25.8.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 282/46
Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Ġunju 2014 – Taihan Electric Wire vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-446/14)
2014/C 282/60
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Taihan Electric Wire Co. Ltd (Anyang-Si, ir-Repubblika tal-Korea ta’ Isfel) (rappreżentanti: R. Antonini u E. Monard, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 2139, tat-2 ta’ April 2014 dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fil-Każ COMP/39.610 – Power Cables (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni”) sa fejn din hija indirizzata lir-rikorrenti;
—
alternattivament, tnaqqas il-multa imposta fuq ir-rikorrenti, u;
—
tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv, li jallega li l-Kummissjoni ma setgħetx tasserixxi ġurisdizzjoni fuq l-aġir tar-rikorrenti, naqset milli tipprova li r-rikorrenti pparteċipat fi ksur li hija tista’ tissanzjona skont l-Artikolu 101 TFUE, peress li s-suġġett tal-allegat aġir antikompetittiv tagħha ma kienx jikkonċerna lis-suq taż-ŻEE, u l-allegat involviment tagħha fl-aġir antikompetittiv ma seta’ jkollu u ma kellu ebda effett fuq il-kummerċ fis-suq taż-ŻEE.
2.
It-tieni motiv, li jallega li l-Kummissjoni bbażat ruħa b’mod żbaljat fuq provi miksuba waqt ispezzjonijiet li saru f’ċerti kumpanniji, fid-dawl tan-natura illegali tad-deċiżjonijiet għal ispezzjoni.
3.
It-tielet motiv, li jallega li l-Kummissjoni iddeterminat b’mod żbaljat it-tul tal-ksur allegat fir-rigward tar-rikorrenti, u b’hekk kisret, inter alia, il-prinċipji ta’ in dubio pro reo u ta’ nondiskriminazzjoni u billi naqset milli tressaq il-provi rilevanti.
4.
Ir-raba’ motiv, li jallega li l-approċċ differenti adottat mill-Kummissjoni fir-rigward tar-rikorrenti u ta’ kumpanniji oħra li għalihom kienu disponibbli provi simili fil-fajl, jikser il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità fir-rigward tar-rikorrenti.
5.
Il-ħames motiv, li jallega li d-determinazzjoni mill-Kummissjoni tal-multa li kellha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit inter alia fl-Artikolu 5 TUE, kif ukoll l-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 23(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, il-Linji Gwida (inklużi l-punt 18 u l-punt 37 tagħhom) u l-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi.
Full & Egal Universal Law Academy