8.12.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 439/30
Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Settembru 2014 – Bayerische Motoren Werke vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-671/14)
(2014/C 439/41)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Bayerische Motoren Werke AG (München, il-Ġermanja) (rappreżentanti: M. Rosenthal, G. Drauz u M. Schütte, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni tal-konvenuta tad-9 ta’ Lulju 2014 fil-Każ SA.32009 (2001/C) skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE sa fejn din tiddikjara inkompatibbli mas-suq intern is-somma ta’ EUR 2 8 2 57 273, li tikkorrispondi għal parti mill-għajnuna ta’ EUR 4 5 2 57 273 mitluba li teċċedi EUR 17-il miljun;
—
sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni tal-konvenuta tad-9 ta’ Lulju 2014 fil-Każ SA.32009 (2001/C) skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE sa fejn din tiddikjara inkompatibbli mas-suq intern is-somma ta’ EUR 22.5 miljun eżentata mill-obbligu ta’ notifika skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 800/2008 (1);
—
tikkundanna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż tal-kawża skont l-Artikolu 87 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi li ġejjin:
1.
L-ewwel motiv: ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE
—
Ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta kisret l-Artikolu 108(3) TFUE sa fejn din ma ssodisfatx l-obbligu tagħha ta’ eżami b’attenzjoni u imparzjali, u sa fejn din iddikjarat b’mod manifestament żbaljat li l-komunikazzjoni dwar il-kriterji ta’ evalwazzjoni fid-dettall tal-għajnuna reġjonali favur proġetti kbar tal-investiment kienet kompletament applikabbli.
—
Ir-rikorrenti ssostni wkoll li, kieku l-konvenuta evalwat korrettament il-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq, hija ma kinitx tkun tista’ tgħaddi għal evalwazzjoni fid-dettall. Billi għamlet eżami fid-dettall mingħajr ma ddeterminat minn qabel il-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq u billi applikat fil-konfront tar-rikorrenti trattament diskriminatorju fuq il-bażi tiegħu, il-konvenuta manifestament wettqet żball ta’ evalwazzjoni.
2.
It-tieni motiv: ksur tal-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE
—
Ir-rikorrenti ssostni wkoll li billi llimitat, b’mod manifestament żbaljat, l-effett ta’ inċentiv u l-ħtieġa tal-għajnuna għad-differenza fl-ispejjeż bejn Munich u Leipzig, li hija preċedentement evalwat fl-ammont ta’ EUR 17-il miljun, il-konvenuta kisret l-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE.
—
F’dan ir-rigward ir-rikorrenti tispjega li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ffokat biss fuq din id-differenza fl-ispejjeż fl-evalwazzjoni fid-dettall tagħha u b’mod definittiv, dan l-iffokar u l-awtomazzjonijiet li hija induċiet ma ppermettulhiex li teżerċita b’mod korrett is-setgħa diskrezzjonali tagħha, partikolarment meta eżaminat il-ħtieġa u l-effetti tal-għajnuna.
3.
Motiv sussidjarju: ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE u tar-Regolament Nru 800/2008
—
Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li billi pprekludiet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, b’mod manifestament żbaljat, milli tagħti lir-rikorrenti għajnuna fuq il-bażi tal-iskema ta’ għajnuna approvata indikata fl-Investitionszulagengesetz (Liġi dwar l-Għajnuna għall-Investimenti) f’ammont li jaqa’ taħt il-limitu ta’ EUR 22,5 miljun li miegħu huwa marbut l-obbligu ta’ notifika, il-konvenuta kisret l-Artikolu 108(3) TFUE kif ukoll ir-Regolament Nru 800/2008.
—
Ir-rikorrenti tqis li billi llimitat b’dan il-mod l-ammont tal-għajnuna għal-limitu li miegħu huwa marbut l-obbligu ta’ notifika, il-konvenuta wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, eċċess tas-setgħat tagħha u diskriminazzjoni illeċita fil-konfront tar-rikorrenti b’paragun mal-benefiċjarji ta’ għajnuna li rċevew l-ammont ta’ EUR 22,5 miljun bl-eżenzjoni mill-obbligu ta’ notifika.
(1) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008, tas-6 ta’ Awwissu 2008, li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (ĠU L 214, p. 3).
Full & Egal Universal Law Academy