3.11.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 388/23
Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Settembru 2014 – SEA vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-674/14)
2014/C 388/29
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Società per azioni esercizi aeroportuali (SEA) (Segrate, l-Italja) (rappreżentanti: F. Gatti, J.-F. Bellis, F. Di Gianni u A. Scalini, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni C (2014) 4537 final, tad-9 ta’ Lulju 2014, li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea bdiet proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar l-istabbiliment ta’ Airport Handling;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.
—
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni elementi (pereżempju, il-fatt li ġiet stabbilita Trust sabiex jiġi żgurat li tinkiser il-kontinwità ekonomika bejn Airport Handling u SEA Handling, kumpannija li allegatament hija l-benefiċjarja tal-għajnuna mill-Istat SA.21420) li għandhom rwol essenzjali fl-adozzjoni tad-deċiżjoni u li l-Kummissjoni kienet informata tajjeb bihom.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(1) TFUE, li tirriżulta minn żball ta’ evalwazzjoni ta’ elementi importanti u ta’ informazzjoni oġġettiva li r-rikorrenti ġabet għall-konjizzjoni tal-Kummissjoni.
—
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żbaljat meta ddeċidiet li Airport Handling tista’ titqies li hija s-suċċessur ekonomiku ta’ SEA Handling u li l-kontribuzzjoni magħmula mir-rikorrenti lil Airport Handling tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji fundamentali ta’ aspettattivi leġittimi, amministrazzjoni tajba, ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni.
—
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-aġir tad-dipartimenti tal-Kummissjoni u d-deċiżjoni kkontestata jmorru manifestament kontra l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni msemmija iktar ’il fuq. B’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ proporzjonalità, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kien imissha neħħiet id-dubji tagħha permezz ta’ analiżi diliġenti tal-informazzjoni diġà pprovduta mir-rikorrenti f’fażi preċedenti tal-investigazzjoni, minflok ma adottat id-deċiżjoni kkontestata li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali.
Full & Egal Universal Law Academy