28.4.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 129/31
Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Frar 2014 – Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-107/14)
2014/C 129/39
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika Ellenika (rappreżentanti: I. Chalkias, E. Leutheriotou u A. Vasilopoulou)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/763/UE, tat-12 ta’ Diċembru 2013, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nefqa magħmula mill-Istati Membri skont it-Taqsima ta’ Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) [innotifikata bid-dokument C(2013) 8743] u ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali L 338/2013, fil-kapitoli tagħha li jeskludu mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea l-ispejjeż: a) li jammontaw għal EUR 78 813 783,87, magħmula mir-Repubblika Ellenika fil-qasam ta’ għajnuna unika matul is-snin finanzjarji 2008-2010 u b) li jammontaw għal EUR 22 230 822,10, imġarrba mir-Repubblika Ellenika fil-qasam tal-kundizzjonalità matul is-snin finanzjarji 2006-2010;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi li ġejjin.
1.
Fir-rigward tal-korrezzjoni imposta mid-deċiżjoni kkontestata fil-kuntest tal-iskema għall-għajnuna unika tar-Regolament Nruo1782/2003 (1) (drittijiet għall-għajnuna):
L-ewwel motiv ibbażat fuq l-annullament
—
Assenza ta’ bażi legali sabiex jiġu imposti korrezzjonijiet fir-rigward tal-kalkolu tad-drittijiet għall-għajnuna unika u tat-tqassim tar-riżerva nazzjonali u interpretazzjoni u implimentazzjoni żbaljata tal-Artikoli 42 u 43 tar-Regolament Nru 1782/2003, tal-Artikoli 21 u 28(1) u (2) tar-Regolament Nru 795/2004 (2) u tal-Artikolu 231 tar-Regolament Nruo1290/2005 (3);
—
Impożizzjoni illegali tal-korrezzjonijiet b’rata fissa fil-kuntest tal-iskema għall-għajnuna unika peress li ma teżistix bażi legali valida biex jiġu applikati l-linji gwida l-antiki tad-dokument VI/5530/1997 għall-PAK il-ġdida u għall-iskema ta’ għajnuna unika; jew, l-applikazzjoni tal-linji gwida l-antiki għall-PAK il-ġdida tikkostitwixxi użu ħażin tas-setgħa diskrezzjonali tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-korrezzjonijiet finanzjarji, li tikser fl-istess ħin b’mod serju l-prinċipju ta’ proporzjonalità.
It-tieni motiv ibbażat fuq l-annullament dwar it-teħid inkunsiderazzjoni taż-żoni tal-mergħa kollha fil-kalkolu tal-ammont ta’referenza:
—
Il-Kummissjoni tipproponi korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % bi ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità filwaqt li tmur lil hinn mis-setgħa diskrezzjonali tagħha, meta hija ma għandha tipproponi l-ebda korrezzjoni; jew, hija għandha tillimitaha għal 2 %.
It-tielet motiv ibbażat fuq l-annullament dwar it-teħid inkunsiderazzjoni taż-żoni tal-mergħa kollha fil-kalkolu tal-ammont ta’ referenza:
—
Ksur tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2529/2001, li wassal għal bażi għall-kalkolu ineżatt tal-korrezzjoni b’rata fissa proposta, korrezzjoni li għandha tkun limitata għall-ammont ta’ EUR 162 920 267,28 għall-2007, ta’ EUR 162 528 761,38 għall-2008 u ta’ EUR 161 343 586,94 għall-2009.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-annullament dwar it-tqassim tar-riżerva nazzjonali:
—
Interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 1782/2003 u tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 795/2004 (kriterji ta’ tqassim tar-riżerva nazzjonali) u evalwazzjoni żbaljata tal-fatti.
Il-ħames ibbażat fuq l-annullament dwar it-tqassim tar-riżerva nazzjonali:
—
Assenza tal-kundizzjonijiet rikjesti sabiex jiġi applikat ir-Regolament Nru 1290/2005 peress li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni rigward il-kriterji nazzjonali għat-tqassim tar-riżerva nazzjonali ma jikkostitwixxux ksur ta’ dan ir-regolament;
—
Interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005 u tal-linji gwida fid-dokument VI/5530/1997 peress li, minn naħa waħda, l-ilmenti invokati mill-Kummissjoni fir-rigward tal-kriterji ta’ tqassim tar-riżerva nazzjonali, anki fl-ipoteżi li huma eżatti, ma wasslux għall-ħlas tal-ammonti favur dawk li ma humiex eliġibbli u ma joħolqux riskju ta’ dannu għall-Fond; min-naħa l-oħra, l-ilmenti inkwistjoni ma jirrigwardawx l-assenza ta’ implementazzjoni ta’ kontroll fundamentali u, konsegwentement, ma jiġġustifikawx l-impożizzjoni ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 %.
2.
Fir-rigward tal-korrezzjoni imposta mid-deċiżjoni kkontestata fil-qasam tal-kundizzjonalità:
Is-sitt motiv ibbażat fuq l-annullament:
—
Id-dokument tal-Kummissjoni AGRI-2005-64043, li kien ġie adottat fid-9 ta’ Ġunju 2006, ma jistax jikkostitwixxi bażi legali sabiex jimponi korrezzjoni finanzjarja. Fi kwalunkwe każ, ma jistax jiġi użat retroattivament sabiex jimponi korrezzjoni għas-sena li fiha tkun saret l-applikazzjoni 2006.
Is-seba’ motiv ibbażat fuq l-annullament b’mod partikolari għas-sena li fiha tkun saret l-applikazzjoni 2008:
—
Il-korrezzjonijiet finanzjarji ġew imposti bi ksur tal-proċedura tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 885/2006 u tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005;
—
Fi kwalunkwe każ, wara evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-insuffiċjenzi huma stabbiliti fir-rigward tal-kontrolli fundamentali fil-qasam tal-kundizzjonalità.
It-tmien motiv ibbażat fuq l-annullament: applikazzjoni żbaljata tad-dokument AGRI-2005-64043
—
Qbiż tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali li għandha l-Kummissjoni, li wassal għall-impożizzjoni ta’ korrezzjonijiet sproporzjonati fir-rigward tal-irregolaritajiet ikkonstatati, sa fejn korrezzjoni ta’ 5 % ġiet imposta għall-2006 u 2007;
—
Żball meta ġiet stabbilita l-bażi għall-kalkolu tal-korrezzjoni imposta.
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU L 270, p. 1);
(2) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 795/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-iskema ta’ ħlas waħdieni li hemm provvediment dwaru fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal sistemi ta’ sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ sostenn għall-bdiewa (ĠU L 141, p. 1).
(3) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU L 209, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy