1.12.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 431/40
Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Ottubru 2014 – NK Rosneft a.o. vs Il-Kunsill
(Kawża T-715/14)
(2014/C 431/64)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: NK Rosneft OAO (Moska, ir-Russja); RN-Shelf-Arctic OOO (Moska); RN-Shelf-Dalniy Vostok ZAO (Yuzhniy Sakhalin, ir-Russja); RN-Exploration OOO (Moska); u Tagulskoe OOO (Krasnoyarsk, ir-Russja) (rappreżentant: T. Beazley, QC)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla l-Artikoli 1(2)(b), (c) u (d) u (3), u l-Anness III tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina, kif emendat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/659/PESK tat-8 ta’ Settembru 2014;
—
tannulla l-Artikoli 3, 3a, 4(3) u (4), l-Anness II, l-Artikolu 5(2)(b), (c), (d) u (3) u l-Anness VI, u l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 960/2014 tat-8 ta’ Settembru 2014;
—
barra minn hekk jew sussidjarjament, tannulla r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK sa fejn dawn japplikaw għar-rikorrenti;
—
tordna lill-Kunsill ibati l-ispejjeż tal-kawża.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw disa’ motivi.
1.
L-ewwel motiv, li jallega li l-Kunsill naqas milli jipprovdi raġunijiet suffiċjenti biex jippermetti reviżjoni sħiħa tal-legalità kemm sostantiva kif ukoll proċedurali tad-dispożizzjonijiet li r-rikorrenti jitolbu l-annullament tagħhom (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet inkwistjoni”), u kiser id-drittijiet tad-difiża u d-drittijiet għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrenti fir-rigward tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni.
2.
It-tieni motiv, li jallega li ma kien hemm ebda prova mressqa mill-Kunsill li tiġġustifika jew li tista’ tiġġustifika li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni għandhom għan leġittimu jew legali.
3.
It-tielet motiv, li jallega li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni jiksru l-obbligi taħt il-liġi internazzjonali tal-UE skont il-Ftehim ta’ Sħubija u ta’ Kooperazzjoni mar-Russja u/jew il-GATT.
4.
Ir-raba’ motiv, li jallega li l-Kunsill ma kienx kompetenti biex jadotta d-dispożizzjonijiet inkwistjoni, jew dawk il-miżuri huma illegali, għaliex ebda rabta razzjonali ma hija evidenti jew ipprovduta bħala raġuni bejn l-għan iddikjarat tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK u l-mezzi magħżula biex dan jitwettaq.
5.
Il-ħames motiv, li jallega li r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 ma jimplementax b’mod tajjeb id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK, peress li l-Kunsill ma kienx kompetenti biex jadotta jew, jekk kien kompetenti, ma setax legalment jadotta l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 peress li (għall-inqas) prima facie, dan jinsab f’kunflitt mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK, b’mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha.
6.
Is-sitt motiv, li jallega li l-Kunsill ma kienx kompetenti biex jadotta, jew ma setax legalment jadotta d-dispożizzjonijiet inkwistjoni għaliex dawn jiksru l-prinċipju fundamentali ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ assenza ta’ natura arbitrarja.
7.
Is-seba’ motiv, li jallega li l-Kunsill ma kienx kompetenti biex jadotta, jew ma setax legalment jadotta d-dispożizzjonijiet inkwistjoni għaliex dawn ma humiex proporzjonati ma’, jew ma ġiex ipprovat li dawn huma proporzjonati għall-għan imfittex mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK. Barra minn hekk, bħala konsegwenza tan-nuqqas ta’ proporzjonalità tagħhom, id-dispożizzjonijiet (a) jiksru l-kompetenzi leġiżlattivi tal-Unjoni taħt il-PKK (Politika Kummerċjali Komuni) u (b) jikkostitwixxu interferenza mhux permessa mad-dritt fundamentali tal-proprjetà tar-rikorrenti u/jew il-libertà tagħhom li jeżerċitaw il-kummerċ.
8.
It-tmien motiv, li jallega li, partikolarment fin-nuqqas ta’ kull spjegazzjoni għad-dispożizzjonijiet inkwistjoni u għan-natura tagħhom, għall-inqas parti mill-iskop tad-dispożizzjoni kkontestata seta’ kien biex tfittex għan differenti minn dak imsemmi, u li minn lat separat ieħor, il-poter mogħti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK ġie użat ħażin.
9.
Id-disa’ motiv, li jallega ksur tal-garanzija kostituzzjonali ta’ ċertezza legali, inkluż fin-nuqqas ta’ kjarezza ta’ termini prinċipali fid-dispożizzjonijiet inkwistjoni.
Full & Egal Universal Law Academy