15.9.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 315/70
Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Awwissu 2014 – Aduanas y Servicios Fornesa vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-580/14)
2014/C 315/115
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrenti: Aduanas y Servicios Fornesa, SL (Lleida, Spanja) (rappreżentant: I. Toda Jiménez, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
—
tirrikonoxxi u tiddikjara d-dritt tar-rikorrenti għall-maħfra tad-dazji doganali mitluba lilha fl-istess Ftehim li jirregola l-ħlas tas-27 ta’ Ġunju 2011 tad-Dependencia Regional de Aduanas e Impuestos Especiales de la delegación Especial de Cataluña [Dipartiment Reġjonali tad-Dwana u tat-Taxxi Speċjali tad-Delegazzjoni Speċjali tal-Cataluña], għat-taxxa stabbilita permezz tat-Tarifa Exterior Comunidad [Tariffa Komunitarja Esterna] għas-snin finanzjarji 2006, 2007 u 2008, u għal ammont ta’ EUR 2 4 53 003,38 u
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż ta’ dan ir-rikors għal annullament.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti f’din il-kawża titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-15 ta’ April 2014, fil-fajl REM 02/2012, li fir-rigward tagħha r-rikorrenti kienet irrifjutata l-maħfra tad-dazji doganali mitluba għat-transazzjonijiet ta’ importazzjoni ta’ “ġulepp taz-zokkor imħawwar u kkulurit” li oriġinarjament ġie ddikjarat ipproċessat f’Andorra, f’liema każ hija interveniet bħala aġent doganali u aġixxiet bħala rappreżentanta indiretta tal-importatur.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, minħabba fi żball tal-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni partikolari u billi naqset milli tevalwa l-fatti rilevanti għad-Deċiżjoni
—
F’dan ir-rigward ġie allegat li l-aġent doganali ma kellux x’jaqsam mal-proċess ta’ manifattura tal-prodott importat, li kien l-element prinċipali sabiex jintalab il-ħlas tad-dazji doganali, li l-operat tal-importatur kien kumpless u ma kinex magħruf mill-aġent doganali, li d-Dwana Spanjola ma informathiex dwar is-suspetti tagħha fil-konfront tal-azzjonijiet tal-importatur u lanqas ma adottat xi miżura ta’ prekawzjoni, li ċ-ċertifikati EUR 1 li kienu jkopru dawn l-importazzjonijiet kienu ratifikati darbtejn mill-awtoritajiet ta’ Andorra, u li anki l-ewwel analiżi tad-Dwana Spanjola kkonfermat li l-prodotti kienu intitolati għal trattament preferenzjali.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, minħabba li ma kien hemm ebda “manuvra” jew “negliġenza manifesta” li teskludi l-maħfra tad-dazji mitluba
—
F’dan ir-rigward ir-rikorrenti tafferma li l-Kummissjoni sempliċement elenkat sensiela ta’ azzjonijiet possibbli li allegatament seta’ wettaq l-aġent doganali u li setgħu wasslu sabiex iqajmu dubju fil-konfront tar-regolarità tal-azzjonijiet li wasslu għall-importazzjonijiet. Madankollu, fi kwalunkwe każ ma jidhirx li kien hemm “manuvra” jew “negliġenza manifesta” tal-aġent doganali, li permezz tagħha ma tiġix prekluża l-maħfra.
—
Ir-rikorrenti tenfasizza wkoll il-bona fides u d-diliġenza osservata f’kull waqt mill-aġent doganali.
Full & Egal Universal Law Academy