1.12.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 431/38
Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Settembru 2014 – Niche Generics vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-701/14)
(2014/C 431/61)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Niche Generics Ltd (Hitchin, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: E. Batchelor, M. Healy, Solicitors, u F. Carlin, Barrister)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni;
—
tannulla jew fi kwalunkwe każ tnaqqas l-ammont tal-multa; u
—
tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha u dawk sostnuti mir-rikorrenti f’dawn il-proċeduri.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 4955 finali, tad-9 ta’ Lulju 2014, fil-Każ AT.39612 – Perindopril (Servier).
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħdax-il motiv.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni naqset milli tapplika t-test ġuridiku korrett tan-“neċessità oġġettiva” sabiex tiddetermina jekk il-ftehim dwar il-privattiva bejn ir-rikorrenti u Servier jaqax taħt l-Artikolu 101(1) TFUE.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali meta ma applikatx il-Linji Gwida tar-Regolament ta’ Eżenzjoni Ġenerali tat-Trasferiment ta’ Teknoloġija għall-ftehim tar-rikorrenti.
3.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta kklassifikat il-ftehim bħala ksur “permezz tal-għan” tal-Artikolu 101(1) TFUE.
4.
Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni applikat ħażin it-test ġuridiku tagħha stess “ksur permezz tal-għan” għall-fatti speċifiċi marbuta mar-rikorrenti.
5.
Il-ħames motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-ftehim kellu effetti antikompetittivi.
6.
Is-sitt motiv huwa bbażat sussidjarjament fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi ma rrikonoxxietx li l-ftehim jissodisfa l-kriterji ta’ eżenzjoni skont l-Artikolu 101(3) TFEU.
7.
Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet ta’ difiża tar-rikorrenti u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba billi aġixxiet b’mod oppressiv fl-investigazzjoni tagħha fir-rigward ta’ dokumenti koperti minn privileġġ legali.
8.
It-tmien motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali fil-kalkolu tagħha tal-multa billi ttrattat lir-rikorrenti b’mod differenti minn Servier mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva.
9.
Id-disa’ motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-linji gwida tagħha dwar l-impożizzjoni ta’ multi u l-prattika tagħha stabbilita preċedentement meta imponiet multa fuq ir-rikorrenti.
10.
L-għaxar motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (1) billi eċċediet il-massimu ta’ 10 % limitu tal-multi.
11.
Il-ħdax-il motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 296 TFUE fir-rigward tal-kalkolu tagħha tal-multa u l-evalwazzjoni tagħha tal-gravità tal-ksur tar-rikorrenti.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFEU] u [102 TFEU] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).
Full & Egal Universal Law Academy