8.9.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 303/44
Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Ġunju 2014 – Österreichische Post vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-463/14)
2014/C 303/52
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Österreichische Post AG (Vjenna, l-Awstrija) (rappreżentanti: H. Schatzmann, J. Bleckmann, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni fil-Każ C(2014) 2093 sa fejn id-Direttiva 2004/17/KE għandha tapplika wkoll għall-għoti ta’ kuntratti dwar is-servizzi postali li ma humiex imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni, u li fir-rigward tagħhom ir-rikorrenti talbet eżenzjoni fis-sens tal-Artikolu 30(6) tad-Direttiva 2004/17/KE;
—
sussidjarjament, sa fejn, fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata ma huwiex ammissibbli jew possibbli, tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni fl-intier tagħha;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, fir-rigward tas-servizzi postali li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1, id-deċiżjoni kkontestata hija illegali fis-sens tal-Artikolu 263(2) TFUE peress li l-Kummissjoni kisret id-dritt tal-Unjoni minħabba applikazzjoni skorretta u interpretazzjoni żbaljata tad-Direttiva 2004/17. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li s-servizzi postali pprovduti minnha huma suffiċjentement suġġetti għall-kompetizzjoni diretta, b’mod li huma sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni fis-sens tal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat il-kriterji u l-metodi stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni u fil-ġurisprudenza fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq.
Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-forom proċedurali sostanzjali peress li naqset milli timmotiva b’mod suffiċjenti d-deċiżjoni tagħha.
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet fundamentali proċedurali ġenerali sa fejn, fid-dawl tal-fatt li ma ddeċidietx dwar il-kontenut tal-motivi tar-rikorrenti u tal-provi prodotti minnha, hija kisret id-dritt għal smigħ tar-rikorrenti.
Full & Egal Universal Law Academy