8.9.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 303/38
Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Ġunju 2014 – Furukawa Electric vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-444/14)
2014/C 303/46
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Furukawa Electric Co. Ltd (Tokjo, il-Ġappun) (rappreżentanti: C. Pouncey, A. Luke u L. Geary, Solicitors)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
—
tordna l-annullament tal-Artikolu 1(9)(a) tad-deċiżjoni sa fejn din tiddikjara li seħħ ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE li jinvolvi lil Furukawa bejn it-18 ta’ Frar 1999 u t-30 ta’ Settembru 2001. Alternattivament, tordna l-annullament tal-Artikolu 1(9)(a) tad-deċiżjoni sa fejn din tiddikjara li kull ksur li jinvolvi lil Furukawa beda fit-18 ta’ Frar 1999 u/jew l-involviment dirett ta’ Furukawa f’xi ksur li kompla wara l-11 ta’ Ġunju 2001;
—
tordna l-annullament tal-Artikolu 2(n) tad-deċiżjoni u/jew tordna tnaqqis sostanzjali tal-multa;
—
jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tadotta deċiżjoni f’kawża mressqa minn VISCAS Corporation li tnaqqas il-multa imposta fl-Artikolu 2(p) tad-deċiżjoni għal ksur minn VISCAS Corporation li għalih Furukawa hija responsabbli insolidum, tiddikjara li Furukawa hija intitolata għal tnaqqis ekwivalenti fl-ammont tal-multa li għaliha hija responsabbli insolidum; u
—
tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż tar-rikorrenti f’din il-kawża.
Motivi u argumenti prinċipali
B’din il-kawża, ir-rikorrenti titlob l-annullament, parzjalment, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 2139 finali tat-2 ta’ April 2014 fil-Każ AT.39610 – Power Cables.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv, li jallega li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u/jew ir-Regolament Nru 1/2003 (1) billi kkaratterizzat b’mod żbaljat l-aġir li seħħ bejn it-18 ta’ Frar 1999 sat-30 ta’ Settembru 2001. Ir-rikorrenti ssostni li:
—
il-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur li jinvolvi lir-rikorrenti fit-termini deskritti fid-deċiżjoni kkontestata matul dan il-perijodu; u
—
alternattivament, il-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi li ksur li jinvolvi lir-rikorrenti beda fit-18 ta’ Frar 1999.
2.
It-tieni motiv, li jallega, alternattivament, li l-Kummissjoni naqset milli tissodisfa l-oneru tal-prova tagħha meta ddikjarat li r-rikorrenti kompliet tipparteċipa f’xi ksur wara l-11 ta’ Ġunju 2001 jew li “kompliet” l-involviment tagħha permezz ta’ VISCAS Corporation wara t-30 ta’ Settembru 2001.
3.
It-tielet motiv, li jallega, alternattivament, li l-Kummissjoni naqset milli tissodisfa l-oneru tal-prova tagħha fir-rigward tal-livell ta’ involviment tar-rikorrenti fil-ksur.
4.
Ir-raba’ motiv, li jallega li l-multa imposta fuq ir-rikorrenti fir-rigward tal-perijodu qabel l-1 ta’ Ottubru 2001 hija preskritta.
5.
Il-ħames motiv, li jallega, alternattivament, li l-Kummissjoni wettqet żbalji fil-kalkolu tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti billi:
—
użat valur mhux xieraq ta’ figuri ta’ bejgħ biex tikkalkula l-multa imposta fuq ir-rikorrenti;
—
ikkalkolat ħażin il-multiplikatur għad-dewmien; u
—
naqset milli tapplika ċirkustanza attenwanti fil-konfront tar-rikorrenti.
6.
Is-sitt motiv, li jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja testendi lir-rikorrenti l-benefiċċju ta’ kull tnaqqis fil-multa li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti lil VISCAS Corporation, f’kull rikors imressaq minn VISCAS Corporation għall-annullament jew għall-varjazzjoni tal-multa imposta fuqha bid-deċiżjoni kkontestata.
7.
Is-seba’ motiv, li jallega li l-multa hija, f’kull każ, manifestament sproporzjonata, eċċessiva u mhux xierqa u li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għalhekk teżerċita l-kompetenza illimitata tagħha skont l-Artikolu 261 TFUE u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 biex tirrevedi l-livell tal-multa u b’hekk tnaqqasha kunsiderevolment.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).
Full & Egal Universal Law Academy