22.12.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 462/25
Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Settembru 2014 – Servier et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-691/14)
(2014/C 462/39)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Servier (Suresnes, Franza); Servier Laboratories Ltd (Wexham, ir-Renju Unit); u Les Laboratoires Servier SAS (Suresnes) (rappreżentanti: I. S. Forrester, QC, J. Killick, barrister, O. de Juvigny, avukat, u M.-I. F. Utges Manley, solicitor)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannula totalment jew parzjalment l-Artikoli 1, 2, 3, 4, 5, 6, 7 u 8 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru oC (2014) 4955 finali, tad-9 ta’ Lulju 2014, dwar proċedimenti skont l-Artikolu 101 u l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea [AT.39.612 – Périndopril (Servier)] sa fejn jikkonċernaw Servier S.A.S, Les Laboratoires Servier u Servier Laboratories Limited;
—
sussidjarjament, teżerċita l-kompetenza tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa sabiex tnaqqas b’mod sinjifikattiv l-ammont tal-multi imposti fuq Servier S.A.S, Les Laboratoires Servier u Servier Laboratories Limited taħt l-Artikolu 7 tal-imsemmija deċiżjoni;
—
tagħti lil Servier S.A.S, Les Laboratoires Servier u Servier Laboratories Limited il-benefiċċju ta’ kull annullament, totalment jew parzjalment, tad-Deċiżjoni fir-rikors ippreżentat minn Biogaran;
—
tagħti kull digriet li l-Qorti Ġenerali tqis xieraq;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw sbatax-il motiv.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq difett proċedurali, sa fejn l-investigazzjoni kienet ivvizzjata permezz ta’ konferma ta’ ipoteżi. Ir-rikorrenti jsostnu li, wara li ddikjarat pubblikament, fi tmien tal-investigazzjoni settorali, li s-settur kien “immuffat”, il-Kummissjoni pprovat akkost ta’ kollox tikkonferma din id-dikjarazzjoni permezz ta’ deċiżjoni, anki jekk dan kien ifisser li jiġu żnaturati u jerġgħu jinkitbu l-fatti tal-każ.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali, sa fejn il-Kumitat Konsultattiv dwar Akkordji u Pożizzjonijiet Dominanti li l-opinjoni tiegħu hija obbligatorja qabel kull deċiżjoni, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (1), ma tlaqqax fil-ħin, u sa fejn ir-rappreżentanti ta’ tliet Stat Membri biss attendew għal-laqgħa tal-imsemmi kumitat.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal rimedju effettiv, sa fejn il-Kummissjoni indirizzat lir-rikorrenti deċiżjoni ta’ 919-il paġna, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni r-restrizzjonijiet ta’ żmien u ta’ forom li għandhom jiġu osservati waqt il-preżentata ta’ rikors.
4.
Ir-raba’ sat-tnax-il motiv ibbażati fuq żbalji ta’ evalwazzjoni u żbalji ta’ liġi, sa fejn il-Kummissjoni kklassifikat b’mod żbaljat il-ftehimiet ta’ ftehim bonarju bejn ir-rikorrenti minn naħa, u Niche, Matrix, Teva, Krka u Lupin min-naħa l-oħra, bħala ksur tal-Artikolu 101 TFUE.
—
Ir-rikorrenti jsostnu b’mod partikolari li, sabiex tikklassifika l-ftehimiet ta’ restrizzjoni “permezz ta’ oġġett”, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq tliet fattur, iddefiniti b’mod tant wiesgħa li huma ineffettivi, sabiex tiddistingwi l-ftehimiet bonarji leġittimi minn akkordji antikompetittivi (eżistenza ta’ trasferiment ta’ valur li jagħti inċentiv lil produttur ta’ prodotti ġeneriċi sabiex jikkompremetti effettivament kwalunkwe benefiċċju kummerċjali, restrizzjoni tal-kompetizzjoni li tammonta għal limitazzjoni tal-libertà kummerċjali tal-prodottur ta’ prodotti ġeneriċi u kompetizzjoni potenzjali bejn il-partijiet minħabba l-assenza ta’ ostaklu li jrendi assolutament impossibbli d-dħul futur tal-prodottur ta’ prodotti ġeneriċi fis-suq).
