10.6.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 175/47
Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Marzu 2014 – ANKO vs Il-Kummissjoni u REA
(Kawża T-165/14)
2014/C 175/65
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: ANKO AE Antiprosopeion, Emporiou kai Viomichanias (Ateni, il-Greċja) (rappreżentant: V. Christianos, avukat)
Konvenuti: Il-Kummissjoni Ewropea u l-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA)
Talbiet
—
tikkonstata li s-sospensjoni tal-ħlas, imposta u miżmuma fis-seħħ mill-REA, li qiegħda taġixxi skont poteri iddelegati lilha mill-Kummissjoni, tikkostitwixxi, fir-rigward tal-ammont dovut mill-Kummissjoni lir-rikorrenti minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-proġett ESS, ksur tal-obbligi kuntrattwali ta’ din tal-aħħar;
—
tiddikjara li l-ammont ta’ EUR 125 253,82 li l-Kummissjoni tibqa’ ma tħallasx u li huwa dovut għall-parteċipazzjoni tagħha fil-proġett ESS, jikkostitwixxi spejjeż eliġibbli, li l-Kummissjoni għandha konsegwentement tħallas lil ANKO;
—
tikkonstata li l-ammont totali ta’ EUR 216 172,68 li l-Kummissjuoni diġà ħallset lir-rikorrenti għall-parteċipazzjoni tagħha fil-proġett ESS, jikkostitwixxi spejjeż eliġibbli; u
—
tikkundanna lil REA u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.
Motivi u argumenti prinċipali
Dan ir-rikors għandu bħala suġġett ir-responsabbiltà tal-REA u tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 272 TFUE, għall-kuntratt Nru 217 951 intiż għall-eżekuzzjoni tal-proġett ESS.
B’mod iktar speċifiku, ir-rikorrenti ssostni li l-REA, li qiegħda taġixxi skont poteri ddelegati lilha mill-Kummissjoni, issospendiet il-ħlas lil ANKO mingħajr ġustifikazzjoni u bi ksur tal-ftehim tal-proġett ESS. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li, billi pprovat tapplika l-metodu ta’ “estrapolazzjoni”, il-Kummissjoni kkontestat, mingħajr bażi legali u bi ksur kemm tal-kuntratt kif ukoll tad-dritt applikabbli, l-eliġibbiltà ta’ kważi l-ispejjeż kollha ddikjarati minn ANKO fir-rigward tal-proġett ESS.
Full & Egal Universal Law Academy