15.9.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 315/67
Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Ġunju 2014 – European Environmental Bureau (EEB) vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża T-462/14)
2014/C 315/112
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: European Environmental Bureau (EEB) (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: B. Kloostra, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrent
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni tat-8 ta’ April 2014;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrent jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ April 2014 (Ares(2014)1102834) li tiċħad bħala inammissibbli t-talba għal eżami mill-ġdid intern tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/687/UE, tas-26 ta’ Novembru 2013, dwar in-notifika mir-Repubblika Ellenika ta’ pjan nazzjonali tranżitorju msemmi fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emissjonijiet industrijali.
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-illegalità tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 10 u tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nruo1367/2006 (1). Ir-rikorrent isostni li billi adottat il-miżura kkontestata, il-Kummissjoni aġixxiet bi ksur tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus sa fejn id-dispożizzjonijiet applikati mill-Kummissjoni – id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 10 u tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nruo1367/2006 – ma humiex konformi mal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. L-illegalità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1367/2006 kellhom iwasslu lill-Kummissjoni sabiex tiddikjara ammissibbli t-talba għal eżami mill-ġdid intern.
2.
It-tieni motiv, ibbażat, sussidjarjament, fuq il-fatt li billi adottat il-miżura kkontestata, il-Kummissjoni aġixxiet bi ksur tal-obbligu tagħha li taġixxi b’mod kemm jista’ jkun konformi mal-Konvenzjoni. Ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni kellha tinterpreta l-Artikolu 10 tar-Regolament Nruo1367/2006 u b’mod partikolari l-kelmiet “att amministrattiv” ta’ dan l-artikolu b’mod konformi mal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u ma kellhiex tqis id-definizzjoni ta’ dan it-terminu msemmi fl-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nruo1367/2006 li, skont ir-rikorrent, huwa wisq restrittiv.
3.
It-tielet motiv, ibbażat, sussidjarjament, fuq il-fatt li billi adottat il-miżura kkontestata, il-Kummissjoni aġixxiet bi ksur tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nruo1367/2006 meta qieset li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/687/UE ma tikkostitwixxix att ta’ portata individwali.
(1) Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas- 6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006 L 264, p. 13).
Full & Egal Universal Law Academy