17.11.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 409/56
Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Settembru 2014 – EREF vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-694/14)
2014/C 409/77
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: European Renewable Energies Federation (EREF) (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: U. Prall, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-dispożizzjonijiet tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014–2020, tat-28 ta’ Ġunju 2014 (ĠU C 200 p. 1) dwar l-evalwazzjoni ta’ kompatibbiltà taħt l-Artikolu 107(3)C tat-Trattat f’kapitlu 3.3.2 dwar id-diżinn ta’ skemi ta’ sostenn għall-enerġija li tiġġedded intitolata “Għajnuna operattiva għal sorsi ta’ enerġij li tiġġedded”.
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha, inklużi l-ispejjeż tar-rikorrenti.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza.
—
Il-Kummissjoni ma għandhiex il-kompetenza sabiex tadotta l-Linji Gwida, billi l-leġiżlatur Ewropew għandu kompetenza limitata fil-qasam tal-enerġija. Taħt l-Artikolu 194 TFUE, skemi ta’ sostenn tal-enerġija li tiġġedded li huma dgħajfa fit-teknoloġija ma jistgħux jiġu imposti fuq l-Istati Membri billi għandhom impatt fuq id-drittijiet sovrani tagħhom tal-enerġija. Il-Kummissjoni Ewropea ma hijiex il-leġiżlatur tal-UE u ma tistax tuża Linji Gwida sabiex tadotta “kważi leġiżlazzjoni” biex tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-liġi sekondarja tal-UE, jiġifieri, id-Direttiva tal-Enerġija li Tiġġedded 2009/28/KE.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.
—
Bl-adozzjoni tal-Linji Gwida, il-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni u għaldaqstant kundizzjoni ta’ forma proċedurali sostanzjali. La fil-Linji Gwida nfishom u lanqas fl-Evalwazzjoni tal-Impatt ma tista’ tinstab ġustifikazzjoni suffiċjenti għall-għażla tal-politika li teħtieġ, bħala prinċipju, li l-Istati Membri kollha jadottaw sistema ta’ sejħiet għal offerti newtrali mill-perspettiva teknoloġika biex issostni l-enerġija li tiġġedded.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt ta’ ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
—
Il-Kummissjoni permezz tal-Linji Gwida, tikser ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità, billi l-Linji Gwida jipproponu strumenti mhux xierqa għall-għanijiet iddikjarati tal-promozzjoni tal-għanijiet tal-enerġija li tiġġedded tal-UE waqt li jnaqqsu l-effetti distortivi. Dawn l-istrumenti lanqas ma huma proporzjonati, waqt li joħolqu piżijiet eċċessivi kemm fuq l-Istati Membri, li kważi kollha jkollhom jirriformaw l-iskemi ta’ sostenn tagħhom tal-enerġija li tiġġedded, kif ukoll fuq l-individwi, li jkollhom jieħdu piż amministrattiv addizzjonali kkawżat mill-parteċipazzjoni fil-proċeduri tas-sejħiet għal offerti kompetittivi.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter.
—
Il-Linji Gwida jikkostitwixxu użu ħażin ta’ poter min-naħa tal-Kummissjoni. Permezz tal-Linji Gwida, jidher li l-Kummissjoni qed tipprova tgħaddi liġi f’oqsma fejn il-leġiżlatur tal-UE ma huwiex kompetenti, u tissuġġerixxi li miżuri li intrinsikament jimmiraw għall-armonizzazzjoni tas-sostenn għall-enerġija li tiġġedded fl-UE jkollhom l-għan li tiġi żgurata l-kompatibbiltà ta’ ċerti miżuri ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern.
Full & Egal Universal Law Academy