—
Barra minn hekk, billi żnaturat l-oġġettiv leġittimu u l-kuntest tal-ftehimiet (b’mod partikolari billi ma kkunsidratx, minkejja r-realtà, l-eżistenza ta’ diffikultajiet tekniċi u regolamentari serji li jipprevjenu lill-manifatturi ġeneriċi milli jidħol fis-suq kif ukoll l-eżistenza ta’ kawżi paralleli), il-Kummissjoni vvizzjat, b’numru ta’ żbalji ta’ evalwazzjoni, l-konklużjoni tagħha li l-għan tal-ftehimiet li jirristrinġi l-kompetizzjoni.
—
Fl-aħħar nett, l-analiżi tal-“effetti” tal-ftehimiet hija vvizzjata minn kontradizzjoni ta’ motivi u mill-fatt li l-Kummissjoni ma użatx xenarju kontrofattwali realistiku. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata kollha kemm hi fuq analiżi ex-ante ta’ effetti ipotetiċi, li kważi tirriproduċi l-analiżi tagħha permezz ta’ oġġett bi ksur tal-ġurisprudenza, b’tali mod li ġie konkluż li kien hemm effetti antikompetittivi minkejja l-assenza ta’ kull effett reali fis-suq.
5.
It-tlettax-il motiv ibbażat sussidjarjament fuq żball ta’ evalwazzjoni u fuq żball ta’ liġi, sa fejn il-Kummissjoni kklassifikat artifiċjalment il-ftehimiet bejn ir-rikorrenti minn naħa, u Niche, Matrix, Teva, Krka u Lupin min-naħa l-oħra, bħala ħames ksur distinti.
6.
L-erbatax-il motiv ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni u fuq żball ta’ liġi, sa fejn il-Kummissjoni rrestrinġiet b’mod żbaljat u b’mod artifiċjali s-suq rilevanti tal-prodotti lesti għall-molekula singola ta’ perindopril, billi teskludi l-ħmistax inibitatur tal-enżima ta’ konversjoni oħrajn disponibbli fis-suq.
7.
Il-ħmistax-il motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li r-rikorrenti kellhom pożizzjoni dominanti fis-suq rilevanti. Ir-rikorrenti jsostnu li din il-konklużjoni tal-Kummissjoni tirriżulta mil-limitazzjoni artifiċjali tas-suq rilevanti għall-Perindopril biss.
8.
Is-sittax-il motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq żball ta’ liġi, sa fejn il-Kummissjoni kklassifikat b’mod żbaljat ir-rikorrenti bħala impriżi f’pożizzjoni dominanti fis-suq tair-rikorrenti bħala impriżi f’pożizzjoni dominanti fis-suq “tat-teknoloġija”.
Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ddefinit b’mod insuffiċjentement ċar u, fi kwalunkwe każ, żbaljat suq tat-“teknoloġija”, li jirropruduċi biss s-suq ta’ prodotti lesti, u qieset b’mod żbaljat li Servier kienet iżżomm pożizzjoni dominanti fuq dan is-suq ipotetiku.
9.
Is-sbatax-il motiv ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni u fuq żball ta’ liġi, sa fejn il-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li r-rikorrenti wettqu abbuż ta’ pożizzjoni dominanti meta kkonkludew ftehimiet bonarji (b’dan il-mod, il-Kummissjoni applikat simultaljament l-Artikoli 101 u 102 TFUE għall-istess fatti, kuntrarjament għall-ġurisprudenza), u billi akkwistaw teknoloġija embrijoniku mingħand SME Ewropea.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat(Test b’rilevanza ZEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).
Full & Egal Universal Law Academy