15.12.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 448/32
Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Ottubru 2014 – Tri-Ocean Trading vs Il-Kunsill
(Kawża T-709/14)
(2014/C 448/41)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Tri-Ocean Trading (George Town, il-Gżejjer Kajman) (rappreżentanti: P. Saini, QC, B. Kennelly, Barrister, u N. Sheikh, Solicitor)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/488/PESK, tat-22 ta’ Lulju 2014, li timplementa d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 793/2014 tat-22 ta’ Lulju 2014 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja sa fejn japplikaw għar-rikorrenti; u
—
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż tar-rikorrenti.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.
—
L-ewwel motiv, ibbażat fuq li l-Kunsill naqas li jissodisfa l-kriterju sabiex tiġi inkluża fil-lista, jiġifieri li l-persuna kkonċernata kienet “responsabbli mir-repressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja”, jew persuna li “tibbenefika minn jew li tappoġġa r-reġim” jew persuna assoċjata ma’ tali persuna. Il-Kunsill naqas milli jistabbilixxi li l-motivi mejqusa kontra l-entità kkonċernata kienu fondati.
—
It-tieni motiv, ibbażat fuq li l-Kunsill kiser id-dritt tar-rikorrenti għad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Ir-rikorrenti, fl-ebda stadju, ma pproduċa “provi serju u kredibbli” jew “provi konkret u kredibbli” favur argumenti li jiġġustifikaw miżuri restrittivi kontriha, kif rikjest mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
—
It-tielet motiv, ibbażat fuq li l-Kunsill naqas milli jagħti li-rikorrenti motivi suffiċjenti għall-inklużjoni tagħha fil-lista.
—
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq li l-Kunsill kiser b’mod gravi d-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti għall-proprjetà u għar-reputazzjoni. Il-miżuri restrittivi kienu imposti mingħajr salvagwardji xierqa li jippermettu lir-rikorrenti li tispjega l-każ tagħha b’mod effettiv quddiem il-Kunsill. Il-Kunsill ma weriex li l-indħil ferm sinjifikattiv mad-drittijiet tal-proprjetà huwa ġġustifikat u pproporzjonat. L-indħil lir-rikorrenti imur lilhinn minn impatt finanzjarju, u rriżulta wkoll fi ħsara lir-reputazzjoni tagħha.
—
Il-ħames motiv, ibbażat fuq li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Kuntrarjament għall-uniku motiv raġuni għall-inklużjoni tagħha, ma hemm l-ebda informazzjoni jew provi disponibbli li r-rikorrenti fil-fatt pprovdiet “appoġġ għar-reġim Sirjan” u b’hekk ibbenefikaw minn dan ir-reġim.
Full & Egal Universal Law Academy