25.8.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 282/47
Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Ġunju 2014 – nkt cables u NKT Holding vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-447/14)
2014/C 282/61
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: nkt cables GmbH (Köln, il-Ġermanja) u NKT Holding A/S (Brøndby, id-Danimarka) (rappreżentanti: M. Kofmann u B. Creve, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2014) 2139, tat-2 ta’ April 2014, dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fil-Każ COMP/39.610 – Power Cables (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni”);
—
alternattivament, tannulla parzjalment id-Deċiżjoni u tnaqqas sostanzjalment il-multa imposta fuqhom;
—
tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż;
—
tadotta kull miżura ulterjuri li tqis xierqa.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv, li jallega li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u l-prinċipju ġenerali tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet, billi rrifjutat li tagħtihom aċċess għal provi li potenzjalment jiskaġunaw irċevuti mill-Kummissjoni wara n-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha.
2.
It-tieni motiv, li jallega li l-Kummissjoni ddefinixxiet b’mod żbaljat il-firxa territorjali tal-ksur uniku u kontinwu u applikat b’mod żbaljat il-kriterju tal-effetti.
3.
It-tielet motiv, li jallega li d-Deċiżjoni kien fiha żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-aġir li NKT Cables instabet involuta fih, u fir-rigward tal-konklużjoni li tali aġir ipprova l-parteċipazzjoni jew l-għarfien ta’ NKT Cables fl-attivitajiet kollha li jikkostitwixxu l-ksur uniku u kontinwu.
4.
Ir-raba’ motiv, li jallega li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ NKT Cables fil-ksur uniku u kontinwu.
5.
Il-ħames motiv, li jallega li l-livell tal-multa li ġiet imposta fuq ir-rikorrenti kien għoli b’mod sproporzjonat u mhux ġustifikat.
Full & Egal Universal Law Academy