25.8.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 282/55
Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Ġunju 2014 – Grandi Navi Veloci SpA vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża T-506/14)
2014/C 282/74
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Grandi Navi Veloci SpA (Palermo, l-Italja) (rappreżentanti: S. Grassani, S. Ravenna u A. Franchi, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2013)9101 finali, tat-22 ta’ Jannar 2014, sa fejn il-Kummissjoni ddeċidiet li la s-sussidju għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ promozzjoni u lanqas il-garanziji (ittri ta’ intenzjoni bħala garanzija għas-self bankarju), mogħtija lil Saremar mir-Regione Sardegna, ma jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Dan ir-rikors huwa dirett kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2013)9101 finali, tat-22 ta’ Jannar 2014, dwar il-miżuri ta’ għajnuna SA.32014 (2011/C), SA.32015 (2011/C) u SA.32016 (2011/C) li r-Regione Sardegna implementa favur Saremar. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod partikolari li la s-sussidju għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ promozzjoni u lanqas il-garanziji (ittri ta’ intenzjoni bħala garanzija għas-self bankarju), mogħtija lil Saremar mir-Regione Sardegna, ma jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
1.
Fl-ewwel motiv tagħha, ibbażat fuq il-ksur u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(1) TFUE, Grandi Navi Veloci tallega li d-deċiżjoni hija vvizzjata b’illegalità safejn din tistabbilixxi li Saremar ma kisbitx vantaġġ ekonomiku mir-remunerazzjoni mħallsa mir-Regione Sardegna għall-allegati attivitajiet ta’ promozzjoni. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 107(1) TFUE billi kkunsidrat li l-prezz ta’ EUR 3 0 00 000 mħallas mir-Regione Sardegna bħala remunerazzjoni għall-attivitajiet ta’ promozzjoni fdati lil Saremar kien konformi mal-valuri tas-suq u li ma kinitx issodisfatta l-kundizzjoni tal-vantaġġ ekonomiku favur il-kumpannija benefiċjarja.
2.
Fit-tieni motiv tagħha, Grandi Navi Veloci, fl-ewwel lok, tinvoka l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tan-natura allegatament inadegwata tal-metodu użat mill-espert maħtur mit-Tribunale di Genova u, fit-tieni lok, tikkritika l-aġir tal-Kummissjoni mill-perspettiva tan-nuqqas ta’ istruttorja tal-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.
3.
Fit-tielet motiv tagħha, Grandi Navi Veloci tinvoka l-kontradizzjoni u l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni, fis-sens tal-Artikolu 296 TFUE, fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-miżura marbuta mal-allegati attivitajiet ta’ promozzjoni bħala li ma tikkostitwixxix għajnuna.
4.
Fir-raba’ motiv tagħha, Grandi Navi Veloci ssostni, fl-ewwel lok, il-ksur u l-applikazzjoni zbaljata tal-Artikolu 107(1) TFUE permezz tad-dikjarazzjoni li l-ittri ta’ intenzjoni maħsuba sabiex jiggarantixxu self bankarju ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat u, fit-tieni lok, il-ksur korrelattiv tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 296 TFUE.
Full & Egal Universal Law Academy