżejjed biex jipprevali fuq l-interess tar-rikorrenti nnifisha.
215
Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.
216
Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, minn naħa, l-impriżi benefiċjarji ta’ għajnuna jista’ jkollhom, bħala prinċipju, aspettattivi leġittimi fir-regolarità tal-għajnuna biss jekk din tal-aħħar tkun ingħatat b’osservanza tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE u, min-naħa l-oħra, operatur ekonomiku diliġenti għandu normalment ikun f’pożizzjoni li jiżgura ruħu li din il-proċedura ġiet osservata. B’mod partikolari, meta għajnuna tiġi eżegwita mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni, b’tali mod li din tkun illegali skont l-Artikolu 108(3) TFUE, il-benefiċjarju tal-għajnuna ma jistax ikollu, f’dan il-mument, aspettattivi leġittimi fir-regolarità tal-għoti ta’ din tal-aħħar (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2015, OTP Bank, C‑672/13, EU:C:2015:185, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).
217
Barra minn hekk, għalkemm għandu jitfakkar li wieħed ma jistax jeskludi l-possibbiltà, għall-benefiċjarju ta’ għajnuna illegali, li jinvoka ċirkustanzi eċċezzjonali li setgħu jservu b’mod leġittimu ta’ bażi għall-aspettattiva tiegħu fin-natura regolari ta’ din l-għajnuna, ir-rikonoxximent ta’ aspettattivi leġittimi fir-rigward tiegħu f’tali każ jippreżumi madankollu li l-għajnuna kienet ingħatat bl-osservanza tal-proċedura prevista mill-Artikolu 108 TFUE (sentenza tas‑27 ta’ Jannar 1998, Ladbroke Racing vs Il-Kummissjoni, T‑67/94, EU:T:1998:7, punt 182).
218
Issa, f’dan il-każ, huwa stabbilit li l-għajnuna kontenzjuża ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni konformement mal-Artikolu 108(3) TFUE u li l-għajnuna li ntalab il-ħlas lura tagħha ngħatat wara l-għoti tas-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (T‑128/98, EU:T:2000:290), li fiha ġie deċiż li l-ġestjoni ta’ ajruport kienet bħala prinċipju tikkostitwixxi attività ekonomika.
219
Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka l-fatt li, billi ordnat l-irkupru tal-għajnuna kontenzjuża, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.
220
Għalhekk kemm id-disa’ motiv, kif ukoll ir-rikors kollu kemm hu għandhom jiġu miċħuda.
Fuq in-nota ta’ adattament
221
Għandu jitfakkar li, fil‑5 ta’ April 2016, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Renju tal-Belġju b’rettifika tad-deċiżjoni kkontestata filwaqt li speċifikat li l-iżbalji li ġew identifikati f’din tal-aħħar bl-ebda mod ma kienu jaffettwaw il-konklużjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata li ġew ifformulati fiha.
222
Fit‑23 ta’ Ġunju 2016, ir-rikorrenti ppreżentat nota ta’ adattament minħabba l-korrezzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni għad-deċiżjoni kkontestata mir-rettifika tal‑5 ta’ April 2016.
223
Il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà tan-nota ta’ adattament.
224
Għandu jiġi kkonstatat li n-nota ta’ adattament ma tinkludi l-ebda element ġdid u hija limitata li tirriproduċi l-argumenti li jinsabu fir-rikors u fir-replika, b’mod iktar dirett, fejn il-Kummissjoni tiġi kkritikata għal diversi żbalji gravi u sostanzjali, minkejja li, fil-verità, ir-rettifika tikkonċerna biss modifiki tal-pinna u ta’ natura grammatikali kif ukoll ta’ ċerti kalkoli.
225
Barra minn hekk, anki jekk id-data f’ċifri żbaljata li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata setgħet tikkomplika l-fehim tajjeb ta’ din tal-aħħar, b’mod partikolari mir-rikorrenti, dawn l-iżbalji madankollu ma jistgħux jippermettu li titqiegħed f’dubju l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.
226
Minn dan isegwi li, sa fejn l-eżami tad-deċiżjoni kkontestata ma ppermettiex li titqiegħed f’dubju l-legalità ta’ din tal-aħħar u wassal għaċ-ċaħda tar-rikors, il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tan-nota ta’ adattament bilfors li ma għadx għandha skop.
Fuq l-ispejjeż
227
Skont l-Artikolu 135(1) tar-Regoli tal-Proċedura, meta jkun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż tagħha iżda li għandha tiġi kkundannata biss parzjalment għall-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra, jew saħansitra li ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 135(2) tal-istess regoli, il-Qorti Ġenerali tista’ tikkundanna lil parti, anki jekk rebbieħa, tbati parzjalment jew kompletament l-ispejjeż, jekk dan jidher li jkun iġġustifikat minħabba l-aġir tagħha, inkluż qabel ma tkun tressqet il-kawża, b’mod partikolari jekk hija tkun ikkawżat lill-parti l-oħra spejjeż li l-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi li huma fiergħa jew vessatorji.
228
Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li, bħalma jirriżulta mill-iżviluppi iktar ’il fuq, il-Kummissjoni wettqet diversi żbalji materjali li setgħu jagħtu lir-rikorrenti x’tifhem li hija kellha bażi biex tikkontesta l-validità tad-deċiżjoni kkontestata u li rendew iktar diffiċli l-istħarriġ mill-Qorti Ġenerali tad-deċiżjoni kkontestata.
229
F’dawn iċ-ċirkustanzi, din il-proċedura tista’ titqies li kienet ġiet parzjalment ikkawżata permezz tal-aġir tal-Kummissjoni sa fejn din tal-aħħar setgħet, permezz tal-iżbalji mwettqa, tinstiga fi ħdan ir-rikorrenti mistoqsijiet ta’ natura raġonevoli dwar il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.
230
Tali ċirkustanzi jikkostitwixxu raġuni li tiġġustifika qsim bejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti tal-ispejjeż sostnuti għall-finijiet tal-istanza.
231
Il-Qorti Ġenerali tqis li ssir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-każ jekk minbarra l-ispejjeż tagħha, il-Kummissjoni tiġi kkundannata għal nofs l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.
232
Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjenti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)
taqta’ u tiddeċiedi:
1)
Ir-rikors huwa miċħud.
2)
Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha u nofs l-ispejjeż sostnuti minn Brussels South Charleroi Airport (BSCA).
3)
Société wallonne des aéroports SA (Sowaer), Brussels Airport Company SA u Brussels Airlines SA/NV għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.
Labucka
Kancheva
Madise
Barents
Passer
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑25 ta’ Jannar 2018.
Ir-Reġistratur
E. Coulon
L-Imħallef
R. Barents
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
( 1 ) Data kunfidenzjali mħollija barra.
Full & Egal Universal Law Academy