8.9.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 303/45
Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Ġunju 2014 – Stavytskyi vs Il-Kunsill
(Kawża T-486/14)
2014/C 303/53
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: Edward Stavytskyi (il-Belġju) (rappreżentanti: J. Grayston, solicitor, P. Gjørtler, G. Pandey, D. Rovetta u M. Gambardella, avukati)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/216/PESK, tal-14 ta’ April 2014, li timplimenta d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU L 111, p. 91), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 381/2014, tal-14 ta’ April 2014, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU L 111, p. 33), sa fejn l-atti kkontestati jinkludu lir-rikorrent fil-lista ta’ persuni u entitajiet li għalihom japplikaw dawn il-miżuri restrittivi.
—
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tal-proċeduri.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka sitt motivi li jikkonċernaw ksur ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, kif ukoll ksur tat-Trattati u tal-istat tad-dritt fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom: ksur tad-dritt għal smigħ, ksur tal-obbligu li tinnotifika, biex tagħti avviż, motivazzjoni insuffiċjenti, ksur tad-drittijiet tad-difiża, bażi legali żbaljata, u żball manifest ta’ evalwazzjoni.
Ir-rikorrent isostni li l-Kunsill naqas milli jisma lir-rikorrent, u li ebda indikazzjoni opposta ma tiġġustifika dan. Barra minn hekk, il-Kunsill naqas milli jinnotifika l-atti kkontestati lir-rikorrent, u fi kwalunkwe każ dawn l-atti kien fihom motivazzjoni insuffiċjenti. Talbiet għal aċċess għal informazzjoni u dokumenti ma kinux ġew imwieġba mill-Kunsill. Minħabba f’dawn l-ommissjonijiet, il-Kunsill kiser id-dritt tad-difiża tar-rikorrent, li kien effettivament imċaħħad mill-possibbiltà li jikkontesta l-konklużjonijiet tal-Kunsill, peress li dawn il-konklużjonijiet ma ġewx żvelati lir-rikorrent. Barra minn hekk, il-miżuri meħuda mill-Kunsill ma jikkostitwixxux miżuri ta’ politika barranija, iżda jikkostitwixxu kooperazzjoni internazzjonali fi proċeduri kriminali, li għalhekk ġew adottati fuq bażi legali żbaljata. Fl-aħħar nett, il-miżuri meħuda mill-Kunsill ġew adottati mingħajr kunsiderazzjoni xierqa tal-fatti rilevanti kif ukoll tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar proċeduri kriminali fl-Ukraina, speċjalment fir-rigward tal-prosekuzzjoni ta’ uffiċjali tal-gvern preċedenti.
Full & Egal Universal Law Academy