25.8.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 282/45
Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Ġunju 2014 – LS Cable & System vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-439/14)
2014/C 282/59
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: LS Cable & System Ltd (Anyang, ir-Repubblika tal-Korea) (rappreżentanti: S. Kinsella u S. Spinks, Solicitor)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla l-Artikoli 1(11) u 2(t) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 2139, tat-2 ta’ April 2014, dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fil-Każ AT.39610 – Kejbils tal-elettriku (id-“Deċiżjoni”) sa fejn hija indirizzata għar-rikorrenti;
—
sussidjarjament, sostanzjalment tnaqas l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fl-Artikolu 2(t) tad-Deċiżjoni;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż tar-rikorrenti f’din il-proċedura.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjoni tonqos milli tistabbilixxi l-provi xierqa sabiex juru, suffiċjentement skont il-liġi, li r-rikorrenti ppartċipat fi ksur wieħed kontinwu, peress li d-Deċiżjoni hija bbażata fuq raġunament mhux korrett u ma tistabilixxix biżżejjed provi tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur, u dan jikser l-Artikolu 101(1) TFEU, l-Artikolu 2 tar-Regolament 1/2003 u l-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-applikazzjoni, mid-Deċiżjoni, tal-punt 18 tal-Linji Gwida dwar il-Multi tikser il-Linji Gwida dwar il-Multi u tikser il-prinċipji ta’ proporzjonalità, tal-ugwaljanza fit-trattament u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi peress li:
—
tonqos milli tosserva l-Linji Gwida dwar il-Multi tal-Kummisjoni mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, billi titratta l-kejbils tal-elettriku UG u SM separatament għall-finijiet ta’ allokazzjoni ta’ bejgħ fiż-ŻEE u billi tonqos li tirrifletti adegwatament ir-responsabbiltà relativa tar-rikorrenti fil-ksur;
—
tipproduċi vantaġġ diskriminatorju fuq il-produtturi (inkluża r-rikorrenti) li pproduċiet biss kejbils tal-elettriku UG; u
—
twassal għal allokazzjoni sproporzjonatament kbira ta’ bejgħ fiż-ŻEE lir-rikorrenti.
3.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjoni tikser l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) 1/2003, il-punt 20 tal-Linji Gwida dwar il-Multi u l-prinċipju tal-proporzjonalità billi tonqos milli tikkunsidra l-gravità tal-ksur kkawżat fl-iffissar tal-ammont tal-multa tar-rikorrenti, peress li tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni:
—
il-fatt li r-rikorrenti kienet tipproduċi biss kejbils tal-elettriku UG;
—
in-nuqqas ta’ għarfien tar-rikorrenti dwar il-parti SM u ċerti elementi kruċjali tal-parti UG tal-ksur; u
—
l-aġir kompetittiv tar-rikorrenti fiż-ŻEE u fit-territorji tal-esportazzjoni u t-tfixkil tiegħu fil-part UG tal-kartell.
4.
Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjoni tikser il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament billi naqset milli tagħti lir-rikorrenti tnaqqis taċ-ċirkustanza attenwanti ogħla minn 11 %.
Full & Egal Universal Law Academy