3.11.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 388/20
Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Awwissu 2014 – L-Italja vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-636/14)
2014/C 388/24
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentanti: P. Gentili, avvocato dello Stato, G. Palmieri, aġent)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti għal pożizzjoni ta’ Direttur taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea (il-Lussemburgu), grupp ta’ funzjonijiet AD, grad 14, (COM/2014/10356), ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-17 ta’ Ġunju 2014 C 185 A;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-kawża.
Motivi u argumenti prinċipali
Dan ir-rikors qiegħed jiġi ppreżentat kontra l-avviż iċċitat iktar 'il fuq, sa fejn il-kandidati għandhom jippreżentaw lilhom infushom bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 18 u tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 24 TFUE; tal-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; tal-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament Nru 1/58; tal-Artikolu 1d(1) u (6) tar-Regolamenti tal-Persunal (li japplikaw b’analoġija għall-membri tal-persunal temporanju u jirreferu għall-avviż ikkontestat)
—
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li, permezz ta’ riferiment għas-sit tal-internet tal-Kummissjoni li kien jinkludi tali rekwiżit vinkolanti, l-avviż impona fuq il-kandidati l-obbligu li jippreżentaw il-kurrikulu u l-ittra ta’ motivazzjoni bilfors bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż, minflok fi kwalunkwe lingwa tal-Unjoni.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ kooperazzjoni leali (Artikolu 4(3) TUE)
—
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li, matul il-proċedura ta’ adozzjoni tal-avviż inkwistjoni, il-Kummissjoni kienet żgurat formalment lill-Gvern Taljan li l-imsemmija diskriminazzjoni minħabba l-lingwa kienet ser titneħħa, filwaqt li aġixxiet b’mod oppost fir-redazzjoni tal-avviż u meta stabbilixxiet ir-regoli ta’ funzjonament tas-sit tal-internet li għalih l-avviż jagħmel riferiment fir-rigward tal-preżentazzjoni tal-kandidaturi.
Full & Egal Universal Law Academy