3.11.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 388/26
Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Settembru 2014 – Airport Handling vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-688/14)
2014/C 388/32
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Airport Handling SpA (Somma Lombardo, l-Italja) (rappreżentanti: R. Cafari Panico u F. Scarpellini, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla b’mod sħiħ id-Deċiżjoni C (2014) 4537 finali, tad-9 ta’ Lulju 2014, li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea fetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali fil-Każ SA.21420 (2014/NN) fir-rigward tal-istabbiliment tal-kumpannija Airport Handling S.p.A.;
—
sussidjarjament, u fil-każ remot li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li tilqa’ biss uħud mill-ilmenti mressqa b’dan ir-rikors, tannulla d-deċiżjoni suesposta f’dan ir-rigward;
—
fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur u applikazzjoni żbaljata tal-Artikoli 107(1) u 108(2) TFUE
—
Ir-rikorrenti tallega li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata sa fejn il-Kummissjoni Ewropea tassumi b’mod żbaljat li Airport Handling S.p.A. hija s-suċċessur ta’ SEA Handling, abbażi ta’ rabta preżunta ta’ kontinwità ekonomika bejn iż-żewġ kumpanniji, u li abbażi ta’ din il-premessa żbaljata adottat id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.
2.
It-tieni motiv huwa wkoll ibbażat fuq ksur u applikazzjoni żbaljata tal-Artikoli 107(1) u 108(2) TFUE.
—
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni n-natura żbaljata tad-deċiżjoni sa fejn il-Kummissjoni ddeċidiet li l-kapitalizzazzjoni ta’ Airport Handling S.p.A. tista’ tirrappreżenta għajnuna mill-Istat inkompattibbli mas-suq komuni, u abbażi ta’ din il-premessa żbaljata fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.
3.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.
—
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, billi adottat id-deċiżjoni kkontestata, naqset mill-obbligu tagħha li teżamina b’mod imparzjali u diliġenti l-informazzjoni fil-pussess tagħha, u naqset li tikkunsidra r-rekwiżit marbut mal-ibbilanċjar tal-interessi involuti.
Full & Egal Universal Law Academy