3.11.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 388/21
Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Awwissu 2014 – ADR Center vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-644/14)
2014/C 388/25
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: ADR Center Srl (Ruma, l-Italja) (rappreżentant: L. Tantalo, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni esposta fl-ittra tagħha tas-27 ta’ Ġunju 2014 għal azzjoni ta’ rkupru kontra ADR Center;
—
tordna l-ħlas immedjat tal-bilanċ dovut lil ADR Center ta’ EUR 79 700,40 fuq il-fattura pro forma u noti ta’ kreditu maħruġa fit-13 ta’ Novembru 2013;
—
tordna l-ħlas immedjat tad-danni sostnuti minn ADR Center għar-reputazzjoni internazzjonali tagħha, u għal ħin użat mill-membri tal-persunal anzjani tagħha għad-difiża kontra pretensjoni infondata;
—
tordna lill-konvenuta u kwalunkwe intervenjenti sabiex iħallsu l-ispejjeż legali tar-rikorrenti u l-ispejjeż ta’ din il-proċedura f’ammont li għandu jiġi ddeterminat b’mod ekwu mill-Qorti Ġenerali.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata peress li l-azzjonijiet ta’ awditu u l-ordnijiet sussegwenti tal-Kummissjoni huma bbażati fuq sett ta’ regoli li qatt ma sar ftehim dwarhom.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata peress li l-Kummissjoni dewmet b’mod irraġonevoli l-ħruġ tar-rapporti tal-awditu finali u l-ordnijiet ta’ rkupru relatati.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni naqset milli tissodisfa l-oneru tal-prova tagħha. Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni bbażat l-awditu finanzjarju finali tagħha u l-ordnijiet ta’ rkupru sussegwenti fuq konstatazzjonijiet li ma ġewx issostanzjati.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konstatazzjonijiet tal-awditu tal-Kummissjoni kienu żbaljati. Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward li l-konstatazzjonijiet tal-awditu tal-Kummissjoni huma kkontestati fuq il-bażi ta’ diversi żbalji manifesti, proċedurali u sostantivi. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni mhux biss naqset milli teżamina mill-ġdid l-istess ordnijiet li hija ħarġet iżda wkoll, b’mod manifest, injorat u naqset milli tikkunsidra l-kwistjonijiet kollha jew kwalunkwe kwistjoni mqajma minn ADR Center.
Full & Egal Universal Law Academy