3.11.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 388/25
Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Settembru 2014 – Spanja vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-676/14)
2014/C 388/31
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrent: Ir-Renju ta’ Spanja (rappreżentant: A. Rubio González, Abogado del Estado)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla d-Deċiżjoni C(2014) 4856 finali, tal-11 ta’ Lulju 2014, dwar il-ftuħ ta’ investigazzjoni dwar il-manipulazzjoni tal-istatistika fi Spanja, skont ir-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro, u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ nuqqas ta’ retroattività tar-regoli.
—
F’dan ir-rigward ir-rikorrent jallega li l-prinċipji ta’ legalità u ta’ nuqqas ta’ retroattività tar-regoli, applikati għar-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Novembru 2011, dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro (ĠU L 306, p. 1) u għad-Deċiżjoni 2012/678/UE, jippresupponu li ma jistgħux jiġu ġġudikati fatti li seħħew qabel it-13 ta’ Diċembru 2011, mument li fih il-fatti tal-kawża preżenti ma setgħux jiġu ssanzjonati. L-unika data li tista’ tkun issanzjonata hija dik innotifikata f’April 2012. Fil-fatt, il-perijodu tal-investigazzjoni għandu jkun limitat għad-data li tinsab fin-notifiki li saru mill-2012.
Il-perijodu tal-investigazzjoni għandu jkun limitat għad-data li tinsab fin-notifiki li saru mill-2012, meta din tirrigwarda fatti li seħħew minn Diċembru 2011, li hija d-data tad-dħul fis-seħħ tar-regolament imsemmi iktar ’il fuq. B’konsegwenza ta’ dan, ma hemmx bażi legali sabiex tinfetaħ proċedura ta’ investigazzjoni fir-rigward ta’ fatti li seħħew qabel it-13 ta’ Diċembru 2011.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(3) tar-regolament imsemmi iktar ’il fuq.
—
F’dan ir-rigward ir-rikorrent jallega li ma hemmx indizji serji dwar l-eżistenza ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu rappreżentazzjoni ħażina tad-data dwar id-defiċit u d-dejn. L-azzjoni tal-awtoritajiet Spanjoli tikkostitwixxi reviżjoni spjegata b’mod ċar u xieraq tal-imsemmija data.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-Renju ta’ Spanja.
—
F’dan ir-rigward ir-rikorrent jallega li saret investigazzjoni moħbija, separatament mill-proċedura stabbilita, għad-detriment tad-drittijiet tad-difiża ta’ Spanja.
Full & Egal Universal Law Academy