8.9.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 303/33
Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Ġunju 2014 – Viscas vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-422/14)
2014/C 303/42
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Viscas Corporation (Tokjo, il-Ġappun) (rappreżentant: J.-F. Bellis, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn ikkonstatat ksur li jkopri l-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2001 sat-28 ta’ Jannar 2009;
—
tannulla jew tnaqqas il-multa imposta; u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament, parzjalment, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 2139 finali, tat-2 ta’ April 2014, fil-Każ AT.39610 – Power Cables.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tmien motivi.
1.
L-ewwel u t-tieni motiv ibbażati fuq li l-Kummissjoni żbaljat meta kkonkludiet li r-rikorrenti kienet parti mill-ksur li jkopri l-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2001 sat-28 ta’ Jannar 2009.
2.
It-tielet u r-raba’ motiv ibbażati fuq li l-applikazzjoni tal-Kummissjoni tal-Punt 18 tal-Linji Gwida dwar il-Multi (1) jikser il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament għaliex i) jagħti benefiċċju b’mod sproporzjonat lill-produtturi Ewropej tal-power cables u ii) jonqos milli jirrikonoxxi differenzi sinjifikattivi fil-piż fil-ksur għall-produtturi differenti.
3.
Il-ħames motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni żbaljat meta allokat il-bejgħ mill-azzjonisti tar-rikorrenti lir-rikorrenti għal skopijiet ta’ determinazzjoni tal-multa li għandha tiġi imposta.
4.
Is-sitt motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni żiedet b’mod żbaljat il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni bbażat fuq ishma tas-suq magħquda flimkien tal-partijiet.
5.
Is-seba’ motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni żbaljat billi naqset milli tapplika tnaqqis għaċ-ċirkustanzi mitiganti.
6.
It-tmien motiv li bih ir-rikorrenti tistieden il-Qorti Ġenerali biex tibbaża ruħha fuq il-ġurisdizzjoni illimitata tagħha u tnaqqas il-multa b’mod sinjifikattiv.
(1) Linji Gwida dwar il-metodu tal-iffissar tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006 C 210, p. 2).
Full & Egal Universal Law Academy