29.3.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 93/28
Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Jannar 2014 — Good Luck Shipping vs Il-Kunsill
(Kawża T-64/14)
2014/C 93/49
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Good Luck Shipping LLC (Dubai, l-Emirati Għarab Magħquda) (rappreżentanti: F. Randolph, QC (Queen’s Counsel), M. Lester, Barrister u M. Taher, Solicitor)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/661/PESK, tal-15 ta’ Novembru 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 306, p. 18) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1154/2013, tal-15 ta’ Novembru 2013, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 306, p. 3);
—
tiddikjara inapplikabbli, skont l-Artikolu 277 TFUE, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/497/PESK (1), tal-10 ta’ Ottubru 2013, u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 971/2013 (2) (“il-miżuri ta’ Ottubru”);
—
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi.
(1)
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-miżuri ta’ Ottubru għandhom jiġu ddikjarati inapplikabbli sa fejn dawn japplikaw għar-rikorrenti u sa fejn dawn ma għandhomx bażi legali soda.
(2)
It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill kiser l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti u l-prinċipji ta’ finalità, ta’ ċertezza legali, ta’ ne bis in idem, ta’ res judicata, u ta’ nondiskriminazzjoni.
(3)
It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill kiser l-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni.
(4)
Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill kiser id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.
(5)
Il-ħames motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill wettaq żball manifest fl-evalwazzjoni tiegħu li xi wieħed mill-kriterji għall-iskrizzjoni ġie ssodisfatt fir-rigward tar-rikorrenti, u naqas milli jipproduċi provi li jiġġustifikaw l-iskrizzjoni tar-rikorrenti.
(6)
Is-sitt motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-miżuri kkontestati jiksru d-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti, inkluż id-dritt tagħha għar-rispett għar-reputazzjoni u għall-proprjetà.
(7)
Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill abbuża mill-poteri tiegħu meta adotta l-miżuri kkontestati; il-vittimiżżazzjoni tar-rikorrenti bl-evitar ta’ sentenza ta’ qorti ma hijiex użu leġittimu tal-poteri tiegħu.
(1) Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/497/PESK, tal-10 ta’ Ottubru 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 272, p. 46).
(2) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 971/2013, tal-10 ta’ Ottubru 2013, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 272, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy