1.9.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 292/45
Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Jannar 2014 – Kafetzakis vs Ir-Repubblika Ellenika et
(Kawża T-38/14)
2014/C 292/55
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: Georgios Kafetzakis u 102 rikorrent ieħor (Ateni, il-Greċja) (rappreżentanti: X. Papadimitriou, avukat)
Konvenuti: Ir-Repubblika Ellenika, Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Il-Kummissjoni Ewropea, Il-Bank Ċentrali Ewropew, L-Eurogrupp
Talbiet tar-rikorrenti
—
tikkonstata n-nuqqas tal-konvenuti li ma adottawx liġijiet b’tali mod li jiġu espressament esklużi l-bonds li ngħataw b’mod obbligatorju lir-rikorrenti mir-Repubblika Ellenika, meta tkeċċew mill-ex kumpannija Olympiaki Aeroporia, bis-saħħa ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea;
—
tagħti lir-rikorrenti u lill-impjegati kollha mkeċċija mill-ex kumpannija Olympiaki Aeroporia, permezz ta’ kull att Komunitarju, direttiva, regolament jew test legali Komunitarju ieħor li għandu effett dirett, il-possibbiltà li jirkupraw 100 % tal-valur tal-bonds li ngħataw lilhom bħala kumpens fil-mument tat-tkeċċija-irtirar tagħhom mill-kumpannija Olympiaki Aeroporia;
—
tordna l-ħlas lil kull wieħed mir-rikorrenti ta’ EUR 3 00 000 bħala kumpens għas-sofferenzi u għat-tbatija li kellhom jgħaddu minnhom kif ukoll għall-ksur manifest tad-drittijiet fundamentali tagħhom u għall-waqfien prematur tal-ħajja professjonali tagħhom, permezz ta’ kull att Komunitarju, direttiva, regolament jew test legali Komunitarju ieħor li għandu effett dirett.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv: l-inizjattivi leġiżlattivi u oħrajn li wasslu lill-Greċja sabiex id-detenturi ta’ bonds tal-Istat, li jaqgħu taħt id-dritt Grieg, jipparteċipaw b’mod obbligatorju fil-pjan P.S.I. [parteċipazzjoni tas-settur privat fil-programm ta’ finanzjament tad-dejn] huma atti effettivi rregolati mid-dritt tal-Unjoni.
2.
It-tieni motiv: il-miżuri adottati mill-Gvern Grieg biex jiġi indirizzat id-dejn tal-Istat Grieg, essenzjalment, kienu imposti mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-BĊE u l-Kummissjoni Ewropea.
3.
It-tielet motiv: il-konvenuti naqsu milli jadottaw liġijiet u milli jeskludu b’mod espress il-bonds tal-Istat Grieg li ngħataw b’mod obbligatorju lir-rikorrenti minn dan tal-aħħar bħala kumpens, skont l-atti tal-Kunsill tal-Ministri li speċifikaw il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-pjan P.S.I. fil-Greċja.
4.
Ir-raba’ motiv: il-fatt li l-ħaddiema mkeċċija mill-ex kumpannija Olympiaki Aeroporia ġew ipparagunati ma’ sempliċi detenturi ta’ bonds tal-Istat Grieg, il-fatt li ma ġewx esklużi mill-pjan P.S.I. u l-kumpens tagħhom espress mill-pjan P.S.I. ikkawżawlhom dannu dirett, personali, gravi u ċaħħadhom mid-drittijiet fundamentali tagħhom.
5.
Il-ħames motiv: il-liġijiet kollha li ġew adottati mill-Gvern Grieg saru fuq rakkomandazzjonijiet u, b’mod iktar eżatt, wara deċiżjoni tal-Eurogrupp, tal-Kunsill ECOFIN, tal-BĊE u tal-Kummissjoni Ewropea.
Full & Egal Universal Law Academy