14.7.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 223/21
Rikors ippreżentat fil-25 ta’ April 2014 – Vattenfall Europe Mining et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-260/14)
2014/C 223/26
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Vattenfall Europe Mining AG (Cottbus, il-Ġermanja), Vattenfall Europe Sales GmbH (Hamburg, il-Ġermanja) u Vattenfall GmbH (Berlin, il-Ġermanja) (rappreżentanti: R. Karpenstein u C. Johann, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla, skont l-Artikolu 264 TFUE, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-18 ta’ Diċembru 2013 fil-Każ dwar l-għajnuna mill-Istat SA.33995 (2013/C) (ex 2013/NN) – Il-Ġermanja: Sostenn għal elettriku rinnovabbli u soprataxxa-EEG imnaqqsa għal utenti intensivi tal-enerġija, C (2013) 4424 finali;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv: assenza ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE
Permezz tal-ewwel motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni żbaljat meta kkunsidrat bħala allokazzjoni ta’ “riżorsi tal-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE l-pagamenti previsti fil-kuntest tal-Gesetz für den Vorrang erneuerbarer Energien (Liġi dwar l-għoti ta’ prijorità għall-enerġija rinnovabbli, iktar ’il quddiem l-“EEG”).
—
Fin-nuqqas ta’ allokazzjoni ta’ riżorsi tal-Istat, il-fatt li vantaġġ jirriżulta minn liġi ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li hemm għajnuna. Fir-rigward tas-soprataxxa EEG, ma jistax jingħad li hemm l-allokazzjoni neċessarja ta’ riżorsi tal-Istat peress li din titħallas biss minn persuni privati u peress li r-riżorsi miġbura ma jistgħux jiġi attribwiti lill-Istat minħabba li ma hemmx kontroll permanenti u, għalhekk, minħabba li ma hemmx il-kapaċità li jiġi eżerċitat kontroll f’dan ir-rigward.
—
F’dan is-sens, huwa eskluż kwalunkwe kontroll mill-Istat fuq is-soprataxxa EEG stess peress li l-ammont tagħha ma huwiex iddeterminat mill-awtoritajiet Statali iżda huwa ddeterminat mill-prezz tal-elettriku fuq il-borża tal-elettriku u mill-volum tal-elettriku prodott minn enerġija rinnovabbli. Barra minn hekk, fil-ħames livell tal-mekkaniżmu ta’ kumpens previst fl-EEG, l-Istat ma għandux il-possibbiltà li jinfluwenza r-relazzjoni bejn il-fornitur tal-enerġija u l-utent finali. F’dan il-każ, it-trasferiment tal-ispejjeż isir f’kuntest ta’ relazzjoni rregolata esklużivament mid-dritt privat.
—
Minħabba r-relazzjoni mill-qrib bejn il-klassifikazzjoni tas-soprataxxa EEG u t-tnaqqis tas-soprataxxa għall-impriżi li huma utenti intensivi tal-enerġija, il-kontroll neċessarju min-naħa tal-Istat huwa nieqes ukoll fir-rigward tal-hekk imsejħa skema ta’ kumpens speċjali prevista fl-EEG. Lanqas jista’ jingħad li hemm tali kontroll fuq il-bażi tal-fatt li d-deċiżjoni dwar il-kontroll tittieħed mill-Bundesamt für Wirtschaft und Ausfuhrkontrolle (Uffiċċju federali għall-ekonomija u għall-kontroll tal-esportazzjoni) peress li dan l-uffiċċju għandu kompitu esklużivament ta’ sorveljanza u deklaratorju.
—
Barra minn hekk, permezz tat-tnaqqis tas-soprataxxa għall-impriżi li huma utenti intensivi tal-enerġija, l-Istat ma huwiex qiegħed jirrinunzja għal riżorsi li normalment kien ikun jista’ jikseb. Minħabba l-istruttura partikolari tal-mekkaniżmu ta’ kumpens previst fl-EEG, it-tnaqqis tas-soprtaxxa ma jimplika ebda tnaqqis fl-ammont tad-dħul totali mis-soprataxxa EEG. It-tnaqqis tas-soprataxxa għall-impriżi li huma utenti intensivi tal-enerġija huwa fil-fatt ikkumpensat permezz ta’ soprataxxa b’ammont ogħla għal kull kilowott fis-siegħa ta’ elettriku kkunsinnat lill-utenti finali li ma humiex ipprivileġġati.
2.
It-tieni motiv: assenza ta’ vantaġġ selettiv fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE
Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jsostnu li, għall-kuntrarju tal-opinjoni tal-Kummissjoni, l-hekk imsejħa skema ta’ kumpens speċjali tal-EEG ma tipprevedi ebda vantaġġ selettiv fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Id-differenzazzjoni bejn utenti intensivi tal-enerġija u utenti mhux intensivi tal-enerġija hija bbażata fuq il-loġika tal-iskema tas-soprtaxxa EEG u għalhekk, a priori, ma hijiex selettiva. It-tnaqqis tas-soprataxxa għall-impriżi li huma utenti intensivi tal-enerġija jikkumpensa biss l-iżvantaġġi partikolari li jirriżultaw għal dawn l-impriżi mis-soprataxxa EEG, li l-ammont tagħha jiddependi mill-konsum.
3.
It-tielet motiv: assenza ta’ (riskju ta’) distorsjoni tal-kompetizzjoni jew ta’ impatt fuq il-kummerċ
Permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-iskema ta’ kumpens speċjali la toħloq distorsjoni u lanqas tirrappreżenta riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, u ma għandha ebda impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.
Full & Egal Universal Law Academy