8.12.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 439/28
Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Mejju 2014 – Arvanitis et vs Il-Parlament Ewropew et
(Kawża T-350/14)
(2014/C 439/38)
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: Athanasios Arvanitis (Rodos, il-Greċja) u 47 rikorrent oħra (rappreżentant: Ch. Papadimitriou, avukat)
Konvenuti: Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Il-Kummissjoni Ewropea, Il-Bank Ċentrali Ewropew, Eurogroup
Talbiet
—
tiddikjara li l-konvenuti naqsu milli jadottaw il-miżuri leġiżlattivi neċessarji għall-finijiet tal-implementazzjoni sħiħa tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tad-Direttiva dwar ix-xogħol għal żmien determinat, fid-dawl tat-tkeċċija tagħhom minn dik li kienet Olympiaki Aeroporia, liema tkeċċija kienet imposta permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea implementata fl-ordinament ġuridiku Grieg permezz tal-Liġi Nru 3717/2008;
—
tagħti lir-rikorrenti, kif ukoll lill-impjegati mkeċċija kollha ta’ dik li kienet Olympiaki Aeroporia, permezz ta’ att tad-dritt tal-Unjoni – direttiva, regolament jew att leġiżlattiv ieħor tal-Unjoni – li jkollu effett dirett, il-possibbiltà li jitolbu l-kumpens li għalih kienu jkunu intitolati bħala impjegati permanenti fir-rigward tat-tkeċċija jew tal-waqfien mix-xogħol obbligatorji tagħhom minn ma’ Olympiaki Aeroporia, u
—
tistabbilixxi kumpens għad-danni fl-ammont ta’ EUR 3 00 000 permezz ta’ att tad-dritt tal-Unjoni – direttiva, regolament jew att leġiżlattiv ieħor tal-Unjoni – li jkollu effett dirett, favur kull wieħed mir-rikorrenti fir-rigward tal-inkwiet, tat-tħassib, tal-ksur gravi tad-drittijiet fundmanetali u tal-waqfien prematur tal-ħajja tax-xogħol.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv: il-Liġi Nru 3717/2008, li permezz tagħha kienu previsti l-għeluq ta’ Olympiaki Aeroporia u t-tkeċċija tal-impjegati temporanji kollha, tikkostitwixxi fil-verità att tal-Unjoni u kienet essenzjalment imposta mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b’mod partikolari mill-BĊE u mill-Kummissjoni Ewropea, u l-miżuri leġiżlattivi kollha adottati mill-Gvern Elleniku ġew adottati fuq l-indikazzjonijiet mogħtija mill-Eurogroup, mill-ECOFIN, mill-BĊE u mill-Kummissjoni Ewropea, u b’mod partikolari b’riżultat tad-deċiżjoni ta’ dawn tal-aħħar.
2.
It-tieni motiv: il-fatt li l-impjegati temporanji mkeċċija, li kienu impjegati ma’ dik li kienet Olympiaki Aeroporia, ma ġewx ikkunsidrati bl-istess mod bħall-impjegati l-oħra li kienu impjegati mill-istess Olympiaki Aeroporia fuq bażi permanenti, u l-fatt li l-impjegati temporanji mkeċċija ma kinux espliċitament ikkumpensati meta ntemm l-impjieg tagħhom, ikkawżawlhom dannu dirett, personali u gravvi u ċaħduhom mit-tgawdija tad-drittijiet fundamentali tagħhom.
Full & Egal Universal Law Academy