20.10.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 372/19
Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Awwissu 2014 – Is-Slovenja vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-585/14)
2014/C 372/24
Lingwa tal-kawża: is-Sloven
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika tas-Slovenja (rappreżentant: L. Bembič, Avukat Ġenerali)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni li tinsab fl-ittra tal-Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali tal-Baġit, Nru BUDG/B/03MV D (2014) 1782918, tat-2 ta’ Ġunju 2014, li fiha, minn naħa, huwa kkonstatat li r-rikorrenti hija finanzjarjament responsabbli għat-telf ta’ riżorzi tal-Unjoni, sa fejn ammont ta’ zokkor ġie importat barra mis-sistema tal-kwoti tarrifarji ta’ importazzjoni u sa fejn ma ġewx iddeterminati r-riżorsi relattivi għal tali importazzjoni u, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti hija ordnata tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni ammont ekwivalenti għar-riżorsi mitlufa, li, fil-każ inkwistjoni, li fih il-liċenzja ta’ importazzjoni ġiet kompletament użata, jammontaw għal EUR 12 5 7 00 000;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż tal-proċeduri.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni
—
Fl-ittra inkwistjoni l-Kummissjoni żbaljatament qieset li t-telf ta’ riżorsi kien jirriżulta minn żball imwettaq mill-importatur fit-talba tiegħu għall-ħruġ ta’ liċenzja ta’ importazzjoni u li ma ġiex ikkoreġut kif suppost mill-awtoritajiet Sloveni.
—
Fil-fatt, l-importatur mela u kkoreġa t-talba tiegħu fit-termini stabbiliti, filwaqt li l-iżball fil-fatt sar fil-fażi tal-għoti tal-informazzjoni fil-kuntest tat-talba lill-Kummissjoni, minn naħa tal-aġenzija tar-Repubblika tas-Slovenja għas-suq agrikolu u għall-iżvilupp rurali, għall-ħruġ ta’ liċenzji ta’ importazzjoni għall-applikazzjoni tal-kwoti AMIS, u dan biss minħabba n-nuqqasijiet fis-sistema tal-kwoti AMIS
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tar-regoli dwar il-proċeduri deċiżjonali tal-Kummissjoni
—
L-ittra inkwistjoni ġiet iffirmata mid-direttur tad-Direttorat Ġenerali tal-Baġit, anke jekk fi kwistjonijiet relattivi għar-responsabbiltà finanzjarja tar-rikorrenti għat-telf tar-riżorsi tal-Unjoni, li huma s-suġġett ta’ din l-ittra, hija l-Kummissjoni li għandha kompetenza inkwantu korp kolleġjali
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq bażi ġuridika żbaljata
—
Il-Kummissjoni naqset milli timmotiva suffiċjentement l-ittra inkwistjoni, li tinkludi d-deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà finanzjarja tar-rikorrenti, b’mod li ma kienx possibbli li jiġi evalwat jekk din l-ittra kinitx korretta u konformi mad-dritt sostantiv, bi ksur konsegwenti tal-Artikolu 296 TFUE u tar-Regoli tal-Proċedura tal-Kummissjoni.
—
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma indikatx il-bażijiet legali adatti li jiġġustifikaw id-deċiżjoni tagħha li f’dan il-każ inkwistjoni kien hemm telf tar-riżorsi u li r-rikorrenti hija responsabbli għalih.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u fuq ksur tad-dritt għal smigħ
—
Qabel ma kitbet din l-ittra, il-Kummissjoni ma informatx lir-rikorrenti dwar l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tagħha u dan jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ verifika min-naħa tal-Kummissjoni
—
L-iżball tar-rikorrenti fl-ipproċessar tat-talba għall-ħruġ tal-liċenzja ta’ importazzjoni huwa konsegwenza tan-nuqqasijiet fis-sistema informatika u elettronika tas-sistema ta’ kwoti AMIS, maħluqa u operata mill-Kummissjoni; għaldaqstant, ir-rikorrenti ma hijiex responsabbli għall-iżball imwettaq.
6.
Is-sitt motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali u ta’ projbizzjoni ta’ arrikiment indebitu
—
Skont ir-rikorrenti, fid-dawl tal-fatt li ma ġiex ivverifikat telf ta’ riżorsi, l-attribuzzjoni ta’ responsabbiltà finanzjarja għall-iżball fil-fażi ta’ reġistrazzjoni tal-informazzjoni fis-sistema informatika ineffiċjenti tal-Kummissjoni tikkostitwixxi arrikiment indebitu favur l-Unjoni.
—
Skont ir-rikorrenti hemm ukoll ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, inkwantu ma hija prevista ebda proċedura ta’ korrezzjoni tal-iżball għas-sitwazzjonijiet li fihom jista’ jsir arrikiment indebitu.
—
Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, leġiżlazzjoni li fil-kuntest tagħha ma huwiex possibbli li jiġu kkoreġuti l-iżbalji amministrattivi mwettqa fil-proċedura ta’ ħruġ ta’ liċenzja ta’ importazzjoni, anke jekk fir-rigward tal-persuni kkonċernati ma jirriżulta ebda dannu mill-iżball amministrattiv – u għaldaqstant tissussisti neċessarjament responsabbiltà finanzjarja tal-Istat Membru – hija kuntrarja wkoll għall-prinċipju ta’ proporzjonalità.
—
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni, billi ma temmietx fi żmien raġonevoli l-proċedura ta’ verifika tar-responsabbiltà finanzjarja, kisret ukoll il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi.
Full & Egal Universal Law Academy