17.11.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 409/54
Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Settembru 2014 – Teva UK et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-679/14)
2014/C 409/74
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Teva UK Ltd (West Yorkshire, ir-Renju Unit), Teva Pharmaceuticals Europe BV (Utrecht, il-Pajjiżi l-Baxxi) u Teva Pharmaceutical Industries Ltd (Ġerusalemm, l-Iżrael) (rappreżentanti: D. Tayar u A. Richard, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
—
tilqa’ dan ir-rikors u tiddikjara l-azzjoni ammissibbli;
—
tannulla l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni COMP/AT.39612 “Perindopril (Servier)” tad-9 ta’ Lulju 2014 sa fejn tikkonstata li Teva UK limited, Teva Pharmaceuticals Europe B.V. u Teva Pharmaceutical Industries Limited kisru l-Artikolu 101 tat-Trattat.
—
tikkanċella l-multa imposta fuq Teva UK limited, Teva Pharmaceuticals Europe B.V. u Teva Pharmaceutical Industries Limited fl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni COMP/AT.39612 “Perindopril (Servier)” tad-9 ta’ Lulju 2014;
—
fil-każ li l-Qorti Ġenerali ma tannullax l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni jew ma tikkanċellax il-multa fl-intier tagħha, tnaqqasha b’mod sostanzjali; u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi u ta’ fatt tal-Kummissjoni billi kkaratterizzat il-ftehim bejn Teva u Servier tat-13 ta’ Ġunju 2006 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim”) bħala restrizzjoni minħabba l-għan. Mill-perspettiva legali, il-Kummissjoni b’mod żbaljat ikkaratterizzat bħala restrizzjonijiet minħabba l-għan il-ftehim kollu li jista’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni minflok dak il-ftehim biss li b’mod ċar, min-natura tiegħu stess, jiżvela livell suffiċjenti ta’ ħsara fuq il-kompetizzjoni. Mill-perspettiva fattwali, iċ-ċirkustanzi prevalenti meta ġie nnegozjat il-Ftehim, b’mod partikolari r-riskji ġenwini fejn tidħol il-proprjetà intellettwali li kellha tiffaċċja Teva, juru li Teva daħlet fil-Ftehim biex tiżgura dħul opportun fis-suq u mhux biex tirċievi inċentiv għal dħul tardiv.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi u ta’ fatt tal-Kummissjoni billi kkaratterizzat il-Ftehim bħala restrizzjoni minħabba l-effett, peress li d-Deċiżjoni ma tipproduċix il-prova sal-istandard rikjest ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni fil-konfront tal-fatt ikkonċernat li qed jiġi kkontestat.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-Ftehim jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonkludi li l-Kummissjoni ma eżaminatx b’mod adegwat l-argumenti u l-provi prodotti mir-rikorrenti insostenn tal-eżistenza ta’ effiċjenzi u tal-konformità tal-Ftehim mal-kundizzjonijiet kollha tal-Artikolu 101(3) TFUE.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-multa imposta fuq ir-rikorrenti għandha tiġi annullata jew, mill-inqas, imnaqqsa b’mod sinjifikattiv. L-ewwel nett, id-deċiżjoni kisret il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ nuqqas ta’ retroattività, u ta’ aspettattivi leġittimi billi imponiet multa sostanzjali fuq Teva. It-tieni nett, il-Kummissjoni wettqet żball billi ma applikatx il-linji gwida tagħha dwar il-metodoloġija ta’ ffissar ta’ multi u kisret il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ aspettattivi leġittimi, ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament billi imponiet multa eċċessiva fuq Teva.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żbalji proċedurali sinjifikattivi.
Full & Egal Universal Law Academy