11.8.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 261/37
Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Mejju 2014 – Pshonka vs Il-Kunsill
(Kawża T-380/14)
2014/C 261/62
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: Artem Viktorovych Pshonka (Moska, ir-Russja) (rappreżentanti: C. Constantina u J.-M. Reymond, avukati)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla parzjalment, fuq il-bażi tal-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK, tal-5 ta’ Marzu 2014, u r-Regolament tal-Kunsill Nru 208/2014, tal-5 ta’ Marzu 2014, sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrent u, b’mod iktar speċifiku, tordna:
—
it-tneħħija ta’ isem ir-rikorrent mill-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill Nru 208/2014, tal-5 ta’ Marzu 2014;
—
it-tneħħija ta’ isem ir-rikorrent mill-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK, tal-5 ta’ Marzu 2014;
—
tannulla parzjalment, fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK, tal-5 ta’ Marzu 2014, u r-Regolament tal-Kunsill Nru 208/2014, tal-5 ta’ Marzu 2014, sa fejn ma humiex konformi mal-Proposta Konġunta;
—
tordna lill-Kunsill ibati l-ispejjeż tal-kawża u tiddeċiedi dwar l-ispejjeż favur ir-rikorrent.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kunsill u fuq ksur tal-ġustizzja naturali sa fejn:
—
l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat saret bi ksur tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 215(2) TFUE peress li r-regolament estenda l-portata tal-miżuri restrittivi meta mqabbla mal-Proposta Konġunta ppreżentata mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà u mill-Kummissjoni, li fuqha kien ibbażat dan ir-regolament;
—
l-inklużjoni tar-rikorrent kellha konsegwenzi negattivi ħafna fuq individwu li ma ngħatax smigħ xieraq u li ma kienx is-suġġett ta’ kundanna minn qorti kompetenti stabbilita mil-liġi.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-fatti. Ir-rikorrent isostni li huwa ma kienx, la qabel u lanqas waqt l-adozzjoni tal-miżuri kkontestati, is-suġġett ta’ investigazzjoni b’rabta mal-approprjazzjoni indebita ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u/jew mat-trasferiment illegali tagħhom barra mill-Ukraina. Barra minn hekk, ir-rikorrent jallega li, anki li kieku l-investigazzjoni allegata kienet teżisti, tali investigazzjoni ma kien ikollha ebda bażi fattwali jew legali u kienet tkun immotivata esklużivament minn raġunijiet politiċi. Fl-aħħar nett, ir-rikorrent isostni li r-raġunijiet mogħtija mill-Kunsill għall-inklużjoni tar-rikorrent ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-miżuri kkontestati u ma huma ssostanzjati minn ebda provi.
3.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent. Ir-rikorrent isostni li:
—
il-Kunsill naqas milli jagħti lir-rikorrent ir-raġunijiet fattwali u legali individwali u speċifiċi bi ksur tal-Artikolu 296 TFUE;
—
ir-rikorrent ma ngħatax id-dritt li jesprimi l-pożizzjoni tiegħu quddiem il-Kunsill;
—
il-miżuri kkontestati jidentifikaw lir-rikorrent bħala responsabbli għall-approprjazzjoni indebita ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina fl-assenza ta’ kwalunkwe kundanna jew prova f’dan is-sens, bi ksur tad-dritt tar-rikorrent li jiġi preżunt li huwa innoċenti sakemm tiġi pprovata l-ħtija tiegħu;
—
ir-rikorrent ma kienx informat bil-provi kkunsidrati kontrih, b’tali mod li ma jistax jikkontestahom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, bi ksur tad-dritt tiegħu għal rimedju ġudizzjarju effettiv;
—
ir-rikorrent qiegħed jiġi mċaħħad direttament mid-dritt għall-proprjetà tiegħu;
—
is-sanzjonijiet ikkontestati huma sproporzjonati meta kkunsidrati fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ u tal-provi disponibbli, u
—
il-mod kif ir-rikorrent qiegħed jiġi deskritt fil-miżuri kkontestati jippreġudika b’mod gravi r-reputazzjoni tiegħu.
Full & Egal Universal Law Academy