25.8.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 282/48
Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Ġunju 2014 – Hitachi Metals vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-448/14)
2014/C 282/62
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Hitachi Metals Ltd (Tokjo, il-Ġappun) (rappreżentanti: P. Crowther u C. Drew, Solicitors)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 2139, tat-2 ta’ April 2014, dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, fil-Każ COMP/39.610 – Power cables (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni”);
—
b’mod alternattiv, tannulla parzjalment id-Deċiżjoni u tnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-multa imposta fuq J-Power Systems u r-rikorrenti; u
—
tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv, li jallega li d-Deċiżjoni għandha tiġi annullata għaliex il-Kummissjoni naqset milli tipprova ksur uniku kumpless u kontinwu li jinvolvi ftehim bejn produtturi Ażjatiċi u Ewropej biex ma joperawx fit-territorji ta’ xulxin u ftehim biex proġetti ġewwa ż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jiġu allokati bejn kumpanniji Ewropej.
2.
It-tieni motiv, li jallega li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, sa fejn id-Deċiżjoni tonqos milli tipprova fil-livell meħtieġ mil-liġi l-involviment ta’ J-Power Systems Corporation matul il-perijodu kollu tal-ksur.
3.
It-tielet motiv, li jallega li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni fil-kalkolu tal-multa imposta fuq J-Power Systems Corporation, peress li tali multa ma tirriflettix il-gravità tal-ksur u r-rwol sostanzjalment limitat ta’ J-Power Systems Corporation għal perijodu sinjifikattiv tiegħu.
4.
Ir-raba’ motiv, li jallega li d-Deċiżjoni għandha tiġi annullata b’mod sħiħ sa fejn din hija bbażata b’mod deċiżiv fuq provi li l-Kummissjoni qabdet illegalment matul spezzjonijiet fl-uffiċċji ta’ Nexans. Tali provi huma essenzjali għall-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni u b’mod partikolari għall-istabbiliment tal-karattru uniku u kontinwu tal-ksur kif ukoll għall-istabbiliment ta’ allokazzjoni bejn kumpanniji Ewropej ta’ proġetti ġewwa ż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).
Full & Egal Universal Law Academy