1.12.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 431/30
Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Settembru 2014 – Milchindustrie-Verband und Deutscher Raiffeisenverband vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-670/14)
(2014/C 431/53)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Milchindustrie-Verband e.V. (Berlin, il-Ġermanja), Deutscher Raiffeisenverband e.V. (Berlin) (rappreżentanti: I. Zenke u T. Heymann, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2014/C 200/01, tat-28 ta’ Ġunju 2014, li tikkonċerna l-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014–2020, sa fejn l-industrija tal-ħalib (NACE 10.51) ma tissemmiex fl-Anness 3 minkejja li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fis-sezzjoni 3.7.2 ta’ dawn il-linji gwida;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq użu ħażin ta’ poter minħabba żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-għażla tal-perijodu ta’ referenza
—
Ir-rikorrenti jsostnu li, billi implementat il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014–2020 (1), il-konvenuta kisret il-prinċipji fundamentali tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali peress li hija bbażat ruħha fuq data mhux aġġornata għall-kalkolu tal-intensità tal-iskambji kummerċjali minkejja li data ġdida kienet disponibbli.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq użu ħażin ta’ poter minħabba eżami insuffiċjenti tal-fatti
—
Ir-rikorrenti jsostnu li l-konvenuta barra minn hekk għamlet użu ħażin tal-poter sa fejn għall-kalkolu tal-intensità tal-iskambji kummerċjali hija ma identifikatx u ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-prodotti kollha effettivament immanifatturati mill-industrija tal-ħalib. Dan iwassal għal distorsjoni fir-rappreżentazzjoni tas-sitwazzjoni kompetittiva.
3.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali
—
Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-konvenuta, billi kklassifikat is-setturi ekonomiċi fl-Anness 3 jew fl-Anness 5 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat, kisret l-Artikolu 296 TFUE peress li hija ma indikatx kif u abbażi ta’ liema data l-kriterju tal-intensità tal-iskambji kummerċjali għandu jiġi kkalkolat u ddeterminat. Għaldaqstant, ir-rikorrenti huma mċaħħda mill-possibbiltà li jeżerċitaw effettivament id-drittijiet tagħhom.
(1) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014–2020 (ĠU C 200, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy