4.8.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 253/36
Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Mejju 2014 – Kurchenko vs Il-Kunsill
(Kawża T-339/14)
2014/C 253/51
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: Serhiy Vitaliyovych Kurchenko (Chuhuiv, l-Ukraina) (rappreżentanti: B. Kennelly u J. Pobjoy, Barristers, M. Drury u A. Swan, Solicitors)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrent
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK, tal-5 ta’ Marzu 2014, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU L 66, p. 26), u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 208/2014, tal-5 ta’ Marzu 2014, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU L 66, p. 1), sa fejn dawn japplikaw għar-rikorrent; u
—
tikkundanna lill-konvenut għall-ħlas tal-ispejjeż tar-rikorrent.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka seba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv jallega li l-Kunsill naqas milli jidentifika bażi legali xierqa. L-Artikolu 29 TUE ma kienx bażi legali xierqa għad-deċiżjoni peress li l-ilment magħmul kontra r-rikorrent ma identifikahx bħala individwu li mmina l-istat tad-dritt jew id-drittijiet tal-bniedem fl-Ukrajna (fi ħdan it-tifsira tal-Artikoli 21(2) u 23 TUE). Peress li d-deċiżjoni ma kinitx valida, il-Kunsill ma setax jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 215(2) TFUE sabiex jadotta r-Regolament. Fiż-żmien ta’ meta l-miżuri restrittivi ġew imposti, ma kien hemm, fi kwalunkwe ġurisdizzjoni, ebda akkuża jew pretensjoni kontra r-rikorrent li l-attivitajiet tiegħu kienu ta’ theddida li jistgħu jimminaw l-istat tad-dritt, jew kisru xi drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina.
2.
It-tieni motiv jallega li l-Kunsill naqas milli jissodisfa l-kriterju għall-inklużjoni, jiġifieri li l-persuna ġiet “identifikata bħala responsabbli” għal misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina jew għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina, jew hija persuna assoċjata ma’ xi ħadd li ġie identifikat bħala tali. L-unika raġuni mogħtija għall-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista kienet li huwa kien allegatament suġġett għal “investigazzjoni” fl-Ukraina għal involviment f’delitti relatati mal-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u mat-trasferiment illegali tagħhom barra mill-Ukraina. Għaldaqstant, lanqas ma hemm allegazzjoni (b’applikazzjoni tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-256/11, Ezz) li r-rikorrent kien persuna responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina jew għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukrajna, jew li kien assoċjat ma’ persuna identifikata bħala tali.
3.
It-tielet motiv jallega li l-Kunsill kiser id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Ir-rikorrent fl-ebda stadju ma ngħata informazzjoni ddettaljata dwar l-“investigazzjoni” meqjusa li tiġġustifika l-inklużjoni tiegħu fil-lista, li hija xorta evidenza inqas “serja u kredibbli” jew “konkreta” għal dan l-għan. Minkejja talbiet, il-Kunsill naqas milli jipprovdi din l-informazzjoni.
4.
Ir-raba’ motiv jallega li l-Kunsill naqas milli jagħti lir-rikorrent biżżejjed raġunijiet għall-inklużjoni tiegħu. Dawn ir-raġunijiet mogħtija ma kellhomx dettalji u preċiżazzjoni sufiċjenti. Ma ngħata ebda dettall dwar in-natura tal-imġiba tar-rikorrent li allegatament “involvietu” fid-“delitti”, jew kif tali allegat “involviment f’delitti” huwa b’xi mod konness kemm “mal-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina” u “mat-trasferiment illegali tagħhom barra mill-Ukraina”. Ma huwa pprovdut ebda dettall dwar l-“invetigazzjoni”, l-entità li allegatament wettqitha, in-natura tagħha, jew id-data li fiha huwa preżuppost li din nbdiet.
5.
Il-ħames motiv jallega li l-Kunsill kiser, b’mod manifest, id-drittijiet fundamentali tar-rikorrent għall-proprjetà u għar-reputazzjoni. Il-miżuri restrittivi ma kinux “previsti mil-liġi”; huma kienu imposti mingħajr salvagwardji xierqa li jippermettu lir-rikorrent jippreżenta l-każ tiegħu b’mod effettiv quddiem il-Kunsill; dawn ma humiex ristretti għal kwaunkwe proprjetà partikolari meqjusa li tirrappreżenta fondi tal-istat misapproprjati jew saħansitra limitati għall-ammont ta’ fondi allegatament misapproprjati.
6.
Is-sitt motiv jallega li l-Kunsill ibbaża ruħu fuq fatti materjalment mhux eżatti. Kuntrarjament għall-unika raġuni għall-inklużjoni tiegħu, ma hemm ebda informazzjoni jew evidenza disponibbli li r-rikorrent kien fil-fatt suġġett għal “investigazzjoni” fl-Ukraina tat-tip speċifikat fid-Deċiżjoni u fir-Regolament.
7.
Is-seba’ motiv jallega li l-Kunsill naqas milli jiżgura r-rilevanza u l-validità tal-evidenza li fuqha huwa bbaża l-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista: huwa naqas milli jikkunsidra jekk l-Aġent Prosekutur Ġenerali tal-Ukraina attwali kellux l-awtorità skont il-kostituzzjoni tal-Ukraina li jagħti bidu għal investigazzjoni kontra r-rikorrent u l-Kunsill naqas milli japprezza li, fil-fatt, ir-rikorrent ma kienx suġġett għall-allegata “investigazzjoni”.
Full & Egal Universal Law Academy