25.8.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 282/42
Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Ġunju 2014 – Arbuzov vs Il-Kunsill
(Kawża T-434/14)
2014/C 282/56
Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek
Partijiet
Rikorrent: Sergej Arbuzov (Kiev, l-Ukraina) (rappreżentanti: M. Machytková u P. Radošovský, avukati)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK, tal-5 ta’ Marzu 2014, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU L 66, p. 26), u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/216/PESK, tal-14 ta’ April 2014, li timplimenta d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU L 111, p. 91), sa fejn dawn jikkonċernaw lir-rikorrent; u
—
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tiegħu u għall-ispejjeż kollha sostnuti mir-rikorrent.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, tad-dritt għal smigħ xieraq u tad-drittijiet tad-difiża.
—
Bħala ġustifikazzjoni għar-rikors tiegħu r-rikorrent jinvoka l-fatt li ismu ġie inkluż, permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/216/PESK, fil-lista li tinsab fl-anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK qabel ma nbdiet investigazzjoni fl-Ukraina dwar l-attività allegatament illegali tiegħu.
—
F’dan ir-rigward ir-rikorrent jinvoka ksur tad-dritt għal smigħ xieraq minħabba l-ksur tal-prinċipju ġuridiku relatat mal-preżunzjoni ta’ innoċenza. Barra minn hekk, ir-rikorrent jiddikjara li l-Kunsill ma informaħx li ismu kien ġie inkluż fil-lista u dwar ir-raġunijiet li fuqhom kienu bbażati l-miżuri restrittivi adottati fil-konfront tiegħu, u lanqas ma ppermetta li r-rikorrent isir jaf b’dawn iċ-ċirkustanzi f’terminu raġonevoli wara l-adozzjoni tal-imsemmija miżuri. Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jindika li huwa la kellu l-possibbiltà li jesponi b’mod utli l-opinjoni tiegħu dwar id-deċiżjoni kkontestata u lanqas ma kellu l-possibbiltà li jinvoka d-drittijiet tad-difiża tiegħu mill-iktar fis possibbli wara l-adozzjoni tagħha.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq l-eċċess ta’ poter tal-Kunsill.
—
Ir-rikorrent jikkontesta l-vizzji proċedurali tal-miżura adottata mill-Kunsill. Skont ir-rikorrent il-motivazzjoni tal-ksur hija fformulata b’mod insuffiċjenti u manifestament ma tinkludix raġunijiet politiċi reali jew raġunijiet li jiġġustifikaw l-allegat ksur tad-drittijiet tal-bniedem, iżda tinkludi biss raġunijiet iddikjarati b’mod ġenerali fil-preambolu tad-deċiżjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrent josserva li l-Kunsill eċċeda l-poteri tiegħu, peress li r-raġunijiet tal-miżura kkomunikata b’mod uffiċjali ma jaqgħux taħt il-qasam li fir-rigward tiegħu l-Kunsill huwa awtorizzat li jadotta l-imsemmija miżura.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà.
—
F’dan ir-rigward ir-rikorrent isostni li s-sanzjoni hija sproporzjonata u li kien hemm ksur tal-garanziji offruti mid-dritt internazzjonali intiżi għall-protezzjoni tad-dritt għall-proprjetà.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-integrità tal-persuna u għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, kif ukoll fuq ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni.
—
F’dan ir-rigward ir-rikorrent isostni li l-miżura adottata hija att li jikkawża preġudizzju għall-integrità tal-persuna, li jaffettwa l-isfera familjari u privata tar-rikorrent.
—
Skont ir-rikorrent, ir-reputazzjoni u d-dinjità tiegħu ġew ippreġudikati minħabba l-fatt li, fid-deċiżjoni kkontestata, jew b’mod iktar speċifiku fid-deċiżjoni ta’ implementazzjoni, il-Kunsill de facto akkuża lir-rikorrent li ttrasferixxa lejn pajjiż barrani fondi li huma ta’ proprjetà tal-Istat Ukren u li kiser id-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li l-ebda wieħed minn dawn l-aġiri ma ġie ppruvat fil-konfront tar-rikorrent u li dan tal-aħħar, fid-data ta’ meta ġie inkluż fil-lista, ma kien is-suġġett ta’ ebda investigazzjoni dwar tali atti.
—
Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li l-miżura adottata mill-Kunsill hija diskriminatorja peress li huwa ġie inkluż fil-lista mingħajr ebda raġuni reali filwaqt li, min-naħa l-oħra, il-lista ma tinkludix l-ismijiet tal-persuni li għandhom ikunu inklużi fiha minħabba l-attivitajiet tagħhom li jmorru kontra l-interessi tal-Istat Ukren.
Full & Egal Universal Law Academy