17.11.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 409/58
Appell ippreżentat fit-22 ta’ Settembru 2014 minn Bernat Montagut Viladot mis-sentenza mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-15 ta’ Lulju 2014 fil-Kawża F-160/12, Montagut vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-696/14)
2014/C 409/79
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Appellant: Bernat Montagut Viladot (Schaerbeek, il-Belġju) (rappreżentanti: F. Rodríguez-Gigirey Pérez u J. Simón Sánchez, avukati)
Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-15 ta’ Lulju 2014 mogħtija fil-Kawża F-160/12, Montagut vs Il-Kummissjoni;
—
tilqa’ r-rikors ppreżentat minn B. Montagut Viladot fil-Kawża F-160/12, billi tikkunsidrah ammissibbli u fondat;
—
tilqa’ t-talbiet ta’ din il-parti mressqa fl-ewwel istanza skont l-Artikolu 139 tar-Regoli tal-Proċedura, billi tannulla d-deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2012, li permezz tagħha B. Montagut Viladot ġie eskluż mil-lista ta’ riżerva ta’ kandidati magħżula, u
—
tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Dan l-appell huwa ppreżentat kontra s-sentenza mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-15 ta’ Lulju 2014, fil-Kawża F-160/12, Montagut Viladot vs Il-Kummissjoni, li tiċħad ir-rikors ppreżentat mill-appellant kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla EPSO/AD/206/11 (AD 5) li ismu ma jiġix inkluż fil-lista ta’ riżerva stabbilita wara din il-kompetizzjoni.
Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka tliet aggravji.
1.
L-ewwel aggravju bbażat fuq l-eżistenza ta’ żball ta’ liġi li jirriżulta mill-interpretazzjoni tar-regoli relatati mad-dispożizzjoni li tinstab fil-punt 2 tat-Titolu 3 tal-Anness tal-avviż ta’ kompetizzjoni mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u mill-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni Spanjola dwar id-diplomi universitarji.
—
F’dan ir-rigward huwa affermat li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonċentra biss fuq il-fatt li d-diploma universitarja ta’ B. Montagut Viladot ma hijiex “diploma uffiċjali”, fatt li la huwa jiddiskuti u lanqas jinnega, mingħajr ma dan l-istess Tribunal iqis, b’mod kuntrarju għall-ġurisprudenza tiegħu stess, li d-diploma ta’ B. Montagut Viladot hija diploma universitarja, li hija l-kundizzjoni meħtieġa fl-avviż, “[l]ivell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji konklużi ta’ mill-anqas tliet snin iċċertifikati b’diploma”.
2.
It-tieni aggravju bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali
—
F’dan ir-rigward huwa affermat li fis-sentenza tiegħu t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku la evalwa b’mod adatt u korrett il-leġiżlazzjoni Spanjola – Ley de Universidades 6/2001 (liġi dwar l-universitajiet 6/2001) – fir-rigward tad-diploma universitarja ta’ B. Montagut Viladot sabiex huwa jiġi inkluż fil-lista ta’ riżerva, la osserva l-ġurisprudenza tiegħu stess f’każijiet simili (Thomé vs Il-Kummissjoni F-97/12), u lanqas ma osserva l-kundizzjonijiet tal-avviż skont ir-regoli relatati mad-dispożizzjoni fil-punt 2 tat-Titolu 3 tal-Anness tal-avviż ta’ kompetizzjoni.
3.
It-tielet aggravju bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi
—
F’dan ir-rigward huwa affermat li fis-sentenza tiegħu t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma evalwax korrettament l-aspettattivi leġittimi ta’ B. Montagut Viladot li huwa kien ser jiġi inkluż fil-lista ta’ riżerva wara l-komunikazzjoni tat-12 ta’ Awwissu 2011, peress li l-kontenut tas-sentenza jirreferi biss għall-osservanza tar-regoli applikabbli.
Full & Egal Universal Law Academy