26.5.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 159/30
Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Frar 2014 – Chart vs SEAE
(Kawża T-138/14)
2014/C 159/40
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Randa Chart (Woluwé-Saint-Lambert, il-Belġju) (rappreżentanti: T. Bontinck u A. Guillerme, avukati)
Konvenut: Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE)
Talbiet tar-rikorrenti
—
tirrikonoxxi r-responsabbiltà tas-SEAE għad-dannu subit mir-rikorrenti bejn Ottubru 2001 u llum minħabba l-aġir illegali tad-Delegazzjoni tal-Unjoni fil-Kajr u tas-SEAE;
—
konsegwentement:
—
prinċipalment, tagħti lil R. Chart is-somma ta’ EUR 509 283,88 (ħames mija u disat elef mitejn u tlieta u tmenin Ewro u tmienja u tmenin ċenteżmu) bħala kumpens għad-danni subiti, bla ħsara għal żieda fil-mori tal-kawża;
—
sussidjarjament, tagħti lil R. Chart is-somma ta’ EUR 380 063,81 (tlett mija u tmenin elf, sitta-u-tletin Ewro, wieħed-u-tmenin ċenteżmu) bħala kumpens għad-danni subiti mit-30 ta’ Ottubru, bla ħsara għal żieda fil-mori tal-kawża;
—
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti, ex membru tal-persunal lokali mad-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea fl-Eġittu, titlob il-kumpens għal dannu li hija subiet wara aġir illegali tal-amministrazzjoni Ewropea li jikkonsisti fin-nuqqas ta’ din tal-aħħar milli tagħti ċertifikat ta’ tmiem ta’ servizz fir-rigward tar-rikorrenti lis-servizzi tas-sigurtà soċjali tal-amministrazzjoni Eġizzjana wara r-riżenja tagħha. Minħabba dan il-fatt, ir-rikorrenti ma tistax terġa’ tibda taħdem fl-Eġittu.
Fir-rigward tal-aġir illegali li bih huwa akkużat il-konvenut, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli, ksur tad-dritt Eġizzjan applikabbli u ksur tad-dritt għal ħajja privata.
Ir-rikorrenti ssostni li n-nuqqas ta’ azzjoni tal-konvenut qed jikkawżalha dannu serju u titlob kumpens kemm għad-dannu materjali kif ukoll għad-dannu morali.
Full & Egal Universal Law Academy