14.7.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 223/22
Rikors ippreżentat fit-28 ta’ April 2014 – Hydro Aluminium Rolled Products et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-263/14)
2014/C 223/27
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Hydro Aluminium Rolled Products GmbH (Grevenbroich, il-Ġermanja), Aluminium Norf GmbH (Neuss, il-Ġermanja) u Trimet Aluminium SE (Essen, il-Ġermanja) (rappreżentanti: U. Karpenstein u C. Johann, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla, skont l-Artikolu 264 TFUE, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-18 ta’ Diċembru 2013 fil-Każ dwar l-għajnuna mill-Istat SA.33995 (2013/C) (ex 2013/NN) – Il-Ġermanja: Sostenn għal elettriku rinnovabbli u soprataxxa-EEG imnaqqsa għal utenti intensivi tal-enerġija, C (2013) 4424 finali;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv: assenza ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE
Permezz tal-ewwel motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni żbaljat meta kkunsidrat bħala allokazzjoni ta’ “riżorsi tal-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE l-pagamenti previsti fil-kuntest tal-Gesetz für den Vorrang erneuerbarer Energien (Liġi dwar l-għoti ta’ prijorità għall-enerġija rinnovabbli, iktar ’il quddiem l-“EEG”).
—
Il-Kummissjoni żbaljat meta assumiet li l-pagamenti previsti fil-kuntest tal-EEG twettqu permezz ta’ allokazzjoni ta’ “riżorsi tal-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.
—
Is-soprataxxa EEG titħallas biss minn persuni privati. Barra minn hekk, ir-riżorsi miġbura lanqas ma jistgħu jiġu attribwiti lill-Istat. La fir-rigward tas-soprataxxa EEG stess u lanqas fir-rigward tat-tnaqqis tagħha favur l-impriżi li huma utenti intensivi tal-elettriku ma hemm kontroll permanenti u neċessarju min-naħa tal-Istat u, għalhekk, lanqas ma hemm il-kapaċità effettiva tal-awtoritajiet li jeżerċitaw kontroll f’dan ir-rigward.
—
Fi kwalunkwe każ, it-tnaqqis tas-soprataxxa għall-impriżi li huma utenti intensivi tal-elettriku ma jwassalx għal rinunzja għal dħul li normalment kien ikun jista’ jikseb l-Istat. Dan it-tnaqqis huwa ffinanzjat esklużivament minn riżorsi privati, jiġifieri permezz ta’ soprataxxa b’ammont ogħla għal kull kilowott fis-siegħa ta’ elettriku kkunsinnat lill-utenti finali li ma humiex ipprivileġġati. Għaldaqstant, l-hekk imsejħa skema ta’ kumpens speċjali ma taffettwax l-ammont tad-dħul totali mis-soprataxxa EEG iżda taffettwa biss id-distribuzzjoni interna tal-oneri korrispondenti.
2.
It-tieni motiv: assenza ta’ vantaġġ selettiv fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE
Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jsostnu li, għall-kuntrarju tal-opinjoni tal-Kummissjoni, l-hekk imsejħa skema ta’ kumpens speċjali tal-EEG ma tipprevedi ebda vantaġġ selettiv fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Id-differenzazzjoni bejn utenti intensivi tal-enerġija u utenti mhux intensivi tal-enerġija hija bbażata fuq il-loġika tal-iskema tas-soprtaxxa EEG u għalhekk, a priori, ma hijiex selettiva.
Full & Egal Universal Law Academy