15.3.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 78/16
Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Jannar 2014 — Iran Insurance vs Il-Kunsill
(Kawża T-63/14)
2014/C 78/33
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Iran Insurance Company (Teheran, l-Iran) (rappreżentant: D. Luff, avukat)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla l-paragrafu 2 tal-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/661/PESK, tal-15 ta’ Novembru 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 306, p. 18);
—
tannulla l-paragrafu 2 tal-Anness għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1154/2013, tal-15 ta’ Novembru 2013, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 306, p. 3);
—
tiddikjara li l-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK (1), kif emendata bl-Artikolu 1(7) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/35/PESK (2), tat-23 ta’ Jannar 2012, u l-Artikoli 23(2)(d) u 46(2) tar-Regolament Nru 267/2012 (3), tat-23 ta’ Marzu 2012, inapplikabbli għar-rikorrenti;
—
tordna lill-konvenut ibati l-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.
(1)
L-ewwel motiv ibbażat fuq li r-raġuni speċifika li għaliha Iran Insurance Company titniżżel fl-elenku hija infondata. Ir-rikorrenti ċaħdet b’mod ċar li hija pprovdiet għajnuna finanzjarja lill-Gvern tal-Iran. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma pprovdietx għajnuna nukleari lill-Iran. Għaldaqstant ir-rekwiżiti tal-Artikolu 20.1(c) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK (kif sussegwentement emendata bl-Artikolu 1(7) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/35/PESK, tat-23 ta’ Jannar 2012, l-Artikolu 1(8) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635/PESK, tal-15 ta’ Ottubru 2012, u l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/829/PESK, tal-21 ta’ Diċembru 2012), u r-rekwiżiti tal-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 (kif sussegwentement emendat bl-Artikolu 1(11) tar-Regolament tal-Kunsill 1263/2012 tal-21 ta’ Diċembru 2012) ma humiex issodisfatti.
(2)
It-tieni motiv ibbażat fuq li billi impona sanzjonijiet fuq l-Iran Insurance Company abbażi biss li hija kumpannija li hija proprjetà tal-Gvern, il-Kunsill iddiskrimina kontra r-rikorrenti meta mqabbla ma’ kumpanniji oħra li huma proprjetà pubblika tal-Iran li ma ġewx imposti sanzjonijiet fuqhom. Filwaqt li jagħmel hekk, il-Kunsill kiser il-prinċipji ta’ ugwaljanza, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ amministrazzjoni tajba.
(3)
It-tielet motiv ibbażat fuq li l-Kunsill ma ddikjarax b’mod adegwat ir-raġunijiet tad-deċiżjoni tiegħu li jżomm lir-rikorrenti fil-lista ta’ entitajiet li fuqhom ġew imposti sanzjonijiet. Filwaqt li jirreferi għall-“impatt tal-miżuri fil-kuntest tal-għanijiet politiċi tal-Unjoni”, naqas milli jispeċifika t-tip ta’ impatt li huwa jirreferi għalih kif ukoll kif il-miżuri għandhom jindirizzaw tali impatt.
(4)
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq li meta jżomm lir-rikorrenti fil-lista ta’ kumpaniji li fuqhom ġew imposti sanzjonijiet, il-Kunsill abbuża mill-poter tiegħu. Il-Kunsill irrifjuta fil-prattika li jikkonforma mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-12/11. Il-Kunsill immina l-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea u d-dritt tar-rikorrenti li tikseb ġustizzja u li din tiġi applikata. Il-Kunsill ħarab ukoll mir-responsabbiltajiet u mill-obbligi tiegħu taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/661/PESK, tal-15 ta’ Novembru 2013 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1154/2013, tal-15 ta’ Novembru 2013, kif kienu speċifikati b’mod ċar lill-Kunsill mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha msemmija hawn fuq.
(5)
Il-ħames motiv ibbażat fuq li l-Kunsill kiser il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi billi ma osservax sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fejn il-Kunsill kien parti kontra r-rikorrenti u li l-Kunsill tilef, billi naqas li jikkonforma ruħu mar-raġunijiet u mal-motivazzjonijiet tas-sentenza, billi għamel żball fattwali fir-rigward tan-negozju tar-rikorrenti u r-rwol preżunt tagħha lejn il-Gvern tal-Iran, billi ma għamilx l-iċken investigazzjoni dwar ir-rwol attwali u n-negozju tar-rikorrenti filwaqt li dan il-fatt kien ġie indikat mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala aspett importanti tas-sistema ta’ sanzjonijiet tal-Unjoni kontra l-Iran, u billi żamm is-sanzjonijiet lil hinn mill-20 ta’ Jannar 2014, data li fiha l-Unjoni qablet fuq attivitajiet li jiġġeneraw dħul għall-Iran, peress li l-Iran ma għadux jiġi kkunsidrat li jimpenja ruħu f’attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari.
(6)
Is-sitt motiv ibbażat fuq li l-Kunsill kiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.
(1) :Deċiżjoni tal-Kunsill, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39).
(2) Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/35/PESK, tat-23 ta’ Jannar 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 19, p. 22)
(3) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy