8.9.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 303/43
Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Ġunju 2014 – AETMD vs Il-Kunsill
(Kawża T-460/14)
2014/C 303/51
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Association européenne des transformateurs de maïs doux (AETMD) (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: A. Willems, S. De Knop u J. Charles, avukati)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 307/2014, tal-24 ta’ Marzu 2014, li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 875/2013 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu qamħirrum bil-qalba ppreparat jew ippreservat li joriġina fit-Tajlandja wara rieżami interim taħt l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009;
—
tordna lill-Kunsill jikkoreġi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 875/2013 fid-dawl tal-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 307/2004;
—
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv li jallega li l-istituzzjonijiet wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisru l-Artikolu 2(3) u (4) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009 (1) billi naqsu milli jevalwaw b’mod xieraq jekk il-bejgħ domestiku ta’ River Kwai International Food Industry twettaqx fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali u jekk il-bejgħ domestiku għaldaqstant għandux iservi ta’ bażi sabiex jiġi kkalkolat il-valur normali ta’ River Kwai International Food Industry.
2.
It-tieni motiv li jallega li l-istituzzjonijiet kisru l-Artikolu 2(10) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009 billi naqsu milli jwettqu paragun ġust bejn il-prezz ta’ esportazzjoni u l-valur normali ta’ River Kwai International Food Industry.
3.
It-tielet motiv li jallega li l-istituzzjonijiet kisru l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009 billi naqsu milli jevalwaw b’mod xieraq l-allegata bidla fil-marġni ta’ dumping ta’ River Kwai International Food Industry u billi naqsu milli jevalwaw b’mod xieraq in-natura sostenibbli ta’ tali bidla allegata.
4.
Ir-raba’ motiv li jallega li l-istituzzjonijiet kisru l-Artikolu 19(2) u l-Artikolu 20(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009 billi naqsu milli jipprovdu lir-rikorrenti b’sommarju elokwenti tal-evidenza li fuqha kellhom l-intenzjoni jemendaw il-marġni ta’ dumping ta’ River Kwai International Food Industry u billi naqsu milli jipprovdu lir-rikorrenti bil-kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom huma kellhom l-intenzjoni li jemendaw id-dazju antidumping ta’ River Kwai International Food Industry.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51).
Full & Egal Universal Law Academy