10.11.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 395/52
Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Lulju 2014 – Larymnis Larko vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża T-575/14)
2014/C 395/65
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: Elliniki Metalleftiki kai Metallourgiki Larymnis Larko A.E. (Kallithea Attikis, il-Greċja) (rappreżentanti: B. Koulouris, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Marzu 2014 [SG–Greffe (2014) D/4621/28-03-2014] dwar għajnuna mill-Istat favur kumpannija b’responsabbiltà limitata “Geniki Metalleftiki kai Metallourgiki Anonimi Eteria NEA LARKO” [NEA LARKO], Nru SA.34572 (2013/C) (ex 2013NN), li r-Repubblika Ellenika implementat, sa fejn huma kkonċernati l-miżuri 2, 3, 4 u 6, li, skont id-deċiżjoni kkontestata, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat inkumpatibbli mas-suq intern;
—
tikkundanna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż tar-rikorrenti.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti, fl-ewwel lok, issostni li għandha interess ġuridiku manifest biex titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, inkwantu din tirrigwardha b’mod dirett u individwali, bħal fil-każ tad-destinatarji tagħha, u fit-tieni lok, tiddeduċi tliet motivi:
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, skont l-Artikolu 296 TFUE
—
Ir-rikorrenti ssostni li: a) kif jirriżulta mill-istess deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjonijiet tagħha dwar il-miżuri inkwistjoni adottati mill-awtorità Griega mingħajr ma kellha informazzjoni suffiċjenti f’dan ir-rigward. B’mod partikolari, fir-rigward tal-miżuri 2, 4 u 6 (rispettivament il-garanziji mill-Istat tal-2008, tal-2010 u tal-2011), id-deċiżjoni kkontestata tirreferi espressament għall-fatt li l-Kummissjoni ma kellhiex informazzjoni dwar l-iskadenza ta’ tali garanziji. Fir-rigward, barra minn hekk, tal-miżura 3 (żieda fil-kapital tal-2009), il-Kummissjoni tammetti li ma tafx meta kienet seħħet parti sinjifikattiva ta’ tali żieda ta’ kapital; b) id-deċiżjoni kkontestata tbati minn nuqqas ta’ motivazzjoni wkoll inkwantu ma tiddefinixxix bl-ebda mod is-suq tal-prodotti sabiex jiġi delimitat l-oriġini tal-vantaġġ għal NEA LARKO u l-iżvantaġġ tal-kompetizzjoni għall-operaturi l-oħra; ċ) fil-verità, fir-rigward tal-miżuri 4 u 6, huwa biss l-Istat Grieg li nissel vantaġġ minn dan il-każ, li, minflok ma ta lura lil NEA LARKO t-taxxi mħallsa minnha (taxxa fuq id-dħul u l-VAT) tatha l-garanzija inkwistjoni, flimkien ma’ primjum.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti (żball ta’ fatt), kif ukoll fuq żball ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 296(2) TFUE u 107(1) TFUE
—
Ir-rikorrenti ssostni s-segwenti a) kemm fil-każ tal-garanzija msemmija iktar ’il fuq (il-miżuri 2, 4 u 6) kif ukoll fil-każ tal-miżura 3 (iż-żieda tal-kapital ta’ NEA LARKO tal-2009) l-awtorità Griega aġixxiet “bħala investitur razzjonali fis-suq”. Kwalunkwe investitur professjonali raġonevoli u razzjonali kien jagħti garanzija lill-kumpannija li fiha huwa għandu interessi (bħal fil-każ ineżami ta’ NEA LARKO għall-Istat Grieg) għat-taxxi koperti mill-obbligi korrispondenti tagħha fil-konfront tal-impriża tagħha (f’dan il-każ, obbligi tal-Istat Grieg għall-ħlas lura favur NEA LARKO tat-taxxi fuq id-dħul u tal-VAT). Barra minn hekk, f’din il-kawża, l-Istat Grieg stenna li jwettaq profitt mill-bejgħ ta’ NEA LARKO. Għandu jiġi enfasizzat li l-garanziji inkwistjoni ma seħħewx u li b) id-deċiżjoni kkontestata la eżaminat il-portata tal-impriża kkontrollata u lanqas jekk, fid-dawl ta’ tali portata u tal-pożizzjoni ta’ NEA LARKO fis-settur sħiħ tas-suq tal-prodott, din tal-aħħar setgħetx tinfluwenza s-suq intern tal-“prodott”. Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li l-portata ta’ NEA LARKO hija tali li għaliha l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni ma setgħetx ikollha bl-ebda mod effett fuq is-suq intern.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità
—
Ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk jiġi aċċettat li l-garanziji inkwistjoni jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat illegali, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata minħabba ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tal-għajnuna riċevuta. B’mod speċifiku, fir-rigward ta’ tali determinazzjoni tal-ammont tal-għajnuna riċevuta (miżuri 2, 4 u 6), il-Kummissjoni ma kkunsidratx il-fatt li l-miżuri inkwistjoni ma seħħewx u li, għalhekk, ma kienx legalment aċċettabbli li NEA LARKO (jew impriża terza) tintalab tħallas l-istess ammont tal-garanziji li ma seħħewx, inkwantu tali ammont kien kopert anki bil-garanzija tal-Istat Grieg, liema Stat b’mod ċert ta l-garanziji inkwistjoni sabiex jiġi kopert d-dejn ta’ NEA LARKO, id-destinatarja tas-self.
Full & Egal Universal Law Academy