14.4.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 112/40
Appell ippreżentat fit-2 ta’ Jannar 2014 minn BQ mis-sentenza mogħtija fit-23 ta’ Ottubru 2013 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-39/12, BQ vs Il-Qorti tal-Awdituri
(Kawża T-7/14 P)
2014/C 112/53
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellant: BQ (Bereldange, il-Lussemburgu) (rappreżentant: D. de Abreu Caldas u J.-N. Louis, avukati)
Appellata: Il-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea
Talbiet tal-appellant
—
taqta’ u tiddeċiedi,
—
is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (It-Tielet Awla) tat-23 ta’ Ottubru 2013 fil-Kawża F-39/12 (BQ vs Il-Qorti tal-Awdituri) hija annullata;
—
il-Qorti tal-Awdituri hija kkundannata għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka erba’ aggravji.
1.
L-ewwel aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi dwar ir-rekwiżiti mitluba sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Unjoni Ewropea fl-implementazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni, minħabba li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirrikjedi li l-inċident inkompatibbli mal-ordni u mas-serenità tad-dipartiment ikollu impatt fuq l-funzjonament tad-dipartiment u s-saħħa tal-protagonisti, filwaqt li din l-aħħar kundizzjoni ma hija prevista la mir-Regolamenti tal-Persunal u lanqas mill-ġurisprudenza. L-appellant isostni wkoll li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku żnatura l-fatti billi kkunsidra, minn naħa, li l-Qorti tal-Awdituri ħadet il-miżuri neċessarji kollha sabiex tistabbilixxi mill-ġdid il-funzjonament tad-dipartiment u, min-naħa l-oħra, li l-problema fid-dipartiment ma kellhiex impatt fuq is-saħħa tal-protagonisti, filwaqt li l-Qorti tal-Awdituri ma ħaditx azzjoni malajr biżżejjed u b’qawwi sabiex tintemm is-sitwazzjoni ta’ kunflitt li kkawżat diżabbiltà totali permanenti tal-appellant (fir-rigward tal-punti 67 u 68 tas-sentenza appellata).
2.
It-tieni aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-istħarriġ tal-legalità magħmul mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku meta dan afferma li l-evalwazzjonijiet mediċi li jenfasizzaw l-eżistenza ta’ disturbi ta’ natura psikika li jirriżultaw minn fastidju psikoloġiku sostnut mill-appellant fil-kuntest ta’ xogħlu ma jistabbilixxux li dan tal-aħħar kien tabilħaqq vittma ta’ fastidju. L-appellant isostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma kellux ġurisdizzjoni sabiex jitratta l-evalwazzjonijiet mediċi u jasal għal konklużjonijiet opposti (fir-rigward tal-punti 69 u 70 tas-sentenza appellata).
3.
It-tielet aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità meta t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku evalwa d-dannu li jirriżulta mid-dewmien ta’ iktar minn sentejn fit-trażmissjoni tar-rapport tal-investigazzjoni lill-appellant għal EUR 2 000 mingħajr ma pprovda motivazzjoni li tippermetti lill-appellant jifhem l-evalwazzjonijiet li wasslu għal dan l-ammont. L-appellant isostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma kkunsidrax il-kuntest li fih jirriżulta dan id-dannu.
4.
Ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi fit-tqassim tal-ispejjeż.
Full & Egal Universal Law Academy