22.2.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 52/50
Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Jannar 2014 — Anudal Industrial vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-3/14)
2014/C 52/96
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrenti: Anudal Industrial, SL (Badalona, Spanja) (rappreżentanti: J. García Muñoz, J. Jiménez-Blanco u J. Corral García, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla l-Artikoli 1 u 6 tad-Deċiżjoni
—
sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 4 tad-Deċiżoni, sa fejn jordna l-irkupru tal-għajnuna, u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Id-deċiżjoni kkontestata f’din il-proċedura hija l-istess bħal dik tal-Kawża T-515/13, Il-Kummissjoni vs Spanja.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.
(1)
Id-deċiżjoni tikser il-forom proċedurali sostanzjali u l-Artikoli 20, 21 u 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, peress li ttieħdet bħala konsegwenza ta’ proċedura ta’ investigazzjoni vvizzjata b’irregolaritajiet sostanzjali.
(2)
Żball ta’ liġi minħabba ksur tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, sa fejn ġie kkunsidrat li l-miżuri li huma s-suġġett ta’ din il-proċedura jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat mingħajr ma ġiet ipprovata n-natura selettiva tagħhom.
(3)
Żball ta’ liġi minħabba ksur tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, sa fejn ġie kkunsidrat li l-miżuri li huma s-suġġett ta’ din il-proċedura jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat filwaqt li ma ġiex stabbilit li l-miżuri inkwistjoni kellhom effett fuq il-kummerċ Komunitarju.
(4)
Żball ta’ liġi minħabba ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn ġie kkunsidrat li teżisti għajnuna mill-Istat peress illi l-Gruppi li għandhom Interess Ekonomiku u l-investituri tagħhom huma kkwalifikati bħala benefiċjarji, mingħajr ma din l-għajnuna ma tagħtihom vantaġġi kompetittivi u lanqas ma taffettwa l-kummerċ Komunitarju fis-setturi rispettivi tagħhom.
(5)
Żball ta’ liġi sa fejn huwa ordnat l-irkupru tal-eventwali għajnuna bi ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, aspettattivi leġittimi u ugwaljanza fit-trattament, kif ukoll tal-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999.
Full & Egal Universal Law Academy