29.9.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 339/26
Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Awwissu 2014 – VSM Geneesmiddelen vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-578/14)
2014/C 339/31
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: VSM Geneesmiddelen BV (Alkmaar, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: U. Grundmann, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
—
tiddikjara li l-Kummissjoni illegalment naqset milli tibda l-evalwazzjoni tal-allegazzjonijiet ta’ saħħa dwar sustanzi botaniċi mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għall-proċedura prevista mit-Taqsima 3 tal-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) 1924/2006 (1) mill-1 ta’ Awwissu 2008; u
—
sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni, li allegatament tinsab fl-ittra tal-Kummissjoni tal-29 ta’ Ġunju 2014, li ma tibdiex l-evalwazzjoni tal-allegazzjonijiet ta’ saħħa dwar sustanzi botaniċi mill-EFSA permezz tal-proċedura prevista mill-Artikolu 13 qabel l-1 ta’ Awwissu 2014.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni li skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) 1924/2009 – Regolament dwar allegazzjonijiet ta’ saħħa (“RAS”), il-Kummissjoni Ewropea kellha l-obbligu li tadotta lista ta’ allegazzjonijiet permessi ta’ sustanzi użati fl-ikel mhux iktar tard mill-31 ta’ Jannar 2010. Bi tħejjija għall-adozzjoni ta’ tali lista l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà (EFSA) kienet ikkummissjonata sabiex tevalwa allegazzjonijiet li ġew sottomessi mill-Istati Membri. Madankollu, f’Settembru 2010 il-Kummissjoni ħabbret li ssospendiet u rrevediet allegazzjonijiet fuq sustanzi botaniċi, u b’hekk EFSA waqfet tipproċessa dawn l-allegazzjonijiet. Il-Kummissjoni ssospendiet biss il-proċedura ta’ evalwazzjoni fuq sustanzi botaniċi, iżda mhux il-proċedura fuq sustanzi oħra, bħal dawk kimiċi.
Ir-rikorrenti sejħet lill-Kummissjoni Ewropea permezz ta’ ittra tat-23 ta’ April 2014 sabiex tagħti struzzjonijiet lill-EFSA li mingħajr dewmien tkompli bl-evalwazzjoni tal-allegazzjonijiet ta’ saħħa użati fl-ikel, peress li hija affettwata ħafna bix-xogħol lura legali u bl-inċertezza fil-qasam ta’ allegazzjonijiet botaniċi użati fl-ikel.
Il-Kummissjoni infurmat lir-rikorrenti li permezz tal-ittra tagħha tad-19 ta’ Ġunju 2014 li hija kienet irċeviet tħassib differenti mill-Istati Membri u mill-partijiet kkonċernati u li ma hijiex ser tibda l-evalwazzjoni tal-allegazzjonijiet ta’ saħħa fuq materjali botaniċi f’dan l-istadju. Ir-rikorrenti bagħtet ittra ulterjuri lill-Kummissjoni, datata 8 ta’ Lulju 2014, li fiha stabbilixxiet terminu għall-bidu tal-evalwazzjoni tal-allegazzjonijiet ta’ saħħa fuq materjali botaniċi mill-EFSA, li jintemm fil-31 ta’ Lulju 2014. Il-Kummissjoni ma weġbitx għal din l-ittra.
B’hekk jista’ jiġi konkluż li l-Kummissjoni Ewropea naqset milli tistabbilixxi lista sħiħa ta’ allegazzjonijiet ta’ saħħa fuq sustanzi użati fl-ikel kif rikjest mill-Artikolu 13(3) RAS. L-Artikolu 13 RAS ma jipprevedix biss termini ċari iżda wkoll proċeduri ddefiniti b’mod ċar għall-adozzjoni tal-lista ta’ allegazzjonijiet ta’ saħħa fuq sustanzi użati fl-ikel. Ir-regolament ma jipprevedix xi diskrezzjoni għall-Kummissjoni Ewropea li tbiddel il-passi proċedurali u lanqas li testendi t-termini.
Barra minn hekk, skont il-premessa 9, ir-Regolament dwar allegazzjonijiet ta’ saħħa għandu l-għan li jistabbilixxi “prinċipji ġenerali li japplikaw għall-indikazzjonijiet [allegazzjonijiet] kollha”. Dan juri biċ-ċar li l-leġiżlatur ma xtaqx jistabbilixxi livelli differenti ta’ evalwazzjonijiet għal tipi speċifiċi ta’ sustanzi. Għaldaqstant, il-kunsiderazzjonijiet kollha meħuda mill-Kummissjoni Ewropea fir-rigward ta’ sistema separata għall-evalwazzjoni ta’ allegazzjonijiet fuq materjali botaniċi mhux biss ma għandhomx bażi legali iżda wkoll jikkontradixxu l-għanijiet ġenerali tar-regolament.
(1) Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar indikazzjonijiet [allegazzjonijiet] dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija [magħmula] fuq l-ikel (ĠU L 404, p. 9)
Full & Egal Universal Law Academy