17.11.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 409/60
Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Settembru 2014 – TV1 vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-700/14)
2014/C 409/81
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: TV1 GmbH (Unterföhring, il-Ġermanja) (rappreżentanti: C. Scherer-Leydecker, J. Mey u A. Rausch, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni tal-għoti ta’ kuntratt tal-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tal-Istadju IV tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti PO/2014-03/A4, kif ukoll id-deċiżjoni tal-konvenuta li ma tagħix il-kuntratt lir-rikorrenti, innotifikata fil-25 ta’ Lulju 2014, u d-deċiżjoni tal-konvenuta li tagħti l-kuntratt għall-Istadju IV lil impriża oħra, innotifikata fl-1 ta’ Awwissu 2014;
—
tannulla l-kuntratt ta’ servizzi konkluż permezz jew skont id-deċiżjoni tal-għoti ta’ kuntratt;
—
tikkundanna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż tal-kawża, l-ispejjeż ta’ esperti u dawk meħtieġa li jsiru mir-rikorrenti minħabba l-kawża, b’mod partikolari l-ispejjeż marbuta mat-trasport u l-akkomodazzjoni u d-drittijiet tal-avukati;
—
tordna li l-konvenuta, bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura skont l-Artikolu 64(3)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, tipproduċi l-att tal-għoti tal-kuntratt u d-dokumenti rilevanti l-oħra u li r-rikorrenti tingħata aċċess sħiħ għall-atti li kien preċedentement miċħud.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka essenzjalment erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq offerta baxxa li ma hijiex normali min-naħa tal-impriża li ngħatat il-kuntratt
Ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni naqset milli tagħmel eżami fid-dettall tal-offerta, li skont ir-rikorrenti hija baxxa b’mod mhux normali, tal-impriża li ngħatat il-kuntratt u naqset milli teskludi din l-offerta jew l-offerent mill-proċedura tas-sejħa għal offerti. B’dan il-mod, il-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha skont l-Artikolu 110(2) tar-Regolament Nru 966/2012 (1) moqri flimkien mal-Artikolu 151 tar-Regolament Nru 1268/2012 (2) kif ukoll l-obbligu tagħha li tiżgura amminstrazzjoni tajba skont l-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq dokumenti skorretti tas-sejħa għal offerti
Ir-rikorrenti tilmenta wkoll li l-Kummissjoni kisret prinċipji tad-dritt dwar l-għoti ta’ kuntratti, partikolarment il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ garanzija ta’ kompetizzjoni ġusta kif ukoll l-Artikolu 102 tar-Regolament Finanzjarju tal-Unjoni.
F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma osservatx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 105 tar-Regolament Finanzjarju tal-Unjoni dwar dokumenti kompleti, ċari u preċiżi tas-sejħa għal offerti.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-offerta tal-impriża li ngħatat il-kuntratt
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-evalwazzjoni tal-offerta tal-impriża li ngħatat il-kuntratt ma tissodisfax l-obbligu ta’ motivazzjoni u hija bbażata fuq fatti kkonstatati b’mod żbaljat kif ukoll fuq żbalji ċari ta’ evalwazzjoni u użu ħażin ta’ diskrezzjoni.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-offerta tar-rikorrenti
Ir-rikorrenti tilmenta wkoll li l-informazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-offerta tar-rikorrenti ma tissodisfax l-obbligu ta’ motivazzjoni u li l-Kummissjoni wettqet żball ċar ta’ evalwazzjoni u ta’ diskrezzjoni meta evalwat l-offerta tar-rikorrenti.
(1) Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, p. 1).
(2) Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012, tad-29 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy