26.5.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 159/36
Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Marzu 2014 – Vanbreda Risk & Benefits vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-199/14)
2014/C 159/49
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Vanbreda Risk & Benefits (Antwerpen, il-Bejġju) (rappreżentanti: P. Teerlinck u P. de Bandt, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tat-30 ta’ Jannar 2014 (Ref. Ares (2014)221245), li permezz tagħha l-Kummissjoni ddeċidiet li ma taċċettax l-offerta ta’ VANBREDA RISK & BENEFITS SA għal-lott 1 tal-kuntratt 2013/S 155-269617 (sejħa għal offerti Nru OIB.DR.2/PO/2013/062/591) u li tattribwixxih lill-kumpannija Marsh SA;
—
tordna l-produzzjoni tad-dokumenti msemmija fil-Kapitolu III (miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura) tar-rikors preżenti;
—
tikkonstata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni u tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 1 000 000 bħala kumpens għat-telf taċ-ċans li tiġi attribwita l-kuntratt, għat-telf tar-referenzi u għad-dannu morali mġarrab;
—
fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura preżenti.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed ibbażat fuq l-illegalità tal-attribuzzjoni mill-Kummissjoni tal-kuntratt lil kumpannija li, bi ksur tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, ma hemżitx mal-offerta tagħha, Ftehim/Prokura li permezz tiegħu/tagħha l-assigurati kollha li jagħmlu parti mill-konsorzju jintrabtu jeżegwixxu l-kuntratt in solidum.
Il-motiv huwa maqsum fi tliet partijiet ibbażati fuq il-fatt li l-Kummissjoni:
—
kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-offerenti, l-Artikoli 111(5) u 113(1) tar-Regolament Finanzjarju (1) kif ukoll l-Artikoli 146(1) u (2), 149(1) u 158(1) u (3) tar-Regolament ta’ Delega (2) u d-dispożizzjonijiet tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt billi ddikjarat l-offerta ta’ Marsh konformi minkejja li din ma kinitx tinkludi l-Ftehim/Prokura debitament iffirmat/a mill-assigurati kollha li jagħmlu parti mill-konsorzju skont id-dispożizzjonijiet tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt;
—
kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti u l-Artikoli 112(1) tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 160 tar-Regolament ta’ Delega li jippermetti lil Marsh temenda l-offerta tagħha wara l-iskadenza tad-data tal-preżentazzjoni tal-offerti;
—
kisret il-prinċipju ta’ trasparenza moqri flimkien mal-Artikolu 102(1) tar-Regolament Finanzjarju billi rrifjutat li tagħti risposta preċiża għad-domanda magħmula mir-rikorrenti sabiex isir magħruf jekk il-Ftehim/Prokura ġiex/ġietx iffirmat/a mill-assigurati kollha li jipparteċipaw fil-konsorzju ta’ Marsh u jekk dan id-dokument kienx mehmuż mal-offerta ta’ Marsh.
(1) Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, p. 1).
(2) Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012, tad- 29 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy